Monday, 17 December 2018
           
Home arrow Home
ID-DSATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2018) &OBZ IL-MEWT U HOB{ IL-HAJJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 August 2018

Din hija il- Liturgija tad-Dsatax il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus-preaching-to-the-apostles.jpg

 

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dawn il-Ħdud sajfin qegħda tkellimna ħafna fuq l-ikel, fuq il-Ħobż tal-Ħajja.  Ngħiduha kif inhi, il-Kristjaneżmu kollu jitkellem fuq Ħajja jew Mewt. Dan hu s-suġġett tal-Istorja tas-Salvazzjoni.  Kristu jgħid ħafna drabi li min jemmen fiH ma jmut qatt.  Għal dan hu ġie fid-dinja, biex imut hu flok il-bniedem, biex il-bniedem ikollu l-Glorja u l-hena taċ-ċerteżża li hu mhu se jmut qatt, anke jekk jgħaddi mill-Mewt fiżika.

 

Il-Mewt hi l-ikbar għadu tal-bniedem.  Hija l-monstru li l-ħsieb tagħha hu dejjem hemm, fis-subkonxju ta’ moħħna, dejjem jikkondizzjonana, dejjem iġagħalna naħarbu, ħafna drabi fid-dnub. Il-Mewt ma ħalaqhiex Alla, tgħidilna l-Bibbja, imma hija l-frott awtomatiku tad-Dnub, għax id-Dnub ifisser li int tinqata’ mill-Ħajja.  Aħna lkoll nitwieldu b’natura suġġetta għal dan il-monstru, u l-biża’ tagħha jagħmel minna lkoll egoisti.  Mhux għax aħna ħżiena, imma aħna lsiera.  Il-bniedem il-ħin kollu jfittex li jiskappa mill-frosta tagħha.  Dan hu s-“survival instinct” li hemm kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali.

 

 

Imma jagħmel x’jagħmel, il-bniedem ma jistax jaħrab mill-kundizzjonament tal-biża’ tal-Mewt.  Il-Mewt fiżika tissarraf f’ħafna mwiet żgħar jew kbar, imwiet ontiċi, li huma l-inkwiet, in-niket, il-qtigħ il-qalb, it-tbatija... ħwejjeġ li kollha joqtlu l-bniedem u jisirqulu l-Ħajja. Bil-ħila tiegħu, il-bniedem ma jeħlisx minn dan il-jasar.  Il-bniedem tal-lum jiftaħar b’ħafna affariiet kieku, imma hawn, quddiem din ir-rejaltà, kulħadd l-istess.

 

Imma teżisti triq ’il barra minn dan iċ-ċirku.  Hemm Xi Ħadd li kisser dan iċ-ċirku biex il-bniedem ikun jista’ jaħrab.  Bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu Kristu kisser il-bieb taċ-ċella fejn kull bniedem jinsab miżmum maqful u ħarġu barra ħieles u mimli Ħajja ġdida, Storja ġdida, Ħolqien ġdid.  Imma din tista’ tkun teorija glorjuża vvintata mill-bniedem.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti n-nar, jagti l-Ħajja lil dan li qed ngħidu.  Min jemmen tassew f’dak li wettaq Kristu għalih, jirċievi dan l-Ispirtu li jaċċertah li l-Mewt tiegħu hi mirbuħa, li m’għad baqagħla l-ebda saħħa fuqu, u li l-Ħajja li għandu issa hi għal dejjem.  Din hija l-Glorja tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu.  Ħdejn dan kollu, l-għana, l-aljenazzjonijiet, l-għajat u l-istorbju tad-dinja, bil-ġibdiet kollha tagħha, huma bla sens u bla kulur.  Fi Kristu biss hemm il-Ħajja u barra minnU m’hemm xejn ħlief frugħa u tmiem għal  kollox.

 

Minħabba din il-viżjoni tal-Ħajja li fuqha qegħdin nitkellmu, Kristu darba qal: “Ħallu l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom!”  X’ried ifisser b’dan?  Dawk li ma emmnux b’mod profond fiH, u li allura għadhom mjassra fil-beżgħat u t-tħassib għax għad ma daqux tassew li Alla hu Missierhom, dawn huma lkoll “mejtin” għaliH, anke jekk huma b’saħħithom, jieklu, jixorbu, jaħdmu, jorqdu, jiddevertu, jidħku u jirbħu l-midalji fl-Olimpijadi jew fit-Tazza tad-Dinja.  Jekk aħna wkoll “mejtin”, Kristu jiċċalinġjana biex nippruvawH u naraw id-differenza enormi li tidħol fl-eżistenza tagħna meta npoġġu lilU l-ewwel u qabel kollox.

