Wednesday, 19 December 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) L-IKEL TAL-MULEJ JAGHTI L-GHERF
L-GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) L-IKEL TAL-MULEJ JAGHTI L-GHERF PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 August 2018

Din hija il- Liturgija ta' L-Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesuscommunion.png

 

Hawn għerf u għerf.  Irrid ngħid, hawn għerf mod u għerf mod ieħor. Il-Mulej tana intelliġenza għax ried li nkunu superjuri għall-annimali u ried li nuzaw l-intelliġenza u r-raġuni tagħna biex Hu jkompli jirfina permezz tagħna dan il-Ħolqien kollu meravilja li dawwarna bih.  Għalhekk l-għerf naturali tal-bniedem huwa Grazzja ta’ Alla, rigal tal-Imħabba tiegħu, u dan l-għerf għen lill-bniedem jagħmel avanzi kbar f’kull qasam tal-Ħajja.

 

Il-Knisja nnifisha minn dejjem għenet u għamlet li setgħet biex tgħin il-bniedem jimxi ’l quddiem fl-edukazzjoni.  Meta l-ideja ta’ Stat li jieħu ħsieb kollox kienet għadha primittiva ħafna, u meta l-ideja ta’ gvern kienet għadha tfisser sultan li bl-armata tiegħu jieħu ħsieb u jiddefendi s-sudditi tiegħu, u ftit li xejn iktar, kienet il-Knisja li kienet timbotta ’l quddiem l-għerf materjali.  Dan kienet twettqu l-aktar fil-monasteri kbar li nibtu kullimkien fil-Medju Evu.  Kienet il-Knisja u l-influwenza tagħha li welldet l-ideja ta’ “università” fil-kultura tal-punent. L-universitajiet bdew jeżistu fl-aqwa tal-Medju Evu meta l-kultura Kattolika kienet fl-aqwa tagħha fl-Ewropa.  Xi wħud jagħmluha tal-bravi u jitkellmu kontra l-Medju Evu u jgħajru lil xi ħadd li għadu jaħsibha bħal tal-Medju Evu bla ma jkunu jafu x’qed jgħidu, u mingħajr qatt ma studjaw ftit fuq dan iż-żmien sabiħ li fih il-kultura Ewropeja tat frott enormi.

 

L-Ideja ta’ università qatt ma kienet eżistiet qabel, lanqas fl-aqwa tal-kultura Griega antika, u lanqas fiċ-ċiviltà Rumana. L-istituzjoni li mdorrijin biha llum, bil-fakultajiet differenti, korsijiet ta’ studji u l-bqija tahielna  l-Medju Evu, u m’hemmx għalfejn nistagħġbu li kienet il-Knisja Kattolika li kienet l-għajn ta’ dan il-fenomenu ġdid, għax, kif jgħidu l-istoriċi serji “il-Knisja kienet l-unika istituzjoni fl-Ewropa li wriet interess bla ma jaqta’ fil-ħarsien u t-tkattir tat-tagħlim u l-għerf.”

 

L-oriġini preċiżi tal-ewwel universitajiet huma mitlufa fid-dlam tal-Istorja, għalkemm l-istampa tiċċara hekk kif nidħlu fis-seklu 13, jiġifieri bejn l-1,200 u l-1,300.  L-ewwel universitajiet li dehru kienu dawk ta’ Bologna (li aktarx li hi l-eqdem waħda), ta’ Pariġi, u ftit wara ta’ Oxford u Cambridge.  L-ewwel tnejn kienu propjetà tal-Katidral tal-post.

 

Sar-Riforma Protestanta, fl-Ewropa kien hemm ’il fuq minn 80 università, li 53 minnhom kienu propjetà tal-Knisja.  Is-setgħa li jagħtu d-degrees, kollha kemm huma kienu jġibuha mill-Papa għax inkella kienu jkunu bla valur.  Per eżempju nafu li l-Università ta’ Oxford inagħtalha d-dritt li toħroġ degrees li jkunu aċċettati fl-Ewropa kollha fl-1254, mill-Papa Innoċenz IV.  Kienet ukoll il-Knisja li ssussidjat u mexxiet ’il quddiem it-traduzzjonijiet f’lingwi Ewropej tax-xogħolijiet klassiċi ta’ żmien il-Griegi u dawk Latini, li kważi kienu ntilfu.

