Din
hija il- Liturgija ta' L-Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hawn għerf u għerf. Irrid ngħid, hawn għerf mod u għerf mod
ieħor. Il-Mulej tana intelliġenza għax ried li nkunu superjuri għall-annimali u
ried li nuzaw l-intelliġenza u r-raġuni tagħna biex Hu jkompli jirfina permezz
tagħna dan il-Ħolqien kollu meravilja li dawwarna bih. Għalhekk l-għerf naturali tal-bniedem huwa
Grazzja ta’ Alla, rigal tal-Imħabba tiegħu, u dan l-għerf għen lill-bniedem jagħmel
avanzi kbar f’kull qasam tal-Ħajja.
Il-Knisja nnifisha minn
dejjem għenet u għamlet li setgħet biex tgħin il-bniedem jimxi ’l quddiem
fl-edukazzjoni. Meta l-ideja ta’ Stat li
jieħu ħsieb kollox kienet għadha primittiva ħafna, u meta l-ideja ta’ gvern kienet
għadha tfisser sultan li bl-armata tiegħu jieħu ħsieb u jiddefendi s-sudditi
tiegħu, u ftit li xejn iktar, kienet il-Knisja li kienet timbotta ’l quddiem
l-għerf materjali. Dan kienet twettqu
l-aktar fil-monasteri kbar li nibtu kullimkien fil-Medju Evu. Kienet il-Knisja u l-influwenza tagħha li
welldet l-ideja ta’ “università” fil-kultura tal-punent. L-universitajiet bdew
jeżistu fl-aqwa tal-Medju Evu meta l-kultura Kattolika kienet fl-aqwa tagħha
fl-Ewropa. Xi wħud jagħmluha tal-bravi u
jitkellmu kontra l-Medju Evu u jgħajru lil xi ħadd li għadu jaħsibha bħal
tal-Medju Evu bla ma jkunu jafu x’qed jgħidu, u mingħajr qatt ma studjaw ftit
fuq dan iż-żmien sabiħ li fih il-kultura Ewropeja tat frott enormi.
L-Ideja ta’ università
qatt ma kienet eżistiet qabel, lanqas fl-aqwa tal-kultura Griega antika, u
lanqas fiċ-ċiviltà Rumana. L-istituzjoni li mdorrijin biha llum,
bil-fakultajiet differenti, korsijiet ta’ studji u l-bqija tahielna l-Medju Evu, u m’hemmx għalfejn nistagħġbu li
kienet il-Knisja Kattolika li kienet l-għajn ta’ dan il-fenomenu ġdid, għax,
kif jgħidu l-istoriċi serji “il-Knisja kienet l-unika istituzjoni fl-Ewropa li
wriet interess bla ma jaqta’ fil-ħarsien u t-tkattir tat-tagħlim u l-għerf.”
L-oriġini preċiżi
tal-ewwel universitajiet huma mitlufa fid-dlam tal-Istorja, għalkemm l-istampa
tiċċara hekk kif nidħlu fis-seklu 13, jiġifieri bejn l-1,200 u l-1,300. L-ewwel universitajiet li dehru kienu dawk
ta’ Bologna (li aktarx li hi l-eqdem waħda), ta’ Pariġi, u ftit wara ta’ Oxford
u Cambridge. L-ewwel tnejn kienu
propjetà tal-Katidral tal-post.
Sar-Riforma Protestanta,
fl-Ewropa kien hemm ’il fuq minn 80 università, li 53 minnhom kienu propjetà
tal-Knisja. Is-setgħa li jagħtu
d-degrees, kollha kemm huma kienu jġibuha mill-Papa għax inkella kienu jkunu
bla valur. Per eżempju nafu li
l-Università ta’ Oxford inagħtalha d-dritt li toħroġ degrees li jkunu aċċettati
fl-Ewropa kollha fl-1254, mill-Papa Innoċenz IV. Kienet ukoll il-Knisja li ssussidjat u
mexxiet ’il quddiem it-traduzzjonijiet f’lingwi Ewropej tax-xogħolijiet klassiċi
ta’ żmien il-Griegi u dawk Latini, li kważi kienu ntilfu.
Dan kollu huwa mportanti
li ngħiduh u nkunu nafuh, għaliex anke hawn, ġara dak li għamel Iżrael meta
qabad ir-rigali li tah Alla u għamel minnhom allat flok l-Alla li kien
provdielu kollox. Dawn l-universitajiet,
illum saru ċentri ta’ idejat anti-Kristjani, u ż-żagħżagħ tagħna faċli jitilfu
l-Fidi jekk din ma tkunx mibnija fis-sod.
