Din
hija il- Liturgija tas-Sbatax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fil-Liturġija
tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd, il-Knisja tipproponielna żewġ mirakli kbar ta’
tkattir tal-ħobż, wieħed fit-Testment il-Qadim u l-ieħor minn Ġesù fit-Testment
il-Ġdid. Bażikament, dawn ir-rakkonti huma xhieda tas-setgħa ta’ Alla fuq
l-Istorja, xhieda tal-Providenza tiegħU, imma fl-istess ħin turija tal-fatt li
Alla jinqeda bil-mirakli biex isaħħaħ il-Fidi.
Jekk sar miraklu tal-ħobż, l-ikbar rigal mhux il-ħobż materjali, imma
l-qabża ’l quddiem fil-Fidi ta’ nies li kellhom bżonn sinjal biex jissaħħu
spiritwalment.
Dan
dejjem huwa s-sens wara l-miraklu, anke jekk, naturalment, hemm ukoll il-ħniena
ta’ Alla quddiem il-miżerja tal-bniedem fuq din l-art. Fit-Testment il-Qadim, il-miraklu kien jiġbed
lin-nies biex jemmnu f’Alla u li quddiemhom kellhom Profeta, bniedem ta’ Alla
li ta’ min jemmen kelmtu. F’Kana, Ġesù
wera min hu, u hekk għamel fil-mirkali kollha, li ma kinux tant spissi daqskemm
naħsbu aħna. Il-miraklu kien jitwettaq
meta kien ikun hemm problema biex titwemmen il-Kelma. Malli l-Kelma titwemmen, jieqfu
l-mirakli! Dan narawh ċar fl-Atti
tal-Appostli.
Imma
jien nistieden biex inħarsu lejn il-Kelma li l-Knisja qegħda tagħtina f’dan
il-Ħadd minn naħa oħra: it-taqbida li
hemm fil-bniedem bejn il-ġibda għall-“ħobż” materjali u l-istint tiegħu lejn
dak li hu etern, lejn il-“ħobż” tal-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem. Liema hu l-iktar importanti: li nsolvi
l-problema t’issa, materjali, dik li lili qegħda ġġagħalni nbati issa, jew li
npoġġi l-ewwel u qabel kollox il-proċess ta’ Fidi li jwassalni lejn l-għarfien
tal-verità moħbija imma eterna? Mhux
faċli li wieħed iwieġeb.
X’inhu
dak li hemm miżrugħ fil-qalb: li kull darba li jidher is-Salib, nitlob u
nistenna li Alla jneħħihuli, jew nagħmel att ta’ Fidi u nerfgħu għax, min jaf,
għandu mnejn li l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn hija mgeżwra f’dak
is-Salib? Inkunu sinċieri: x’nitolbu
l-iktar fit-talb tagħna – ħwejjeġ materjali li huma ta’ din il-ħajja hawn fuq l-art,
jew grazzji spiritwali, il-Miraklu Morali tal-konverżjoni, iktar għarfien
tal-Imħabba ta’ Alla murija fil-Misteru tal-Għid li Kristu ġarrab minħabba
fija? Sinċerament, liema hu l-aktar importanti: il-“ħobż” tal-art jew dak
tas-sema?
Għal
ħafna nies din mhi problema xejn.
Ir-“reliġjon” qegħda hemm biex issolvilek il-problemi t’hawn... jekk
issolvihomlok. Wara kollox dan kien
il-“ġenesi”, il-bidu tar-reliġjonijiet kollha: “Obdi lil Alla (jew l-allat) u
Hu, (jew huma), jgħinuk f’din il-ħajja.”
Imma l-Alla ta’ Ġesù Kristu mhux dan.
Dawn huma allat, reliġjonijiet, ivvintati mill-bniedem skont ix-xewqat
primittivi tiegħu. Alla l-veru ma
jħallix li jiġi mċekken għall-pjanijiet u x-xewqat materjali tal-bnedmin li
dejjem jaraw sal-ponta ta’ mneħirhom. Mhux veru li Alla jisma’ dejjem it-talb
tagħna, almenu, jekk jisma’ dejjem, mhux dejjem jirrispondi kif nixtiequH
aħna!
Dan
hu li jagħmel lil Alla tant kbir li ma nistgħux nifhmuH. Hu jogħla ’l fuq minn dak li nipproġettaw
aħna. Abraham hu xempju ta’ dan li qed
ngħidu. Hemm dikatomija fil-bniedem,
firda fih innifsu. Hu qed jgħix hawn,
mhux fl-ajru, u dak li jweġġgħu hawn, li jonqsu hawn, sikwit jieħu mportanza li
titfi dak li Alla jixtieq jagħmel minna.
