Friday, 14 December 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-HOBZ TAL-HAJJA DEJJEM
IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-HOBZ TAL-HAJJA DEJJEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 August 2018

Din hija il- Liturgija tatTmintax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 manna.jpg

 

Id-dinja llum mimlija skejjel, kulleġġi, akkademji, universitajiet..., dak kollu li trid, fil-qasam tal-edukazzjoni. Għandna għalfejn nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan għax uliedna jsibu min jgħinhom biex jilħqu livell għal karriera li barra li tipprovdilhom indipendenza finanzjarja, tagħtihom sodisfazzjon li qed jipproduċu xi ħaġa mportanti għas-soċjeta.  Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni, kiber l-għerf akkademiku tal-bniedem. Żviluppa filosofiji, sistemi tal-psikoloġija, ideat li welldu ideoloġiji politiċi.  Kotba fuq kotba; studji fuq studji; riċerki, tfittix, esperimenti... dan kollu biex jifhmu dejjem aktar lill-“bniedem”.

 

Min hu l-bniedem?  Kristu jaqta’ għad-dritt.  Elfejn sena ilu qal li hemm żewġ tipi.  Bnedmin ħajjin u bnedmin mejtin.  Il-biċċa l-kbira huma “mejtin”, anke jekk jieħdu n-nifs.  Oħrajn huma “Ħajjin” tassew.  U Kristu tana ritratt tal-bniedem “Ħaj”: id-Diskors tal-Muntanja.  Lil Nikodemu qallu: “Trid titwieled mill-ġdid.”  Jiġifieri għal Kristu l-“mejtin” mhumiex dawk li ma jemmnu b’xejn, jew jobogħdu lill-Knisja biss, iżda anke nies “reliġjuzi” u ta’ fama tajba bħal Nikodemu, bniedem ta’ intenzjoni u rieda tajbin.  Kristu jgħid lili u lilek li għandna bżonn nitwieldu mill-ġdid biex nidħlu fil-Ħajja vera rebbieħa fuq il-mewt ġa minn hawn stess. 

 

Ma nafx għalfejn għandna nkunu sorpriżi b’dan.  Ġesù nnifsu stagħġeb kif Nikodemu, studjuż tal-Kelma ta’ Alla, ħadha bi kbira li hu wkoll kellu bżonn jitwieled mill-ġdid.  Ġesù jistagħġeb bina wkoll u jgħidilna: “Ma rċivejtux intom il-Magħmudija meta kontu trabi?  Ma tafux li fil-Magħmudija hemm miġbura l-mewt tal-bniedem il-qadim, il-bniedem li bih nitwieldu, in-natura marida u “mejta” f’għajnejn Alla, u t-Twelid Ġdid ta’ natura oħra, divina, natura ta’ wlied adottivi ta’ Alla?  Ma tafux”, jgħidilna Ġesù, “li s-sagramenti mhumiex affarjiet tas-sħaħar... li dak li sar taħt xbihat fil-Magħmudija, issa jrid iseħħ hekk kif il-Magħmudija timmatura u tikber fina matul ħajjitna kollha?”

 

Kulma hemm bżonn biex insiru qaddisin, diġa qiegħed ġo fina.  Diġa rċivejna l-Grazzja.  Fiż-żerriegħa tal-Magħmudija hemm il-possibiltà ta’ Ħajja eterna, Ħajja għal Dejjem, Ħajja Dejjem, mhux daqqa tħossok ħaj u fuq tiegħek, imbagħad xi ħadd jgħidlek kelma u joqtlok.  Din x’Ħajja hi?  Din mewt mhux Ħajja. Il-Mulej darba qal, “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.” (Lq. 9, 60). Mela, tassew Grazzja kbira hija l-Magħmudija tagħna, ħafna iktar milli nobsru.  U kif tikber din il-Magħmudija, għax hu ċar li hemm proċess, hemm maturazzjoni fiha?  Il-Magħmudija hi bħal żerriegħa li trid tissaqqa, jew bħal tfajjel li għandu bżonn ikel sustanzjus biex jikber.  Fuq dan l-ikel li jwassal għall-Ħajja vera li se tkellimna l-Liturġija tal-Kelma llum.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-problema li tqum quddiemna meta nitkellmu fuq l-ikel li Alla jagħti u li jwassal għal Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn, hi jekk, wara kollox, il-bniedem iridux dan l-ikel.  Is-soċjetà post-moderna tagħna tindika li mhux dan l-ikel li trid, imma l-ikel materjali, b’dak kollu li din il-frażi tfisser: flus, karriera, saħħa, kumditajiet, suċċessi, stima, divertiment bla rażan.  Dan huwa l-ikel ta’ dawk li f’għajnejn Kristu huma mejtin.  L-Iskrittura titkellem fuq in-nies li għalihom din il-ħajja biss teżisti, bħala nies li żżewġu l-mewt għax qed iħaddnu tip ta’ ħajja li dejjem riesqa lejn it-tmiem bla tama. 