 

Dan kollu huwa mportanti li ngħiduh u nkunu nafuh, għaliex anke hawn, ġara dak li għamel Iżrael meta qabad ir-rigali li tah Alla u għamel minnhom allat flok l-Alla li kien provdielu kollox.  Dawn l-universitajiet, illum saru ċentri ta’ idejat anti-Kristjani, u ż-żagħżagħ tagħna faċli jitilfu l-Fidi jekk din ma tkunx mibnija fis-sod.  Eżempju ċar ta’ dak li tgħid l-Iskrittura: “Dak li kiel minn ħobżi refa’ għarqubu kontrija. (S. 41, 10; Ġw. 13, 18). 

 

Mela, il-Knisja dejjem xtaqet li timbotta ’il quddiem l-għerf materjali, l-għerf tad-dinja, għax dan hi fehmet li riedu Alla wkoll meta fil-Ġenesi hu ordna lill-bniedem biex jaħkem l-art u jħarisha.  Imma din mhix il-missjoni ewlenija tal-Knisja.  Għax hemm Għerf ieħor, aqwa, oħla, eqdes u, finalment, iktar bżonnjuż għall-bniedem... u dan hu l-Għarfien ta’ Alla u anke tal-misteru tal-eżistenza tiegħu (tal-bniedem)  fuq din il-pjaneta. Fl-ewwel sekli tal-eżistenza tagħhom din il-ħaġa fehemuha tajjeb l-universitajiet, tant li l-fakulta tat-Teoloġija, l-istudju dwar Alla, kienet tissejjaħ “ir-Reġina tal-fakultajiet kollha”.  Dan issa ntilef fil-paġni tal-Istorja.  Mhux Alla li hu iktar fiċ-ċentru, imma l-bniedem.  Il-fatt li l-bniedem sar alla, wieħed jaraħ l-iktar fl-universitajiet tal-punent.

 

Il-Liturġija tal-lum, bħal tal-aħħar ġimgħat, tkompi tkellimna fuq dan l-Għerf ta’ Alla li hu l-ikel li jgħajjex lill-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Proverbji jpoġġielna l-Għerf ta’ Alla bħala Persuna. Dan l-Għerf jagħmel minn kollox biex jinagħta lill-bniedem.  Ma jrid iżomm xejn għalih imma l-Imħabba trid tinagħta, għax l-Għerf hu Mħabba.  L-Imħabba, l-Għerf ta’ Alla, minnu nnifsu jrid li kulma għandu, kulma hu jagħtih lil min juri nteress fih, bħalma Kristu tana kollox fuq is-Salib. 

 

L-Għerf jibni dar, jgħidilna l-Ktieb tal-Proverbji, biex hemm jilqa’ lil dawk kollha li jridu jsiru jafuH, għax Hu stieden lil kulħadd.  Din id-dar hi mill-isbaħ imwaqqfa fuq seba kolonni, għax in-numru sebgħa huwa n-numru perfett fl-Iskrittura.  Imbagħad jibgħat il-qaddejja tiegħu ixandru u jistiednu n-nies għall-Festa.  Għaliex Festa?  Għax l-Għerf veru huwa Festa!  Huwa pranzu ta’ ikel bnin. Kien hemm min qal li Alla huwa Festa!  Kemm hawn nies li tant huma mdallmin dwar Alla, tant ma jafuHx, li din il-frażi taħsadhom.  L-Għerf, jew l-għarfien tal-Imħabba ta’ Alla murija lilna fi Kristu Ġesù huwa bħal meta wieħed isib ruħu f’nofs festa kbira, pranzu kbir, nies ferħana, mużika mill-aqwa, ambjent ta’ Sultan.

 

Min taħsbu li huma l-iktar nies li aktarx li jitħajru jmorru fil-palazz għall-Festa?  Aktarx dawk li matul dak il-jum ikunu għadhom ma kielu xejn, il-fqajrin.  Imma dan kollu huwa diskors spiritwali. Il-fqajrin huma l-umli.  Dawn mill-ewwel jitħajru għall-Għerf li jkellimhom, mhux skont ir-raġuni imma skont il-Fidi.  Għax ir-raġuni, li hi tant igglorifikata fl-universitajiet, timxi id f’id mal-Fidi, imma għal biċċa mit-triq biss.  Imbagħad tgħejja u tieqaf, u hi tgħid li minn hawn ’il quddiem ħadd ma jaf x’hemm, ħadd ma jafha t-triq.  Imma l-Fidi tkompli miexja.  Mhux għax ir-raġuni hi kontra l-Fidi bħalma jgħidu xi wħud; imma r-raġuni timxi mal-Fidi sakemm it-triq tafha; imbagħad tieqaf u l-Fidi tkompli miexja waħedha. 