Abraham xtaq tifel. Dan kien
il-“ħobż” li għalih ixxennaq ħajtu kollha.
Dan kien il-“ħobż” li talab lill-allat foloz ta’ missirijietu. U dan kien il-“ħobż” li bih inqeda Alla biex
jidħol fl-Istorja tiegħu, f’Ħajtu.
Lil
Abraham wegħdu li jagħtih dan il-“ħobż” li l-allat ma kinux kapaċi jagħtuh, imma
għamilhielu ċara li l-“ħobż” veru li kellu għalih kien ferm differenti, ferm
ogħla, ferm iktar ta’ barra minn hawn.
Qed nitkellmu fuq dan il-bniedem ħamest elef sena wara li għex. Għaliex?
Għax emmen li Alla mhux “ħobż” materjali biss kellu għalih imma “ħobż”
tal-għaġeb li ma tistax timmaġinah... ried jagħmlu missier ġnus sħaħ minħabba
l-Fidi li rċieva. Li kieku Alla għamel
biss dak li xtaqu jagħmel Abraham, u xejn aktar, kieku ilu li ntesa dan
il-bniedem...
Alla
ma jridx li mmutu bil-ġuħ! Il-“ħobż”
materjali jipprovdih ukoll; anzi Alla jinqeda bih biex jgħid lil ruħna: “Ħej!
Jien hawn qiegħed!” Imma l-ħobż veru li
Alla hu ħerqan li jagħti lili u lilek hi l-Fidi vera u adulta f’dak li Ibnu
għamel għalina. Dan iwassal għal Ħajja
li ma tispiċċa qatt. Bir-raġunar tagħna,
aħna rridu nirranġaw din il-Ħajja li ġa nafu li se tispiċċa. Imma Alla jrid jagħmilni, lili, u jrid
jagħmel lilek, eterni, ħajjin għal dejjem!!
Il-“ħobż”
veru li għandna bżonn mhux żieda fil-paga, jew li ngħaddi mill-eżami, jew li
nsib tfajla, jew li nfieq, jew li ngħix għomor twil... Dan kollu hu kożmetiku u jgħaddi, anke jekk
iġenninna. Dak li għandna bżonn hu
ċ-ċertezza li Kristu rebaħ il-mewt għalina.
Jien u int għandna bżonn li l-Aħbar ta’ Kristu ma tibqax teorija
fl-ajru, imma ssir rejaltà konkreta f’ħajjitna.
Jekk
wieħed jirbaħ id-“derby”, il-lotterija, u jsir sinjur f’daqqa, ħajtu tinbidel,
naturalment. Iktar minn hekk għandha
jkollha influwenza fuqna il-Kerigma, il-Fidi fi Kristu, is-sejba tal-wirt li
għandna fi Kristu. Min se jemmnek li
inti temmen fi Kristu meta qatt ma ġarrabt din l-eżultanza ta’ ħelsien. Dan hu l-“ħobż tas-sema” tassew, imsostni
mill-“Ħobż Qaddis” li hi l-Ewkaristija.
L-Ewkaristija mhix “ċelebrazzjoni” li tista’ tkun sabiħa jew le. Fl-Ewkaristija jseħħ dak li aħna mwegħda:
“Mhux jien ngħix, imma Kristu jgħix fija!”
U jekk Kristu jgħix fija mela jien ma jien se mmut qatt għax Kristu
rebaħ il-mewt għal dejjem.
L-Ewwel
Qari
Dan
il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż mill-Profeta Eliżew jixbah lil dak ta’
Kristu. L-iktar kelmiet li jistgħu
jolqtuna hawn huma: “Kif nista’ nqassam dawn lil mitt ruħ?” (v. 43).
Hija l-mistoqsija istantanja tal-qaddej tal-Profeta meta dan qallu biex
jitma’ n-nies b’għoxrin ħobża tax-xgħir u xi sbul bil-qamħ. Hija mistoqsija raġunata; imma għax hi
raġunata, magħmula skont ir-raġuni, turi nuqqas ta’ fiduċja fil-bniedem ta’
Alla, u fl-aħħar mill-aħħar f’Alla nnifsu.
Min minna kien se jirrispondi mod ieħor?
Il-mument
ta’ miraklu hu mument serju u drammatiku.