 

U allura, jekk fid-dinja jeżistu dawn iż-żewġ tipi ta’ nies: “mejtin” u “ħajjin”, allura hemm ukoll ikel li jwassal għall-mewt, jew almenu ma jagħtix Ħajja, u hemm ikel misterjuż li jagħti l-Ħajja.  Il-“mejtin” għandhom l-“ikel” tagħhom: il-ġiri fid-divertiment, is-sokor fix-xorb u d-droga, il-ferneżija biex jitkattru l-għana u l-flus, il-ġenn esaġerat fuq is-saħħa tal-ġisem biex nipposponu l-Mewt, l-affetti u l-imħabbiet, is-suċċess u l-istima...  Dan l-ikel jaqta’ l-ġuħ għal ftit, imma ma jsolvix il-problema tal-Mewt.

 

Imma dawk li huma “Ħajjin” tassew jafu li diġa daħlu fil-Ħajja ta’ Dejjem għax qed iġorru ġewwa fihom l-Ispirtu ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  Dawn in-nies hienja għandhom ikel ieħor.  Ġesù qal: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi u li jintrema’ fil-ħofra imma għall-ikel li jibqa’ għal dejjem u jagħti l-Ħajja vera.”  Dan l-ikel huwa l-“ħobżna ta’ kuljum” li għalih nitolbu fit-Talba li għallimna l-Mulej innifsu.  Kontra l-mentalità moderna li tipprova taħrab il-Mewt bil-kumditajiet u b’dak li jixtru l-flus, ħwejjeġ li jirrikjedu tant taħbit u xogħol mill-familji tagħna, Kristu jgħid: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-Ħajja ta’ Dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom.”  (Ġw. 6, 27).

 

Ħafna jiddarsu minn dan id-diskors tal-Mulej.  Jgħidulek: “Il-ħajja trid illum!”  Bil-Mulej ma jidħaq ħadd.  Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm qegħda qalbek.  X’ħasra!  Il-kotra poġġiet qalbha fejn hemm il-Mewt.  Inħarsu lejn l-affarijiet tad-dinja li jiġbduna tant u naraw jekk hemmx xi ħaġa li mhix qegħda titħassar u tintemm quddiem għajnejna.  Anke l-blat jieklu ż-żmien u jsir trab, imma l-Kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

L-Ewwel Qari

 

L-ewwel Qari li għandna huwa miċ-ċiklu tal-Istorja ta’ Elija, li huwa figura ħafna umana u li fih hija rrappreżentata l-kariżma kollha profetika ta’ Iżrael, tant li jissejjaħ “Missier il-Profeti”.  Elija kien iħobb lil Alla, imma kien iħobb lil ġensu wkoll u kien mimli ħeġġa u żelu, li kien jaqbad f’sidru u f’għadmu, biex jikkonvinċi lil Iżrael li jagħżel il-ħobż veru li jagħti Ħajja vera.  Huwa falla. Bħal ħafna profeti, Elija falla fil-missjoni tiegħu.  Donnu li Alla jirbaħ il-battalji tiegħu bil-fallimenti tal-qaddejja tiegħu li ftit li xejn jiswew, anke profeti kbar.

 

Iżrael, bħall-ġnus kollha, agħżel l-ikel ta’ din id-dinja, bħalma qed jagħmel pajjiżna llum.  Hu ċekken ħajtu għal dak li jrid il-ġisem, allura żżewweġ lill-mewt, għax il-ġisem imut.  Il-bniedem jagħżel il-Mewt, mingħalih li qed jagħżel il-Ħajja.  Ħafna ma jagħrfux id-differenza bejn dawn l-għażliet.  Ħafna qed jiġru wara d-dinja u fl-istess ħin huma konvinti li qed iwettqu r-Rieda ta’ Alla.  Ħafna Tqarbin iseħħ f’din il-qagħda ta’ għamad.  Elija sar bniedem frustrat għax Iżrael intefa’ fl-art jagħti qima lill-allat tal-ġnus ta’ madwaru, bħalma Malta tinstab mixħuta fl-art tagħti qima lill-allat tal-ġnus ġirien tagħna li aħna tant ngħiru għalihom.