 

L-umli jkomplu mexjin għax jafdaw f’Alla.  Min jemmen biss f’dak li jara b’għajnejh u jmiss b’idejh, dan jieqaf.  Dan jgħid li dak kollu li tgħid il-Fidi hu bluha, ħmerijiet, idejat tal-Medju Evu, biex nerġgħu inżeffnuh dan fin-nofs.  Dawn in-nies mhumiex umli biżżejjed biex jgħidu: “Jien s’hawn naf; ma nistax immieri dak li ma nafx; min jaf x’insib jekk inkompli miexi?”  Il-qari se jgħidilna: “Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l quddiem fil-għaqal.”  (v. 6). 

 

L-għerf materjali hu sabiħ u jiswa, almenu jekk ma jonfoħniex bil-kburija u nsiru nsapportabbli, bħalma jiġrilhom ħafna. Jiswa ħafna biex il-bniedem jgħix fuq din l-art bid-dinjità li tixraqlu bħala l-ħlejqa prinċipali ta’ Alla. Imma dan l-għerf ma jsolvix il-problema tal-Mewt u ma jagħtix lill-bniedem Ħajja ta’ Dejjem.  Jista’ jagħtih fama u jibqa’ ħaj fil-memorja u fuq xi irħama, imma dan mhux dak li kull bniedem jixxennaq għalih fil-fond ta’ qalbu.  Ġo fina Alla poġġa tnehida, ħrara, ħuġġieġa li ma tistax tintefa’ għal Ħajja bla tmiem, Ħajja li tmur lil hemm mill-mewt fiżika.  Il-bniedem joħlom b’Imħabba, imma l-Imħabba mhix Imħabba jekk tħalli l-maħbub jintemm.  Jekk m’hemmx Ħajja għal Dejjem mela m’hemmx Imħabba u Alla mhux Imħabba u hekk jintilef is-sens kollu tal-eżistenza.  Għax kif jista’ jkun li jien, li ma kont xejn, ġejt magħmul xi ħaġa minn Xi Ħadd li mhux Imħabba?  Kulma hu, ibda mill-bniedem u spiċċa fl-iċken ħaxixa ġo għalqa... kulma hu, jixhed li wara l-eżistenza tiegħu hemm Xi ħadd li ħalqu għax ħabbu.  U l-Imħabba vera hi għal dejjem, eterna.

 

Dan l-Inbid irid idewwaqna l-Għerf fil-Festa tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji.  9, 1-6

 

Il-għerf bena d-dar tiegħu,

waqqaf is-seba' kolonni tagħha;

qatel il-bhejjem imsemmna,

ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.

 

U bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina

minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt:

"Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!"

U lil min hu bla moħħ jgħidlu:

"Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi

u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.

Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu,

u timxu 'l quddiem fl-għaqal."

 

Salm Responsorjali

 

L-istudent jifraħ meta jħoss li moħħu jiflaħ tagħlim tqil u jara lilu nnifsu jistagħna b’għerf li mhux faċli jinkiseb.  Imma l-Għerf veru huwa dak li jurik li int m’int xejn u kulma għandek, inagħtalek b’rigal bla ma kien jistħoqqlok.  L-għorrief tad-dinja jkunu laħqu l-milja tal-għerf meta jsiru umli u ma jġibu sudizzjoni f’ħadd, anzi jirrispettaw immens lil dawk li jafu inqas minnhom u jħossu li dak li jafu hu biss żrara ħdejn l-immensità tal-misteru tal-ħolqien.  L-għaref veru joqgħod attent u sieket anke meta jitkellem bniedem bla skola, għax jaf li anke mingħand dan hu jista’ jitgħallem ħafna dwar il-Ħajja.  San Tumas ta’ Aquinu, bniedem bravissimu fl-Istorja tal-Knisja, forsi l-iktar moħħ intelliġenti li qatt kellha l-Knisja, fuq is-sodda tal-mewt qal: “Kulma ktibt hu tiben ħdejn il-verità!” 