Mument ta’ kriżi fejn Alla jkollu juri jdejH biex tissaħħaħ
il-Fidi. Alla ma jagħmilx mirakli hekk,
kif ġieb u laħaq. Alla mhux dak
is-saħħar li joħroġ mil-lampa ta’ Aladdin kull meta kien iħokkha u jgħidlu:
“X’għandek bżonn, Sinjur?” Aħna kieku
nixtiequ nsawru alla hekk, qaddej, alla tal-‘magics’. Alla jirreżisti din l-insistenza tagħna li
joqgħod jaqlagħlna l-grazzji materjali u jsir ilsir tat-talbiet tagħna, ħafna
drabi talbiet stupidi.
Meta
jrid jissorprendina b’xi azzjoni kbira, Hu stess iġibna b’daharna mal-ħajt,
jitfagħna f’sitwazzjoni fejn aħna jkollna ninżgħu mis-suppervja tagħna,
nammettu li mhux aħna li mmexxu l-Istorja, u nitolbuH il-ħniena. Imbagħad Hu jisma’ t-talba tagħna, anzi jbellahna
u jissorprendina bil-ġenerożità tiegħu bħalma jagħmel f’dan il-qari. Jagħtina anke iktar milli għandna bżonn. Għalfejn din l-istrateġija kollha? Diġa għidniha: biex tissaħħaħ il-Fidi u
l-Fiduċja fiH. Dawn huma l-akbar Grazzji
li Alla jista’ jagħtina.
Meta
Alla jġib lill-bniedem fil-qagħda hienja li ma jagħtix kas iktar tal-“għada”,
imma jgħix il-jum tal-lum, jgħix il-mument bla tħassib għax jaf li hemm min
jieħu ħsiebu, allura jkun qisu dak il-fuħħari li rnexxielu jlesti biċċa opra
sabiħa minn ċappa tafal iebsa u kollha żrar.
Hemm jixtieq iġibna l-Mulej, għax din tkun il-Ħajja ta’ Dejjem, il-Ġenna
ġa minn hawn.
Qari
mill-Tieni Ktieb tas-Slaten. 4, 42-44
U ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-salisa, u ġieb lir-raġel ta'
Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew
qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu.” Imma l-qaddej tiegħu wieġeb: “Kif nista' nqassam dawn lil mitt
ruħ?”
Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa jieklu; għax dan jgħid
il-Mulej: 'Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll.' ” Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal
minnhom, bħalma qal il-Mulej.
Salm Responsorjali
Biex titlob bis-Salmi jrid ikollok spirtu
umli. Is-soċjeta moderna tbeżżagħni għax
il-bniedem sar “adult”. Għadda minn
ħafna esperjenzi u kixef ħafna mis-sigrieti tal-univers u f’għajnejh hu
m’għadux iktar “tfal” li tikkmandah u tagħmel bih li trid. Iktar kemm kiber fl-għarfien, iktar sar
kburi, u llum il-bniedem qiegħed jagħmel lilu nnifsu Alla. Qed jagħmel lilu nnifsu Sid tal-Ħajja, Sid
ta’ kollox u jidħaq bl-ideja ta’ Alla, bl-ideja ta’ Xi Ħadd li ħalaq
kollox. Jekk lil Alla ma jistax jifhmu,
allura Alla ma jeżistix. M’hemm xejn li
tista’ tkun ikbar minn moħħu. Hu
Alla! Huwa hu li jiddeċiedi dak li hu
tajjeb jew ħażin. Ma tarax li mhux se
jħalli lil xi ħadd jgħidlu x’inhu ħażin għalih!
Is-Salmi, għall-kuntrarju, huma l-poemi
taċ-ċkejknin. Mhux ċkejknin fid-daqs,
fis-snin, jew fl-intelliġenza. Ċkejknin
fl-ispirtu. Dawk li l-esperjenza tathom
għerf li ħafna dutturi u għorrief, filosofi u ‘lecturers’ tal-università ma
akkwistawx mill-kotba tagħhom. Naf b’wieħed għaref fl-iskola u fl-affarijiet
tad-dinja, li kien joqgħod bil-qegħda fuq ġebla jisma’ wieħed naġġar li
bil-kemm kien jaf jikteb ismu, jitkellem fuq l-ispirtu tal-bniedem. Kien imur biex jitgħallem minnu!
Dan is-Salmista għex qabel ma l-bniedem niżel
fuq il-qamar jew ivvinta l-komputer. Imma l-bniedem, bniedem jibqa’. Ilsir kien u lsir għadu tal-biża’
tal-mewt. Dan hu li jagħmel lill-bniedem
ċkejken. Hu jħares lejn Alla b’għajnejn
ta’ ħlejqa lejn il-ħallieq tagħha.