 

Intom taqblu miegħi meta ngħid li d-dinja toffri ħafna, ħafna tipi ta’ droga biex taljena lill-bniedem u tnissih... mhux biss droga illegali.  Ix-xogħol jista’ jkun droga.  Il-flus huma ċertament droga.  L-affetti.  Il-prosit tan-nies. Il-kapaċità li tixtri li trid.  Dan kollu hu droga li taljena, anke jekk fil-fond huma providenza ta’ Alla.

 

Iżrael, lil Alla kiddewH billi mill-materja li provdielhom huma sawru idoli li għoġbuhom iktar minn Alla.  Minn dejjem kienu materjali, li għalihom teżisti biss din il-ħajja fuq din il-pjaneta żgħira.  Il-bniedem jitlef il-viżjoni tal-eternità u jitlob biss ikel li jgħaddi. Mhux imbiegħed minna dan il-bniedem!

 

Fid-deżert, Iżrael tilef l-ideja tal-għaġeb li hu kien il-poplu magħżul ta’ Alla.  Fid-dgħufija materjalista tiegħu nesa li l-ikbar potenza politika u militari ta’ dak iż-żmien ma kienx irnexxiela żżomm ftit eluf ta’ lsiera milli jaħarbu.  Nesa Iżrael l-għeġubijiet li kien ra b’għajnejh u għal liema glorja kien imsejjaħ.  Iddominatu l-kilba għall-ikel materjali.  L-ikel li tah Alla kien il-ħelsien, iżda hu beda jixxennaq li jmur lura fil-jasar basta jkollu l-borom tal-laħam, ħobż bix-xaba’, il-basal, il-kurrat u l-bqija. 

 

Il-bniedem huwa ġisem u spirtu u għandu bżonn ikel materjali u ikel spiritwali.  Iżda ħafna drabi hemm konflitt bejn dawn it-tnejn. Għalhekk is-sawm dejjem kien arma qawwija għall-Knisja.  Għax is-sawm jikxef fejn qegħda qalbek.  Mhux ta’ b’xejn li s-sawm kważi spiċċa għal kollox mill-kultura tagħna.  Indikazzjoni ta’ liema ikel nippreferu u fejn qegħda qalbna. 

 

Ma nistgħux niġġudikaw lil Iżrael fid-deżert, għax Iżrael huwa jien u int.  It-talb tagħna nnifsu jindika x’tip ta’ nies aħna u fejn tinsab qalbna. Ħafna nies ma jitolbu xejn għax Alla ma għadux jeżisti f’Ħajjithom, imma dawk li jitolbu, interessanti tkun taf x’jitolbu:  affarijiet materjali jew spiritwali?  Mit-tnejn, iwieġbu.  Imma jekk inkunu sinċieri nammettu li t-talb tagħna huwa l-iktar għal grazzji materjali, grazzji dwar din il-ħajja li tgħaddi. 

 

Alla ma jridx iċaħħadna mill-affarijiet materjali, wara kollox mhux kollox Hu ħalaq?  Mhux Hu kien li tana d-dinja biex ingawduha?  Imma Alla tana kollox bil-prekarjetà.  Alla ma jħallikx isserraħ rasek b’xejn li hu materjali għax id-dinja ma tista’ qatt tagħtik il-paċi li tixtieq għax kulma hawn fid-dinja qiegħed imut bħalek.  L-affarijiet materjali huma bżonnjużi, imma Alla dejjem jipprovdihom bil-qjies, bi prekarjetà. 