 

L-Għerf veru jagħmlek konxju ta’ kemm int ċkejken, u kemm hu kbir Alla!.  L-iblah kburi li jaħseb li jaf ħafna u jbaxxi lil dawk li ġew qablu u lil min ma jaqbilx miegħu, qisu dak in-nemlu li qatt ma refa’ ħarstu ’l fuq, imma dejjem għarrex l-affarijiet ta’ madwaru u baqa’ mistagħġeb biż-żrara li kellu quddiemu. Kemm dehret kbira f’għajnejh!  Ġebla kbira!  Mur għidlu li hu kien jinsab fit-trufijiet ta’ muntanja enormi li l-qċaċet tagħha jifdu s-sħab u ħadd ma kien għadu jaf kemm hi kbira għax is-sħab dejjem ħeba l-quċċata tagħha.

 

Is-Salm jgħid: “Ibżgħu mill-Mulej, intom il-qaddisin tiegħu, għax xejn ma jkun jonqsu min jibża’ minnu.  L-imkabbrin jiftaqru imma min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid.”  (vv. 10-11).  Meta qalulu bil-muntanja, n-nemlu qal: “Fejn hi? Mhux veru! Qed thewdnu!” Min ifittex il-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid.  Il-biża’ tal-Mulej ifisser li tkun umli, li żżomm saqajk mal-art, li tagħraf int min int.  Int m’intix Alla, imma bniedem.  Min ikellmek fuq dan, ma jkunx ibaxxik imma jkun jitimgħek ħobż veru tal-Ħajja vera.

 

Ritornell: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

Salm 34

 

 Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

 

 Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili;

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

Ħares ilsienek mill-ħażen,

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

It-Tieni Qari

 

Ħafna minn dawk li mlew żaqqhom bl-ikel tal-għerf materjali, jgħidulek: “Dan biżżejjed!”  Innamraw ma’ dan l-ikel, simnu bih, u sikru bl-inbid tal-fama tiegħu.  Fid-dinja għamlu suċċess; id-dinja ċċapċpilhom għax huma tagħha.  Imma bniedem fis-sakra bih innifsu ma jgħożżx iż-żmien, lanqas biss jarah għaddej għax hu aljenat. 

 

Il-bniedem li hu għaref tassew, jgħożż iż-żmien u jaf lejn xhiex hu riesaq.  Ħadd ma jidħaq bih bil-prositijiet esaġerati għax jaf li lilu, bħall-iblah tar-raħal, għad iġorruh fuq l-ispalla u jniżżluh ġo ħofra.

 

San Pawl iħeġġiġna biex nużaw tajjeb iż-żmien li hu misluf lilna darba biss.  Qatt iżjed ma nerġgħu niġu hawn!  Ħa nimtlew bl-Ispirtu s-Santu li hu Sid l-Għerf kollu.  Fid-Dawl ħanin tiegħu naraw aħna min aħna, imma fuq kollox naraw kemm kbira hi l-Imħabba li ddawwarna, tkebbibna u tħaddanna magħha, anke fil-mumenti ta’ wġiegħ li hu parti mill-maturazzjoni tagħna, sakemm insiru, jekk Alla jrid, tassew xjuħ fl-għerf.

 

L-Appostlu jgħid li min mhux miġnun bih innifsu imma jaf li kulma għandu hu Grazzja, rigal… dan jimtela b’radd il-ħajr, ikollu l-ferħ li jfaħħar lil Alla u jroddlu ħajr b’qalbu kollha.  Għax min jaħseb li kulma għandu ġabu hu bil-ħila tiegħu hu bniedem mgħobbi bir-responsabiltà, għax mingħalih li kollox jiddependi minnu; imma min jaf li kulma għandu jagħmel hu li jilqa’ għandu r-rigali tal-Muej, dan hu ħieles u mimli fiduċja mhux fih innifsu imma f’Dak li ħabbu u ħalqu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  5, 15-20

 

Ħuti: Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief,  li jgħożżu  ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem. 