“Għajnejn kulħadd fik jittamaw, Mulej, u inti f’waqthom tagħtihom
jieklu: int tiftaħ idek, u ttaffi x-xewqa ta’ kull min igħix.” (vv. 15-16).
Alla jipprovdi l-ikel lill-ġisem, imma fuq kollox Alla jipprovdi “Iben”,
jipprovdi lil Ibnu bħala offerta għalina lkoll sabiex aħna nirtu dak li
l-ispirtu tal-bniedem jixtieq iktar mill-ħobż li jgħaddi: Ħajja għal dejjem.
Ritornell: Iftaħ idek, Mulej; ferraħna
bil-ġid li tagħtina.
Salm 145
Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.
Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej,
u inti tagħtihom l-ikel f'waqtu.
Int tiftaħ idek,
u xxabba' 'l kulħadd bil-ġid.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f'dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa.
It-Tieni Qari
Skont San Pawl, il-bniedem li jikseb il-ħelsien fi
Kristu, jsir priġunier tiegħu. Hemm għażla x’wieħed jagħmel. Jew tkun ilsir tad-dinja jew ta’ Kristu; jew
ilsir tal-Mewt jew ilsir tal-Ħajja; jew ma tgħaddix mingħajr l-“ikel”
tad-dinja, jew ma tgħaddix mingħajr l-“ikel” tas-sema. L-għerf veru jgħidlek: tinvestix f’dak li
jgħaddi u jmut, imma f’dak li jibqa’ għal dejjem. Kun għaqli. Ibni darek, ħajtek, għal dejjem u
mhux għal ftit żmien. Int maħluq biex
tgħix u ma tmut qatt, imma min jiżżewweġ lid-dinja jkun qed jiżżewweġ
lill-mewt.
Ħafna jgħidu: “Ma tafx li nagħżel lil
Alla...” Imma l-għażla vera għal Alla tinagħraf
mill-opri li joħorġu minnha. San Pawl
jitkellem ħafna dwar li aħna salvi minn Kristu u minn Kristu biss, bil-Fidi
tagħna fih, u mhux mill-opri li nagħmlu.
Imma fl-istess ħin, jekk emminna fi Kristu u ġejna salvati minnu, u aħna
l-priġunieri tiegħu, dan irid jidher awtomatikament mill-għemil tagħna, mit-tip
ta’ ħajja li ngħixu. Ma tistax tgħid:
“Jien nemmen li Kristu salvani bid-demm għażiż tiegħU” u fl-istess ħin ma ġġibx
l-għaqda fejn hemm il-firda. Ma tistax
tkun Nisrani u dejjem ħsiebek fid-drittijiet tiegħek.
Ninsabu ngħixu fl-era tad-“drittijiet”. X’waħda din, ħadd ma jaf fejn se
nispiċċaw! Is-soċjetà tal-Punent
iġġennet. Il-ġliediet kontinwi għad-drittijiet
iġibu l-firda, għax fejn “taħseb” li inti għandek dritt aktarx li se tirfes il-kallu
ta’ ħaddieħor. Jgħidu li l-mara għandha
dritt fuq it-tarbija li għandha fil-ġuf għax ġisimha hu tagħha. Imma jekk tuża dan it-taparsi “dritt”, hi se
toqtol ħlejqa bla ħtija li ma tistax tiddefendi ruħha. L-omm issir il-qattiela ta’ binha/bintha. Il-ġuf tal-omm, l-iktar post kenni u sigur
għall-bniedem meta għadu l-aktar dgħajjef, isir il-post fejn tintrema l-forka
għalih. Dan hu terribbli. Soċjeta li tagħti dawn id-drittijiiet tkun
waslet biex taqa’
San Pawl iħeġġeġ lill-priġunieri tal-Mulej biex
jgħixu fil-Għaqda ta’ bejniethom u ma’ kulħadd, u fl-Imħabba. Biex int tipproduċi dawn iż-żewġ sinjali kbar
tan-Nisrani, ma tridx taħseb fuq id-drittijiet tiegħek, għax ma nagħmlu xejn! L-Imħabba mhux drittijiet trid imma li
tinagħta lil ħaddieħor. Dan hu li jsalva
d-dinja.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin. 4, 1-6
Ħuti:
Inħeġġiġkom
jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu
msejjħin; billi
bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. Ħabirku biex iżżommu
spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem
wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda,
magħmudija waħda; Alla
wieħed u Missier ta' kulħadd, li hu fuq kulħadd, b'kulħadd u f'kulħadd.