 

Kollox hu prekarju f’din id-dinja.  Ħadd ma jaf kemm se jgħix.  Ħadd ma jaf kemm se ddum sejra tajjeb l-ekonomija.  Fl-Ewropa, sa għaxar snin ilu kienu qed jaħsbu li tassew il-bniedem sar alla għax kellu kapaċità jsolvi l-problemi ekonomiċi, soċjali u l-bqija.  Sakemm faqqgħet il-kriżi finanzjarja bla ma ħadd mill-bravi ma nduna biha, u kollox ikrolla. 

 

Kollox hu prekarju.  Is-saħħa tiegħek hija prekarja.  Anke l-paċi fil-familja tiegħek hi prekarja għax ma tafx meta tista’ tfaqqagħlek bomba ta’ nkwiet.  Lil Iżrael, Alla ssodisfalu l-ħerqat materjali billi taħ il-manna... imma bi prekarjetà!  Kienu jistgħu jiġbru għal jum wieħed biss.  Ħafna ħasbu li għal jum wieħed biss ma jserħux moħħhom; allura ġabru għal tnejn jew għal tlieta, imma ddewdilhom.  Il-manna kienet isservi għal jum wieħed biss. 

 

Wara dan hemm tifsira profonda.  Alla qed jgħidilna: Tħabblux raskom fuq dak li jgħaddi.  Ser ikollkom biżżejjed, tinkwetawx.  Fid-Diskors tal-Muntanja, Ġesù jgħid waħda minn tiegħu li lili ddaħħakni għax tmur kontra l-ideja ta’ “għaqal” li għandna.  Hu jgħid: “Tħabblux raskom għal għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu, għax biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata” (Mt. 6, 34).  Hu ċar li l-Mulej ma jrid jeħdielna xejn, imma jrid jarana ngħixu ħajja ta’ sens, fis-sliem u ngawdu tant affarijiet sbieħ li aħna mdawrin bihom imma li fil-fixla tagħna lanqas biss nindunaw bihom jew nagħtu kashom.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  16, 2-4, 12-15

 

Fid-deżert, il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron.  Ulied Iżrael qalulhom: “M'hux li mitna b'id il-Mulej fl-art ta' l-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba'! Ħriġtuna f'dan id-deżert biex toqtlu bil-guħ din il-ġemgħa kollha!”

 

Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta' ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le.

 

“Jien smajt it-tgergir ta' wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: 'Fil-għaxija tieklu l-laħam u fil-għodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom.’ ”

 

U ġara li fil-għaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u fil-għodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined.  Meta din in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art. 

 

Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?” - Għax ma għarfux x'inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu.”

 

Salm Responsorjali

 

Salm 78 huwa Salm ta’ meditazzjoni fuq l-Istorja ta’ Iżrael.  Hu mportanti li nimmeditaw anke l-Istorja tagħna, għax anke l-Istorja tagħna hija Kelma ta’ Alla għalina.  Tassew li Alla jkellimna wkoll permezz ta’ dak li ngħaddu minnu, għax dan kollu jippermettih hu.  Alla kien li ppermetta li l-poplu jbati l-ġuħ materjali fid-deżert, biex il-poplu jinduna li malli tmisslu ġildu jirvilla u ma jibqax jemmen li Alla hu Mħabba.  Din Kelma għalina lkoll.  L-Istorja kollha tagħna hi mfassal biex aħna nikbru fil-Fidi, Fidi li tagħtina l-Ħajja ta’ Dejjem.  Għal Alla dan hu l-iktar importanti, u hekk għandu jkun għalina wkoll.  Ninkwetaw ħafna fuq dak li jiġrilna fl-Istorja tagħna għax ma nkunux qed naraw ċar x’inhu l-iskop tal-eżistenza tagħna u allura problema materjali ta’ hawn f’daqqa waħda minn żrara ssir muntanja. 

 

Dan hu normali.  Hija l-Fidi li tagħtik dixxerniment fuq il-ħajja u dak  kollu li tgħaddi minnu.  Mingħajr il-Fidi, s-Salib u t-tbatija jsiru monstri.  Issa l-Fidi ma nġibuhiex aħna b’kemm nistinkaw għaliha, imma hija rigal gratis, b’xejn ta’ Alla.  Imma aħna nistgħu ma naċċettawhiex.  Il-Fidi tgħidlek li inti tinsab fil-proċess ta’ Magħmudija li fiha l-bniedem il-qadim imwerwer mit-tbatija u l-mewt qed jiġi maqtul.  Biex? Bis-Salib.  Alla jippermetti s-Salib biex joqtol bih in-natura marida tagħna u flokha jagħtina n-natura tiegħu.  Is-Salib qatel lil Kristu u l-istess jagħmel lill-bniedem tad-dnub li jgħammar fina.  Minfloku, jqum mill-mewt il-Bniedem il-Ġdid, u dankollu mfisser  fl-ilmijiet tal-Magħmudija.