Eżempju ċar ta’ dak li tgħid l-Iskrittura: “Dak li kiel minn ħobżi refa’
għarqubu kontrija. (S. 41, 10; Ġw. 13, 18).
Mela, il-Knisja dejjem
xtaqet li timbotta ’il quddiem l-għerf materjali, l-għerf tad-dinja, għax dan
hi fehmet li riedu Alla wkoll meta fil-Ġenesi hu ordna lill-bniedem biex jaħkem
l-art u jħarisha. Imma din mhix il-missjoni
ewlenija tal-Knisja. Għax hemm Għerf
ieħor, aqwa, oħla, eqdes u, finalment, iktar bżonnjuż għall-bniedem... u dan hu
l-Għarfien ta’ Alla u anke tal-misteru tal-eżistenza tiegħu (tal-bniedem) fuq din il-pjaneta. Fl-ewwel sekli tal-eżistenza
tagħhom din il-ħaġa fehemuha tajjeb l-universitajiet, tant li l-fakulta
tat-Teoloġija, l-istudju dwar Alla, kienet tissejjaħ “ir-Reġina tal-fakultajiet
kollha”. Dan issa ntilef fil-paġni
tal-Istorja. Mhux Alla li hu iktar
fiċ-ċentru, imma l-bniedem. Il-fatt li
l-bniedem sar alla, wieħed jaraħ l-iktar fl-universitajiet tal-punent.
Il-Liturġija tal-lum,
bħal tal-aħħar ġimgħat, tkompi tkellimna fuq dan l-Għerf ta’ Alla li hu l-ikel
li jgħajjex lill-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.
L-Ewwel Qari
Il-Ktieb tal-Proverbji
jpoġġielna l-Għerf ta’ Alla bħala Persuna. Dan l-Għerf jagħmel minn kollox biex
jinagħta lill-bniedem. Ma jrid iżomm
xejn għalih imma l-Imħabba trid tinagħta, għax l-Għerf hu Mħabba. L-Imħabba, l-Għerf ta’ Alla, minnu nnifsu
jrid li kulma għandu, kulma hu jagħtih lil min juri nteress fih, bħalma Kristu
tana kollox fuq is-Salib.
L-Għerf jibni dar,
jgħidilna l-Ktieb tal-Proverbji, biex hemm jilqa’ lil dawk kollha li jridu
jsiru jafuH, għax Hu stieden lil kulħadd.
Din id-dar hi mill-isbaħ imwaqqfa fuq seba kolonni, għax in-numru sebgħa
huwa n-numru perfett fl-Iskrittura.
Imbagħad jibgħat il-qaddejja tiegħu ixandru u jistiednu n-nies
għall-Festa. Għaliex Festa? Għax l-Għerf veru huwa Festa! Huwa pranzu ta’ ikel bnin. Kien hemm min qal
li Alla huwa Festa! Kemm hawn nies li tant
huma mdallmin dwar Alla, tant ma jafuHx, li din il-frażi taħsadhom. L-Għerf, jew l-għarfien tal-Imħabba ta’ Alla
murija lilna fi Kristu Ġesù huwa bħal meta wieħed isib ruħu f’nofs festa kbira,
pranzu kbir, nies ferħana, mużika mill-aqwa, ambjent ta’ Sultan.
Min taħsbu li huma
l-iktar nies li aktarx li jitħajru jmorru fil-palazz għall-Festa? Aktarx dawk li matul dak il-jum ikunu għadhom
ma kielu xejn, il-fqajrin. Imma dan
kollu huwa diskors spiritwali. Il-fqajrin huma l-umli. Dawn mill-ewwel jitħajru għall-Għerf li
jkellimhom, mhux skont ir-raġuni imma skont il-Fidi. Għax ir-raġuni, li hi tant igglorifikata
fl-universitajiet, timxi id f’id mal-Fidi, imma għal biċċa mit-triq biss. Imbagħad tgħejja u tieqaf, u hi tgħid li minn
hawn ’il quddiem ħadd ma jaf x’hemm, ħadd ma jafha t-triq. Imma l-Fidi tkompli miexja. Mhux għax ir-raġuni hi kontra l-Fidi bħalma
jgħidu xi wħud; imma r-raġuni timxi mal-Fidi sakemm it-triq tafha; imbagħad
tieqaf u l-Fidi tkompli miexja waħedha.