 

Dan kollu, sa rnexxielu jdaħħal anke lill-profeta, lill-bniedem ta’ Alla, fi kriżi ta’ Fidi!  Sar bla saħħa u xtaq li jmut u jeħles.  Kellu bżonn l-ikel veru, l-ikel tal-Ħajja vera li tissupera d-diżappunti u l-fallimenti: il-Ħajja Dejjem, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. L-ikel li jagħtih l-Anġlu hu biss xbiha tal-ikel qaddis, tant li ġisem Elija vvjaġġa għal erbgħin jum bla ma għejja sa ma wasal fejn kien hemm Alla jistennih.

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.  19, 4-8

 

 F’dak iż-żmien: Il-profeta rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, nxteħet taħt siġra tal-ġummar, talab li jmut, u qal: Issa biżżejjed, Mulej; ħudli 'l ħajti, għax m'iniex aħjar minn missirijieti!”  U mtedd għad-dell tal-ġummara, u raqad.

 

Kif kien rieqed messu anġlu, u qallu: Qum u kul!”  Elija dawwar wiċċu, u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma; kiel u xorob, u raġa’ mtedd.  Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek.”  

 

Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta' dak l-ikel baqa' miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej. 

 

Salm Responsorjali

 

Salm 34 huwa ndirizzat għall-fqajrin u l-umli tal-art, l-“anawim” tal-Mulej.  Nistgħu ngħidu li l-missjoni ta’ Kristu matul it-tlett snin li fihom ġera ’l hemm u ’l hawn kienet din il-ġlieda ta’ Elija u tal-profeti kollha biex iħarrku lill-poplu mill-ġibda lejn l-ikel materjali l-ewwel u qabel kollox, għall-ikel spiritwali li jmantni kemm lir-ruħ kif ukoll lill-ġisem.  Għax il-ġisem jifraħ u jissaħħaħ iktar kemm tifraħ u tissaħħaħ ir-ruħ. Infatti bl-ikel spiritwali, Elija sab l-enerġija li jagħmel il-vjaġġ tiegħu fid-deżert u aħna nafu li meta aħna paċi mal-Mulej, inqas ikollna tensjoni waqt li jikbru fina t-Tama u l-Fiduċja għall-futur.

 

Imma huma l-fqajrin l-iktar li jinfatmu mid-dinja u jogħġobhom l-ikel li jwassal għall-Ħajja ta’ Dejjem.  Bi “fqar” hawn m’inix infisser biss fqar għax neqsin mill-flus u ma jistgħux jagħmlu kapriċċi.  Dawn ukoll, imma fuq kollox huma l-foqra fl-ispirtu, jiġifieri dawk li huma umli. Issa l-umli iktar issibhom fost dawk li huma mwarrbin fil-ġenb tad-dinja, qishom fallew f’għajnejn in-nies.  Kultant, issib wieħed għani li huwa wkoll umli għax jaf li kulma għandu ġej mill-Mulej, imma hu tqil għal dawk li jirnexxu fid-dinja li jaħsbuh dan, u iktar jieħdu l-glorja huma stess u jimmaġinaw li huma aħjar mill-oħrajn.  Huma jiddieħku bil-ħobż tas-sema u jgħidulek li jridu jgawdu d-dinja għax l-ikel tagħha hu itjeb.  Jaħsbu li Kristu jrid jisirqilhom xi ħaġa, jew għandu bżonn xi ħaġa minn tagħhom!  Ħafna mill-fqar li mxew wara Kristu għexu ħajja iktar hienja u fis-sliem, ħwejjeġ li ma tixtrihomx bl-għana tad-dinja.

 

Il-fqir fl-ispirtu jgħid: “Jien fittixt ’il-Mulej, u weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni.” (v. 5).  Din hi esperjenza meraviljuża, tafux.  Hawn mhux qed jitkellem fuq li wieħed jitlob Grazzja u jinstema’.  “Jien fittixt lill-Mulej, u weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni” jfisser li jkollok Memorjal ta’ Alla, laqgħa ħajja miegħu, ġrajja li taċċertak għal dejjem li Alla jeżisti u li Hu jaf bik u qed jieħu ħsiebek għax iħobbok.  Dan hu l-ikel li Elija inagħta biex seta’ jkompli l-vjaġġ mimli ħeġġa.  Hi sitwazzjoni li tinbidel bħal-lejl min-nhar bla ma int kellek kontroll fuqha.  Il-fatt li darba, b’mod serju, int fittixt lill-Mulej u wieġbek, niżel ħdejk fl-Istorja li kont għaddej minnha, dan hu ikel spiritwali li tħossu jmantnik sal-aħħar ta’ żmienek fuq din l-art.