 

Dan il-proċess qed isir f’ħajtek bla ma tinduna.  Imma jekk bdiet tidher il-Fidi fik, int jgħaddilek minn moħħok li dik is-sitwazzjoni tiegħek li mhix togħġbok, qegħda toqtollok in-natura l-qadima u qed isseħħ fik xi ħaġa tal-għaġeb.  Imma ħafna drabi dan jidher biss teorija għallina lkoll, u iktar nikkumbattu s-Salib li għandna milli nerfgħuh.

 

Iżrael kellu Salib fid-deżert, mela le.  Imma dan is-Salib ġagħlu jidgħi kontra Alla.  Dan jiġri lilna wkoll.  Quddiem it-tbatja, nidinbu, naħsbu ħażin f’Alla.  Donnu li nisimgħu kemm nisimgħu fuq Alla, mhux biżżejjed u kollu ta’ xejn.  Imma anke lid-dnub tagħna, Alla jdawru fi Grazzja.  Gerger kemm gerger fid-deżert, Iżrael ħareġ minnu b’Fidi ħafna, ħafna iktar b’saħħitha minn meta beda l-vjaġġ tiegħu.  Anke aħna.  L-Istorja ġġelidna mal-Mulej, imma hu jxammar u jgħinna biex fl-aħħar mill-aħħar iktar kemm nikbru, iktar nimmaturaw fil-Fidi.

 

Huwa għalhekk li dan is-Salm jagħti mportanza lill-fatt li l-ulied semgħu mingħand missirijiethom dak li kien għamel magħhom il-Mulej.  Din jgħidulha it-Trażmissjoni tal-Fidi lill-ulied.  Dan hu d-dmir tal-ġenituri.  Kemm il-missier u kemm l-omm għandhom id-dmir li lit-tfal mhux biss jibagħtuhom id-Duttrina jew għall-Quddies, imma wkoll jirrakkontawlhom l-esperjenzi li huma kellhom ta’ Alla, fuq livell personali.  Dan lit-tfal jimmarkahom ħafna iktar minn lezzjoni tad-Duttrina, u anke, nażżarda ngħid, mil-Liturġija nfisha.  Importanti li jkollna x’ngħaddulhom lit-tfal, għax inkella għad tasal ġenerazzjoni ta’ ġenituri li ma jkollhomx Fidi x’jgħaddu lil uliedhom, u dak in-nhar jintilef kollox.

 

Ritornell: Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema.

 

Salm 78

 

Dak li smajna u tgħallimna,

dak li qalulna missirijietna,

aħna ma naħbuhx lil uliedna,

iżda nxandruh lin-nisel ta' warajna:

tifħir il-Mulej u l-qawwa tiegħu,

u l-għeġubijiet li għamel.

 

Hu ordna s-sħab fl-għoli,

u fetaħ bwieb is-smewwiet;

u xita ta' manna bagħtilhom x'jieklu,

tahom il-qamħ mis-sema.

 

Kull wieħed kiel il-ħobż tal-qalbenin,

ikel bix-xaba' bagħtilhom.

U daħħalhom fl-art imqaddsa tiegħu,

fuq l-għolja li kisbet  il-leminija tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Dawk li għal Ġesù Kristu huma “mejtin” għax m’għandhomx il-Ħajja li tiġi mit-Twelid Ġdid fi Kristu, dawn, huma l-“boloh” għal Pawlu, anke jekk igawdu l-lawriji u d-diplomi tal-università.  Fi Kristu hemm il-Ħajja, barra minnu m’hemmx Ħajja, imma ssaltan il-Mewt.  Jekk irriduha ta’ Nsara,  ibda minni, dan għandu jkun ċar f’moħħna.  Min hu konvint minn dan ma jitlobx biss ħobż materjali, imma fuq kollox jitlob il-ħobż tas-sema, l-għarfien tal-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu għalija, Imħabba-rigal li ħafna drabi tiġi għandna mgeżwra f’karti tal-ġażżetti, maħmuġin u koroh. 