L-umli jkomplu mexjin
għax jafdaw f’Alla. Min jemmen biss
f’dak li jara b’għajnejh u jmiss b’idejh, dan jieqaf. Dan jgħid li dak kollu li tgħid il-Fidi hu
bluha, ħmerijiet, idejat tal-Medju Evu, biex nerġgħu inżeffnuh dan
fin-nofs. Dawn in-nies mhumiex umli
biżżejjed biex jgħidu: “Jien s’hawn naf; ma nistax immieri dak li ma nafx; min
jaf x’insib jekk inkompli miexi?”
Il-qari se jgħidilna: “Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l
quddiem fil-għaqal.” (v. 6).
L-għerf materjali hu
sabiħ u jiswa, almenu jekk ma jonfoħniex bil-kburija u nsiru nsapportabbli,
bħalma jiġrilhom ħafna. Jiswa ħafna biex il-bniedem jgħix fuq din l-art
bid-dinjità li tixraqlu bħala l-ħlejqa prinċipali ta’ Alla. Imma dan l-għerf ma
jsolvix il-problema tal-Mewt u ma jagħtix lill-bniedem Ħajja ta’ Dejjem. Jista’ jagħtih fama u jibqa’ ħaj fil-memorja
u fuq xi irħama, imma dan mhux dak li kull bniedem jixxennaq għalih fil-fond
ta’ qalbu. Ġo fina Alla poġġa tnehida,
ħrara, ħuġġieġa li ma tistax tintefa’ għal Ħajja bla tmiem, Ħajja li tmur lil
hemm mill-mewt fiżika. Il-bniedem joħlom
b’Imħabba, imma l-Imħabba mhix Imħabba jekk tħalli l-maħbub jintemm. Jekk m’hemmx Ħajja għal Dejjem mela m’hemmx
Imħabba u Alla mhux Imħabba u hekk jintilef is-sens kollu tal-eżistenza. Għax kif jista’ jkun li jien, li ma kont
xejn, ġejt magħmul xi ħaġa minn Xi Ħadd li mhux Imħabba? Kulma hu, ibda mill-bniedem u spiċċa fl-iċken
ħaxixa ġo għalqa... kulma hu, jixhed li wara l-eżistenza tiegħu hemm Xi ħadd li
ħalqu għax ħabbu. U l-Imħabba vera hi għal
dejjem, eterna.
Dan l-Inbid irid
idewwaqna l-Għerf fil-Festa tiegħu.
Qari mill-Ktieb tal-Proverbji. 9, 1-6
Il-għerf
bena d-dar tiegħu,
waqqaf
is-seba' kolonni tagħha;
qatel
il-bhejjem imsemmna,
ħejja
l-inbid u l-mejda tiegħu.
U
bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina
minn
fuq l-imkejjen għolja tal-belt:
"Min
hu ċkejken ħa jiġi għandi!"
U
lil min hu bla moħħ jgħidlu:
"Ejjew,
kulu l-ħobż tiegħi
u
ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.
Warrbu
l-bluhat tagħkom, u tgħixu,
u
timxu 'l quddiem fl-għaqal."
Salm
Responsorjali
L-istudent
jifraħ meta jħoss li moħħu jiflaħ tagħlim tqil u jara lilu nnifsu jistagħna
b’għerf li mhux faċli jinkiseb. Imma
l-Għerf veru huwa dak li jurik li int m’int xejn u kulma għandek, inagħtalek
b’rigal bla ma kien jistħoqqlok. L-għorrief
tad-dinja jkunu laħqu l-milja tal-għerf meta jsiru umli u ma jġibu sudizzjoni
f’ħadd, anzi jirrispettaw immens lil dawk li jafu inqas minnhom u jħossu li dak
li jafu hu biss żrara ħdejn l-immensità tal-misteru tal-ħolqien. L-għaref veru joqgħod attent u sieket anke
meta jitkellem bniedem bla skola, għax jaf li anke mingħand dan hu jista’
jitgħallem ħafna dwar il-Ħajja. San
Tumas ta’ Aquinu, bniedem bravissimu fl-Istorja tal-Knisja, forsi l-iktar moħħ
intelliġenti li qatt kellha l-Knisja, fuq is-sodda tal-mewt qal: “Kulma ktibt
hu tiben ħdejn il-verità!”
L-Għerf
veru jagħmlek konxju ta’ kemm int ċkejken, u kemm hu kbir Alla!. L-iblah kburi li jaħseb li jaf ħafna u jbaxxi
lil dawk li ġew qablu u lil min ma jaqbilx miegħu, qisu dak in-nemlu li qatt ma
refa’ ħarstu ’l fuq, imma dejjem għarrex l-affarijiet ta’ madwaru u baqa’
mistagħġeb biż-żrara li kellu quddiemu. Kemm dehret kbira f’għajnejh! Ġebla kbira!