 

Għal min m’għandux din l-esperjenza, għax għalaq qalbu għaliha billi qed ifittex l-ikel tiegħu, il-Ħajja tiegħu fid-dinja, dan id-diskors fuq l-ikel spiritwali huwa thewdin.  Ma jistax jifhem id-diskors tas-Salmista meta jgħid: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej; hieni l-bniedem li jistkenn fih.” (v. 9).

 

Ritornell: Duq u taraw kemm hu tajeb il-Mulej

 

Salm 34

 

 Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

 

L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

 

It-Tieni Qari

 

L-ikel li Alla jagħti lil dawk li jfittxuh hu ta’ diversi tipi.  L-ikel ta’ Alla huwa l-Kelma tiegħu.  Aħna ġejjin minn kultura reliġjuża li ma tantx ibbażat il-Fidi tagħha fuq il-Kelma li turina Alla min hu.  Din il-kultura reliġjuża qegħda tinħatt quddiem l-attakk tas-sekularizzazzjoni u l-paganiżmu modern.  Relazzjoni ma’ Alla li mhix mibnija fuq il-ħobż li hi l-Kelma, tmut bil-ġuħ u tisfa bla saħħa bħalma safa bla saħħa Elija quddiem il-vjaġġ li kellu jagħmel.

 

Ikel ieħor ta’ Alla huma s-sinjali, x-xhieda, l-eżempji li nirċievu mingħand min mexa’ ’l quddiem fil-Fidi u li sar kapaċi jwettaq opri tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Dan jurina li tassew teżisti l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Tassew huwa veru li l-bniedem jista’ jkollu fih l-Ispirtu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt u allura jsir kapaċi jagħmel ħwejjeġ li jien u int lanqas noħolmu li nagħmlu.  Ħafna drabi niżbaljaw u naqtgħu qalbna għax naħsbu li l-Kristjaneżmu hu sett ta’ liġijiet li trid bilfors tobdihom.  Trid bil-fors tħobb dejjem u lil kulħadd. Alla jaf li dan m’aħniex kapaċi nagħmluh.  Imma biex ikollna s-saħħa sopranaturali jagħtina l-ikel sopranaturali tiegħu u l-Kristjaneżmu ma jibqax iktar liġi ta’ barra minn hawn imma xi ħaġa li tagħmilha minn qalbek u mhux bil-fors.  Dan l-ikel huwa l-Ispirtu s-Santu li l-Mulej jixtieq ħafna jagħtina, tant li darba qal: “Min hu dak il-Missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok jagħtih serp?  Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?  Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Lq. 11, 11-13).

 

L-ikel li aħna l-iktar li nafu bih u li l-Knisja dejjem ikkonċentratna fuqu huwa l-ikel tas-Sagramenti.  Il-kelma “Sagrament” ifisser sinjal li jidher minn barra ta’ dak li tassew Alla jkun qed jagħmel dak il-ħin minn ġewwa, ġo fina.  Jekk naraw l-ilma nieżel fuq ras it-tarbija, dak hu “Sagrament”, sinjal li jidher tal-ħasil mid-dnub oriġinali u tal-għarqa tal-bniedem il-qadim biex jitwieled il-bniedem il-ġdid.  Jekk aħna ninagħtaw l-Ostja Mqaddsa biex nilqgħuha fina, dan hu “Sagrament”, sinjal minn barra ta’ Kristu li jiġi jgħammar fina fil-qjies tal-Fidi li jkollna f’dak li nkunu nagħmlu.  Is-Sagramenti huma meżżi tal-għaġeb li jqawwuna fil-Mixja tagħna lejn għarfien ta’ Kristu dejjem aktar sħiħ.

 

U dan l-għarfien ta’ Kristu huwa, fih innifsu, ikel tal-għaġeb ukoll, forsi l-aqwa ikel.  X’inhu dan l-għarfien ta’ Kristu?  Jitkellem xi ftit fuq dan San Pawl f’dan il-qari li ġej. Hu jgħid li “Kristu ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.”  (Ef. 5, 2).  Għal ħafna dan jista’ ma jfisser xejn, u hu għalhekk li għandna bżonn niskopruh bħala ikel li jagħtina s-saħħa li nħobbu lil xulxin.  Il-kliem “Kristu ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċu jfuħu quddiem Alla” jfissru dak li wettaq għalina l-Mulej fil-Misteru tal-Għid tiegħu. 