 

Min hu konvint li l-Ħajja hi fi Kristu u fi Kristu biss, se jgħix mod ta’ Ħajja differenti mill-boloh li jfittxu l-Ħajja fid-dinja fejn hemm biss il-mewt.  San Pawl jerġa’ għal darb’ oħra jitkellem fuq il-bniedem il-qadim.  Din l-espressjoni hija mportantissima għan-Nisrani.  Hu mportanti ħafna li fil-Mixja tagħna lejn l-Għerf veru, insiru midħla ta’ dan il-proċess ta’ mewt għall-bniedem il-qadim u twelid ġdid għall-bniedem il-ġdid.  Dan hu l-bażi ta’ kollox.  Dan hu l-Għid.  L-Għid hu misteru li ma seħħx biss fi Kristu imma, permezz tiegħU, iseħħ ukoll f’min jemmen.  Min ma jħossx dan il-proċess ta’ mewt-Ħajja, mewt li tieħu għal Ħajja, ma tantx jista’ jifhem l-Istorja tiegħu.  Għax l-Istorja hijja mmarkata mill-Misteru tal-Għid u huwa l-Għid biss li jagħtina d-dawl fuq dak li jiġrilna. 

 

San Pawl jgħidilna biex ninżgħu il-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid li jsir jixbah dejjem aktar lil Kristu. Aħna m’għandniex saħħa la ninżgħu u lanqas nilbsu, imma jekk inkunu konxji ta’ dak li Alla qed jagħmel fina, flok nitqabdu miegħu, nikkoperaw u hekk naslu biex minn din id-dinja stess inkunu sinjal tal-Ġenna f’dinja li tgħix f’dell il-mewt.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  4, 17. 20-24

 

Ħuti: Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skond ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta' moħħhom.

 

Imma intom mhux hekk tgħallimtu 'l Kristu -  jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skond il-verità li hi f'Ġesù -  jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta' qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, mħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa,  u li għandkom tiġġeddu b'tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom  u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.

 

Evanġelju

 

Kapitlu 6 hu wieħed mill-iktar kapitli mqanqlin li nsibu fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.  Jiftaħ bil-miraklu memorabbli tat-tkattir tal-ħobż li ġibed il-folol għal wara Ġesù, u li l-Knisja pproklamatu fl-Ewkaristija tal-Ħadd li għadda, u jispiċċa bl-Ewkaristija ta’ ħmistax oħra bil-mases tan-nies jitilqu ’l hemm u jħallu lil Ġesù waħdu mal-Appostli li lilhom jistaqsi jekk ridux jitilqu huma wkoll.  X’ġara biex seħħet din it-taqliba kollha?

 

L-ewwelnett, Kristu mhux bħall-politiċi ta’ żmienna li huma lsiera tal-“political correctness” li tagħmlek toqgħod attent kif titkellem biex ma ddejjaqx lil dawk li trid minnhom.  Il-politika, mhux is-Sewwa sidha, imma l-vot, u l-vot jagħtuhulek in-nies, u allura int tiddependi minnhom u trid toqgħod attent li tiġbidhom lejk bi kliem ħelu, anke meta minn ġewwa tkun taf li m’intix tgħid il-verità. 

 

Kristu ma kienx diplomatiku u ma kellu xejn minn dan, bħall-Profeti veri li Alla bagħat qablu.  F’dan il-Kapitlu Kristu jitkellem fuq verità tqila, diffiċli u stramba u ma qagħadx iżejjinha u jdur mal-lewża u jispjegaha li ma jmurx li jurta n-nies u jonqos in-numru ta’ dawk li kienu miegħu.  Kristu jitkellem fuq li Hu huwa l-veru ħobż li jagħti l-vera Ħajja lill-bniedem.  Din hu tefagħha hekk, kif inhi.  Ried jara min kienu dawk li tassew kienu magħżulin mill-Missier biex jimxu warajH.  Malajr sar jaf.  Kulħadd telaq ħlief it-Tnax.