Mur għidlu li hu kien jinsab fit-trufijiet ta’ muntanja enormi li
l-qċaċet tagħha jifdu s-sħab u ħadd ma kien għadu jaf kemm hi kbira għax
is-sħab dejjem ħeba l-quċċata tagħha.
Is-Salm
jgħid: “Ibżgħu mill-Mulej, intom il-qaddisin tiegħu, għax xejn ma jkun jonqsu
min jibża’ minnu. L-imkabbrin jiftaqru
imma min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid.” (vv. 10-11).
Meta qalulu bil-muntanja, n-nemlu qal: “Fejn hi? Mhux veru! Qed
thewdnu!” Min ifittex il-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid. Il-biża’ tal-Mulej ifisser li tkun umli, li
żżomm saqajk mal-art, li tagħraf int min int.
Int m’intix Alla, imma bniedem.
Min ikellmek fuq dan, ma jkunx ibaxxik imma jkun jitimgħek ħobż veru
tal-Ħajja vera.
Ritornell:
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
Salm
34
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;
xejn ma jonqsu min jibża' minnu.
Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;
min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun
jonqsu.
Ejjew uliedi, isimgħu lili;
jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,
u jixtieq jara għomru kollu riżq?
Ħares ilsienek mill-ħażen,
u xufftejk minn kliem il-qerq.
Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,
fittex is-sliem u imxi warajh.
It-Tieni Qari
Ħafna minn dawk li mlew żaqqhom bl-ikel tal-għerf
materjali, jgħidulek: “Dan biżżejjed!”
Innamraw ma’ dan l-ikel, simnu bih, u sikru bl-inbid tal-fama
tiegħu. Fid-dinja għamlu suċċess;
id-dinja ċċapċpilhom għax huma tagħha.
Imma bniedem fis-sakra bih innifsu ma jgħożżx iż-żmien, lanqas biss
jarah għaddej għax hu aljenat.
Il-bniedem li hu għaref tassew, jgħożż iż-żmien u jaf
lejn xhiex hu riesaq. Ħadd ma jidħaq bih
bil-prositijiet esaġerati għax jaf li lilu, bħall-iblah tar-raħal, għad iġorruh
fuq l-ispalla u jniżżluh ġo ħofra.
San Pawl iħeġġiġna biex nużaw tajjeb iż-żmien li hu
misluf lilna darba biss. Qatt iżjed ma
nerġgħu niġu hawn! Ħa nimtlew bl-Ispirtu
s-Santu li hu Sid l-Għerf kollu. Fid-Dawl
ħanin tiegħu naraw aħna min aħna, imma fuq kollox naraw kemm kbira hi l-Imħabba
li ddawwarna, tkebbibna u tħaddanna magħha, anke fil-mumenti ta’ wġiegħ li hu
parti mill-maturazzjoni tagħna, sakemm insiru, jekk Alla jrid, tassew xjuħ
fl-għerf.
L-Appostlu jgħid li min mhux miġnun bih innifsu imma
jaf li kulma għandu hu Grazzja, rigal… dan jimtela b’radd il-ħajr, ikollu
l-ferħ li jfaħħar lil Alla u jroddlu ħajr b’qalbu kollha. Għax min jaħseb li kulma għandu ġabu hu
bil-ħila tiegħu hu bniedem mgħobbi bir-responsabiltà, għax mingħalih li kollox
jiddependi minnu; imma min jaf li kulma għandu jagħmel hu li jilqa’ għandu
r-rigali tal-Muej, dan hu ħieles u mimli fiduċja mhux fih innifsu imma f’Dak li
ħabbu u ħalqu.
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.
5, 15-20
Ħuti: Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal
nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien,
għaliex ħżiena huma l-jiem.
Għalhekk
tkunux bla għaqal, imma fittxu x'inhi r-rieda tal-Mulej. U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda
mtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi,
innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej. Roddu dejjem ħajr għal
kollox lil Alla u l-Missier, f'isem Sidna Ġesù Kristu.