Evanġelju
Il-miraklu
tat-tkattir tal-ħobż kien sinjal tassew kbir li Kristu wettaq. Bħalma lil xi wħud mill-Appostli ried
isaħħaħhom fil-Fidi qabel ma jidħol fl-umiljazzjoni tal-Misteru tal-Għid, u
ħadhom fuq it-Tabor fejn fetħilhom għajnejhom biex jarawH hekk kif inhu,
fil-Glorja tiegħU li kienet moħbija fil-ġisem ta’ Ġesù ta’ Nażaret, l-istess
għamel mal-folol li kienu jimxu warajH.
Biex isaħħaħhom fil-Fidi għal li kien ġej fuqU, huwa jitmagħhom
fid-deżert, il-post fejn ma jeżistix ikel.
Dinil-ġrajja
seħħet ftit ġimgħat biss qabel il-Passjoni. Ħaġa li laqtitni f’dan ir-rakkont
hija l-konklużjoni: “Imma Ġesù meta fehem li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors
ħalli jagħmluh sultan, reġa’ warrab waħdu fuq il-għoljiet.” (v.15). Għalina, nies miżżewġin lid-dinja fejn
ir-rejaltà ta’ din il-ħajja tisboq u tissupera l-Ħajja ta’ Dejjem li ma
tidhirx... li ngħixu qiesna din il-ħajja biss teżisti u nsibuha bi tqila li
nidħlu fir-rejaltà spiritwali tal-Ħajja fi Kristu li tibda minn hawn u tkompli
wara l-mewt fiżika... għalina, din li Kristu kien jaħrab mill-popolarità,
tixxokkjana. Bħalma, naħseb, kienet
tixxokkja lill-Appostli. L-Appostli
kienu nies materjali bħalna u kienu, bla ma jridu, qed jiġru wara Ġesù biex
jużawH għall-glorja tagħhom f’din id-dinja.
Eżempju ta’ dan hi omm ulied Żebedew.
Kristu
kien il-bniedem mhux aljenat. Kien
bniedem solitarju, waħdu, għax min kien jaħsibha bħalu? Sħabu stess kienu jitħawdu quddiemu. Għalhekk hu mportanti naraw għal liema ikel nixxennqu. Kristu tema n-nies, veru, imma ftit jiem
wara, meta l-folol żdiedu, Hu dar lejhom u qalilhom li kien qed jiġru warajĦ
għax kielu u xebgħu bl-ikel materjali.
Ma ridhomx “jinqdew” bih biex ixebbgħu il-ħerqat u l-ġibdiet materjali
tagħhom.
Dak
li għandu x’jagħtina Kristu huwa ikel spiritwali, ikel ta’ Ħajja li ma
tintemmx, u jekk jaqlagħlna l-grazzji materjali wkoll, dan jagħmlu biex jgħinna
ngħaddu mill-bżonnijiet materjali għall-bżonnijiet vera, dawk spiritwali. Għax il-problema tiegħi mhix jekk għandix
ħafna flus jew ftit; mhix jekk inix komdu jew le; mhix jekk nagħmilx suċċess
hawn jew le. Il-problema tiegħi u ta’
kull bniedem hija li jien ngħix f’ġisem li jmut, imma ġo fija hemm ħerqa, xewqa
li taqbad bħal ħuġġieġa għal rebħa fuq il-monstru tal-mewt. Din hi l-vera problema tal-bniedem u biex
isolvilu dan, li l-Missier telaq lil-Ibnu f’ħalq il-mewt.
Versett:
Hallelujah. Mhux bil-ħobż biss igħix il-bniedem iżda b’kull kelma li toħroġ
minn fomm Alla. Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 6, 1-15
F’dak
iż-żmien: Ġesù telaq lejn in-naħa
l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta' Tiberija. Ħafna nies marru
warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan
tal-morda. Ġesù tela' lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda
mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa
tal-Lhud.
Ġesù rafa' għajnejh,
lemaħ kotra ta' nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: "Mnejn nixtru l-ħobż
biex dawn ikollhom x'jieklu?" Dan qalulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x'sejjer
jagħmel. Filippu wieġbu: "Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed
għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit." Wieħed mid-dixxipli
tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: "Hawn tfajjel li għandu ħames
ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x'inhuma għal daqshekk
nies?" "Qiegħdu n-nies bilqiegħda," qal Ġesù.
Dik in-naħa kien hemm
ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu
bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li
kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm
ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Iġbru l-loqom
li baqa', biex xejn ma jinħela." Marru jiġbruhom, u mlew
tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir
wara li kienu kielu.
Għalhekk dawn in-nies,
meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: "Dan hu tassew il-Profeta li
għandu jiġi fid-dinja!" Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin
biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa' warrab waħdu lejn l-għoljiet.
|