 

L-ewwelnett, dan il-Kapitlu jitfa’ dawl fuq il-problema tal-massa.  Il-Knisja minn dejjem kellha problema hawn. Għalina l-bnedmin, in-numru huwa mportanti u l-mases tan-nies jogħġbuna.  Fl-Istorja, l-Knisja kienet tipponta biex tikkonverti s-Sultan l-ewwel, għax kienet taf li jekk jikkonverti hu, l-pajjiż kollu jidħol fil-Knisja, bħalma sar meta kkonverta l-Imperatur Kostantinu.  Dan ħafna drabi ħalla togħma qarsa għax il-Knisja mtliet b’ħafna nies li mhux veru li kellhom il-Fidi, mhux veru kienu konvinti.  Illum il-Knisja qed jiġrilha bħalma ġralu Kristu f’dan is-Sitt Kapitlu ta’ San Ġwann: qed jitilqugħha n-nies u terz biss tal-popolazzjoni Maltija tindenja ruħha tattendi għall-Ewkaristija tal-Ħadd.

 

Għal xi wħud dan hu żmien diffiċli għall-Knisja.  Jista’ jkun li din hi żabra prima li l-Mulej qiegħed jagħmel lill-Knisja tiegħu.  Diġa kien jaf minn huma dawk li veru kienu miegħu.  Issa qed iħalli lil dawk li mhux miegħu jitilqu mill-Knisja.  Ir-riżultat se jkun Knisja differenti, Knisja ġdida.  Ħafna qed  jibżgħu minn dan iż-żmien ġdid u qed jistinkaw biex nerġgħu lura lejn żmien il-massa, iż-żmien ta’ ħamsin sena ilu.  Dan issa jidher impossibbli, u aktarx ukoll, kontra r-Rieda ta’ Alla.

 

Punt ieħor importanti fil-qari li ġej: Int għalfejn qiegħed tfittex lil Ġesù Kristu?  Int tmur il-Knisja biex tiltaqa’ miegħU, le?  Għalfejn?  Xi trid mingħandu.  Biex ineħħilek is-Salib?  Biex jagħtik il-ħobż tad-dinja?  Biex jipprovdilek dejjem iktar?  Biex fl-Istorja, kollox jimxi kif qed tippjana int, għax int taf iktar minnU x’inhu tajjeb għalik?  Lin-nies li raw il-miraklu tal-ħobż u marru jfittxuh, Kristu jdur lejhom u jgħidilhom li qed ifittxuh għax kielu l-ħobż materjali.  Ħafna jiġru wara Kristu u jieklu l-għatba tal-Knisja biex jaqilgħu il-grazzji materjali. Imma malli Kristu jsemmilhom il-Ħobż spiritwali li jwassal għall-Ħajja vera, huma jiddarsu.  “Jien li t-tifla tgħaddili mill-eżami għandi bżonn bħalissa!  Fuq affarijiet oħra naraw wara.” 

 

Hu tal-biża’, kif nisimgħu f’dan il-Vanġelu li ġej, kif dawn in-nies li kienu raw lil Kristu jagħmel is-Sinjal kbir tal-ħobż, jerġgħu jiċċalinġjawh biex jagħtihom sinjal ieħor jekk ried li jemmnu fiH!  Ara kif dawk li mhumiex magħżula, dawk li ma jimxux b’qalb sinċiera wara Kristu, jaraw u qishom ma jaraw xejn.  Jogħoġbuhom aktar l-allat ta’ din id-dinja. Importanti s-sinjali li jistiednu għall-Fidi, u għal ħafna dawn is-sinjali jinagħtaw imma qishom ma raw xejn.  Nitolbu lill-Mulej ikollu ħniena minna u jsaffielna l-intenzjoni ta’ moħħna u ta’ qalbna, li ma jmurx li jinagħlaq il-bieb u aħna nibqgħu barra mis-Saltna.

 

Versett: Hallelujah.  Il-Kliem tiegħek huwa Spirtu u Ħajja; inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 24-25

 

 F’dak iż-żmien: In-nies, meta raw li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.

 

U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: "Rabbi, meta ġejt hawn?"  Ġesù weġibhom: "Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.  Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa' għall-ħajja ta' dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu."  Mbagħad staqsewh: "X'għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta' Alla?"  Weġibhom Ġesù: "L-opra ta' Alla hija din: li intom temmnu f'dak li huwa bagħat."  Qalulu: "X'sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X'sejjer tagħmel?  Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, 'Tahom jieklu ħobż mis-sema.'" Weġibhom Ġesù: "Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema;  għaliex il-ħobż ta' Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja."

 

"Sinjur," qalulu huma, "agħtina dejjem minn dan il-ħobż."  Weġibhom Ġesù: "Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.

 
< Prev   Next >