Evanġelju
Il-Vanġelu jkompli mat-tema tal-Ħobż
tal-Ħajja, u dan għandu x’jaqsam ma’ dak li ġara fit-Tielet Kapitlu tal-Ġenesi
meta seħħet it-traġedja epokali tal-waqgħa tal-bniedem fit-taħsir tal-mewt li
tintiret. Minn dak il-ħin, il-bniedem
ħarstu dejjem lejn is-Siġra l-oħra, mhix dik li minnha kien qata’ u kiel, imma
l-oħra, is-Siġra tal-Ħajja, tal-Ħajja ta’ Dejjem. Il-bniedem f’qalbu qal: jiena
dnibt u issa se mmut, imma ara hemm is-Siġra tal-Ħajja, jekk naqta’ minnha
wkoll, żgur ngħix għal dejjem.
Fil-Ġenesi nsibu l-kelmiet terribli:
“Għalhekk il-Mulej Alla keċċieh ’il barra mill-ġnien tal-Għeden biex jaħdem
l-art li minnha kien ittieħed. U ħareġ
lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-Lvant tal-ġnien tal-Għeden, u
s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja.” (Ġen. 3,
23-24).
Din hi s-saħta li hemm fuq ras kull
bniedem. Forsi drajniha din. Il-Mewt saret parti mit-tessut tal-libsa
tal-Ħajja, parti min-nisġa u mill-ħjata tagħha.
Il-bniedem dara jaċċettaha... imma xorta jħares lejn is-Siġra tal-Ħajja
u jipponta, kieku, jtawwal idu lejha.
Sal-lum qiegħed jilgħab mal-Ħajja, bil-liġijiet li jgħaddi dwar l-abort,
l-IVF, il-kontroll tat-twelid, it-tagħlim ġdid dwar il-‘gender’, is-sesswalità. Itawwal idu, imma ma jistax jaqta’... ma jistax
jgħix.
Fl-Apokalissi, Ġwanni jara l-Ktieb tal-Ħajja,
u nfaqa’ jibki biki kbir għax dan il-Ktieb kien magħluq b’seba’ siġilli li ħadd
ma seta’ jkissirhom biex jiftħu. “Ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ
il-ktieb.” (Apok. 5, 3). Imma xi ħadd
qallu: “Tibżax! Tibkix!” Għax, wara
kollox, instab Xi Ħadd li seta’ jiftaħ il-Ktieb li jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem
lill-bniedem li dineb. Dan ix-Xi Ħadd
kien il-Ħaruf b’għonqu mħanxar, li kien jidher li ġie maqtul, imma li issa kien
Ħaj u Rebbieħ. Hu resaq lejn il-Ktieb u
fetħu biex jagħti l-Ħajja lil dawk li jemmnu fiH.
Fil-Vanġelu, Kristu jgħid: “Jiena hu l-ħobż
il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal
dejjem. U l-ħobż li jien nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (v. 51).
Hawn Kristu mhux qed jitkellem fuq il-ħmerijiet. Is-Siġra tal-Ħajja se nieklu minnha tassew,
imma huwa Hu li jagħtina mhux aħna mmorru u naqtgħu għax kieku nsiru qisna
Alla. Huma l-umli li joqogħdu lura, li
jixxennqu li jieklu mqarr mill-frak li jaqa’ fl-art minn fuq il-mejda tal-Għerf
divin, (ara Mt. 15, 21-28), huma dawn li jistennew lil Alla jżomm Kelmtu
magħhom. Huma ma jifhmux, imma
jafdaw. Jiġu mgħajra boloh, imma jkomplu
jistennew. L-oħrajn jibdew jitlewmu u
jgergru bejniethom. Jiżżufjettaw
ukoll. “Ħadd ma mar u ġie”,
jgħidulek.
Ġesù jgħidha ċara: “Min jiekol ġismi u jixrob
demmi għandu l-Ħajja ta’ Dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Min jiekol dan il-ħobż igħix għal
dejjem.” (Ġw. 6, 54w). Lill-Kelma ma jgħamlilhiex żejt biex tiżloq,
jew zokkor biex ittiehem tajba. Jekk
għandek il-Fidi se tiggranfa magħha, jekk le, se tfittex il-Ħajja
band’oħra. Imma noqogħdu attenti: “Ma
jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw. 6, 53), igħid.
Ħadd minna, jien l-ewwel wieħed, ma nistgħu ngħidu li dak li kellu
jgħidilna Kristu, ma qalhulniex!
Versett: Hallelujah. Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar
sħiħa fikom; roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz ta’ Kristu. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 6, 51-58
F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies :
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż
jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja
tad-dinja."
Fuq
hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan jagħtina
ġismu biex nikluh?" Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew
ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma
jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu
l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax
ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u
jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li
hu ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix
bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu
missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem."
|