 

Għalkemm aħna midinbin u sikwit nixxennqu għall-ikel tad-dinja għax inħossuna bla saħħa u bil-ġuħ, fil-fatt aħna għonja u qaddisin quddiem il-Missier, għax id-dnubiet tagħna kollha ġew aboliti, mħassra għax saret tpattija tal-għaġeb għalihom minn Kristu.  Hemm sagrifiċċju u offerta jfuħu bi fwieħa tal-għaġeb il-ħin kollu quddiem il-Missier b’risq ta’ kull wieħed u waħda minnha, jekk nemmuh dan. 

 

Li temmen li int tant int maħbub minn Alla li Hu abbanduna lil Ibnu stess għalik biex int ma jkollok l-ebda dejn xi tħallas quddiemu; li tassew temmen dan b’Dawl speċjali tal-Ispirtu s-Santu, dan l-ikel jibdillek ħajtek. 

 

Dan l-ikel jibdel il-mod kif tħares lejn il-problemi, lejn il-Ħajja nfisha.  Int issir “ġdid” b’dan l-ikel tal-Aħbar it-Tajba.  Jekk int bil-ġuħ għax jonqsuk affarijiet materjali li kull bniedem għandu bżonn: tonqsok familja, jonqsok xogħol tajjeb, jonqsuk il-flus, hemm nuqqas ta’ ġustizzja f’Ħajtek, tonqsok is-saħħa… dan il-ġuħ jittaffa bl-iskoperta ta’ dak li Kristu wettaq għalik, bl-iskoperta tal-wirt li hemm miktub fuq ismek fil-bank tal-Missier.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  4, 30 – 5, 2

 

Ħuti: Tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa.  Mrar, saħna, korla, tagħjir, għajat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor.  Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.

Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba,  u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu jiftaħ bil-kliem: “Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’” (v. 41).  Huwa ċar li bniedem li qed ifittex il-ħobż tal-art, jibagħtek tixxejjer jekk tofrilu l-ħobż tas-sema. Id-dinja trid li l-Knisja tagħti l-ħobż tal-art lill-bniedem, li tkun NGO kbira ta’ karità.  Dan ix-xogħol tassew li tagħmlu l-Knisja, imma d-dinja tgħidilha li din għandha tkun il-missjoni tagħha.  Imma l-missjoni prinċipali tal-Knisja mhux l-ikel materjali, għalkemm tipprovdih ukoll, imma l-ikel spiritwali, l-Aħbar it-Tajba li Alla bagħat lill-bniedem, u dan l-Ikel, din l-Aħbar hija Ġesù Kristu. 

 

Din hi l-missjoni tal-Knisja, li tgħid lill-bniedem li d-dinja qegħda tigdiblu meta tgħidlu li l-Ħajja tinsab f’kemm taħdem, kemm ikollok flus, kemm ikollok mara sabiħa, raġel li jimlik bil-kumditajiet eċċ.  Dawn ma jsolvulekx il-problema l-kbira ta’ kull bniedem u li minnha ġej il-ġuħ kollu tad-dinja, li hi l-Mewt.  Il-flus ma jixtrulekx rebħa finali fuq il-Mewt.  Meta jpoġġuk fil-kaxxa tawwalija, la l-mara u lanqas it-tfal mhuma se jiġu miegħek.  Din hi l-problem li ġġiegħel lill-bniedem iħoss ġuħ misterjuż fil-profond tiegħu għal Ħajja li ma tispiċċa qatt.

 

L-Ikel li l-Missier provda biex nakkwistaw din il-Ħajja huwa Kristu u ħadd iktar. Imma dan se jifhmuh biss dawk li jinagħtaw il-Grazzja li jifhmuh; dawk li huma miġbudin mill-Missier lejn Ibnu bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu.  Tant li Hu jgħid: “Toqogħdux tgorru bejnietkom.  Ħadd ma jista’ jiġi għadi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”  (vv. 43-44).  Ekku r-risposta ta’ Kristu għall-gwaj kollu tad-dinja: “Jien inqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” M’għandhomx ġuħ dawk li jemmnu f’dan.

 

Versett: Hallelujah. Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, igħid il-Mulej; ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 41-51

 

 F’dak iż-żmien: Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’  U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ‘l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?” 

 

Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom.  Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.  Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.  Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.  Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.  Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;  dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.  Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

 
< Prev   Next >