 

Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x'inhi r-rieda tal-Mulej.  U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu.   Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej.  Roddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u  l-Missier, f'isem Sidna Ġesù Kristu.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu jkompli mat-tema tal-Ħobż tal-Ħajja, u dan għandu x’jaqsam ma’ dak li ġara fit-Tielet Kapitlu tal-Ġenesi meta seħħet it-traġedja epokali tal-waqgħa tal-bniedem fit-taħsir tal-mewt li tintiret.  Minn dak il-ħin, il-bniedem ħarstu dejjem lejn is-Siġra l-oħra, mhix dik li minnha kien qata’ u kiel, imma l-oħra, is-Siġra tal-Ħajja, tal-Ħajja ta’ Dejjem. Il-bniedem f’qalbu qal: jiena dnibt u issa se mmut, imma ara hemm is-Siġra tal-Ħajja, jekk naqta’ minnha wkoll, żgur ngħix għal dejjem. 

 

Fil-Ġenesi nsibu l-kelmiet terribli: “Għalhekk il-Mulej Alla keċċieh ’il barra mill-ġnien tal-Għeden biex jaħdem l-art li minnha kien ittieħed.  U ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-Lvant tal-ġnien tal-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja.” (Ġen. 3, 23-24).

 

Din hi s-saħta li hemm fuq ras kull bniedem.  Forsi drajniha din.  Il-Mewt saret parti mit-tessut tal-libsa tal-Ħajja, parti min-nisġa u mill-ħjata tagħha.  Il-bniedem dara jaċċettaha... imma xorta jħares lejn is-Siġra tal-Ħajja u jipponta, kieku, jtawwal idu lejha.  Sal-lum qiegħed jilgħab mal-Ħajja, bil-liġijiet li jgħaddi dwar l-abort, l-IVF, il-kontroll tat-twelid, it-tagħlim ġdid dwar il-‘gender’, is-sesswalità.  Itawwal idu, imma ma jistax jaqta’... ma jistax jgħix.

 

Fl-Apokalissi, Ġwanni jara l-Ktieb tal-Ħajja, u nfaqa’ jibki biki kbir għax dan il-Ktieb kien magħluq b’seba’ siġilli li ħadd ma seta’ jkissirhom biex jiftħu. “Ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb.” (Apok. 5, 3).  Imma xi ħadd qallu: “Tibżax! Tibkix!”  Għax, wara kollox, instab Xi Ħadd li seta’ jiftaħ il-Ktieb li jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem lill-bniedem li dineb.  Dan ix-Xi Ħadd kien il-Ħaruf b’għonqu mħanxar, li kien jidher li ġie maqtul, imma li issa kien Ħaj u Rebbieħ.  Hu resaq lejn il-Ktieb u fetħu biex jagħti l-Ħajja lil dawk li jemmnu fiH.

 

Fil-Vanġelu, Kristu jgħid: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jien nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”  (v. 51).  Hawn Kristu mhux qed jitkellem fuq il-ħmerijiet.  Is-Siġra tal-Ħajja se nieklu minnha tassew, imma huwa Hu li jagħtina mhux aħna mmorru u naqtgħu għax kieku nsiru qisna Alla.  Huma l-umli li joqogħdu lura, li jixxennqu li jieklu mqarr mill-frak li jaqa’ fl-art minn fuq il-mejda tal-Għerf divin, (ara Mt. 15, 21-28), huma dawn li jistennew lil Alla jżomm Kelmtu magħhom.  Huma ma jifhmux, imma jafdaw.  Jiġu mgħajra boloh, imma jkomplu jistennew.  L-oħrajn jibdew jitlewmu u jgergru bejniethom.  Jiżżufjettaw ukoll.  “Ħadd ma mar u ġie”, jgħidulek. 

 

Ġesù jgħidha ċara: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-Ħajja ta’ Dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Min jiekol dan il-ħobż igħix għal dejjem.”  (Ġw. 6, 54w).  Lill-Kelma ma jgħamlilhiex żejt biex tiżloq, jew zokkor biex ittiehem tajba.  Jekk għandek il-Fidi se tiggranfa magħha, jekk le, se tfittex il-Ħajja band’oħra.  Imma noqogħdu attenti: “Ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw. 6, 53), igħid.  Ħadd minna, jien l-ewwel wieħed, ma nistgħu ngħidu li dak li kellu jgħidilna Kristu, ma qalhulniex!

 

Versett: Hallelujah. Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz ta’ Kristu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 51-58

 

 F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies : Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja." 

 

Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan jagħtina ġismu biex nikluh?"  Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.  Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih.  Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.  Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem."

 
< Prev   Next >