Wednesday, 21 November 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-WIEHED U HOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-FIDI FI KRISTU: L-IKBAR RIGAL TAL-MISSIER
IL-WIEHED U HOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-FIDI FI KRISTU: L-IKBAR RIGAL TAL-MISSIER PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 August 2018

Din hija il- Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 21_hadd.jpg

 

Hemm min qal li l-għaġeb mhux li ssib fid-dinja min jemmen f’Alla li ma jidhirx, imma li ssib nies li ma jemmnux f’Alla, jew f’xi alla.  Infatti l-ateiżmu huwa fenomenu stramb u kontradittorju għan-natura tal-bniedem.  Jista’ jkun li hu biss perċessjoni, ħaġa li hi mmaġinata li teżisti, imma li ma teżistix fil-fatt. 

 

Dan ngħiduh għax il-bniedem huwa “annimal reliġjuż”, ħlejqa reliġjuża, min-natura tiegħu innifsu ma jgħaddix mingħajr xi tip ta’ alla.  Dan, għax fil-bniedem hemm vojt li jġennu u hu jitħabat il-ħin kollu biex jimlih. Anke l-annimali jbatu minn dan, imma l-annimal li m’għandux l-intelliġenza tal-bniedem, jimxi skont l-istint li jgħidlu li jimla l-vojt jekk jiekol, jekk jikkaċċja, jekk joqtol lil min hu inqas b’saħħtu minnu.  L-annimal isib postu fil-“food chain” li titimgħu u fl-aħħar toqtlu għax kulħadd isib lil xi ħadd aqwa minnu xi darba.

 

Għall-bniedem l-ikel mhux biżżejjed.  Hu jittanta jimla’ l-vojt b’ “Alla”.  Imma meta ngħidu “Alla” m’aħniex nirreferu biss għal Dak li jistħoqqlu l-isem ta’ “Alla”, iżda wkoll għal kull tip ta’ “alla”.  Kull ħaġa li mingħajrha l-bniedem ma jgħaddix, din issir “alla” tiegħu. U biex inkomplu nikkwotaw, kien hemm min qal ukoll li d-differenza bejn il-bniedem u l-annimal huwa li l-bniedem jivvinta l-“allat” tiegħu waqt li l-annimal le.  F’dan is-sens ngħidu li l-bniedem huwa esseri “reliġjuż” għax għandu bżonn dik ix-xi ħaġa li timlilu l-vojt tiegħu u li lilha jqim, u li għaliha jagħmel kollox, anke jagħti ħajtu.  Issa, anke jekk il-bniedem ilu li skopra li l-vojt tiegħu huwa ikbar mill-alla li għamel għalih, xorta jibqa’ jippersisti fil-qima żbaljata tiegħu għax fil-fond ma jemminx li hemm alternattiva.

 

Alla jakkuża lil Iżrael li dan qanqallu “l-għira” tiegħu għax mill-affarijiet sbieħ li Hu tah għamel allat għalih flok l-Alla veru. Imma din l-istorja ma ġratx biss lil Iżrael imma tista’ tgħid lil kull bniedem.  Hawn min jagħmel il-familja “alla” tiegħu; hawn min jagħmel il-flus “alla” tiegħu; il-karriera; l-istima tal-oħrajn; is-saħħa; is-suċċess f’dak li jagħmel; ix-xewqa li jakkwista dak li m’għandux; xi persuna li jħobb jew jammira; ix-xogħol; il-passatemp...  Per eżempju l-football sar “reliġjon” għal miljuni ta’ nies, u partitarji jorganiżżaw ruħhom f’”reliġjon” bil-bnadar tagħhom, bil-kant fil-ground, kollox qisu liturġija.  Dawn in-nies jgħixu għal siegħa u nofs fil-ġimgħa. 

 

Imma l-“alla” li hu r-rival prinċipali ta’ Alla l-veru huwa l-flus.  Jekk l-istadium sar it-tempju għall-partitarji tal-football, il-bank huwa t-tempju għal min ipoġġi s-sigurta tiegħu fi flusu, bl-impjegati lebsin pulit, serji, serji qishom il-qassisin li jmexxu l-liturġija.  M’għandniex għalfejn nitkażaw: Abraham, Missier il-Fidi, għal parti kbira minn ħajtu kellu “alla falz” – l-ambizzjoni li jkollu iben... u meta Alla tahulu, għamel minnu l-“alla” tiegħu flok Alla li kien provdihulu.  Ara kif il-bniedem, bla ma jinduna, jagħmel “reliġjon” minn dik ix-xi ħaġa li jaħseb li ma jistax jgħaddi mingħajrha, li l-Ħajja tiġi bla sens mingħajrha, mhux “worth it” li tgħixha. 

 

Dawn l-affarijiet wieħed malajr jifhimhom.  Kulma għandu bżonn huwa ftit doża ta’ osservazzjoni.  Imma hemm “reliġjożità” oħra li hi iktar diffiċli tiddistingwiha mill-Fidi vera. Din hija r-“reliġjożità” mlibbsa l-libsa tal-Fidi. Dan huwa ċ-“challenge” tal-Knisja llum: li tiddistingwi bejn min għandu biss reliġjożità minn min għandu l-Fidi, biex hekk tkun tista’ ssejjes pastorali li tgħodd għal żmienna. Ħafna li huma konvinti li għandhom il-Fidi u li Alla ta’ Ġesù Kristu huwa l-aktar ħaġa mportanti għalihom, fil-fatt m’għandhomx ħlief “reliġjożità”. 

 

Min hu l-bniedem reliġjuż? Huwa dak li jaf li hu dgħajjef quddiem l-Istorja.  Huwa dak li jemmen li jeżisti Alla li jista’ kollox. Huwa dak li jagħmel biċċa negozju ma’ Alla: jien nipprova nkun bravu, nobdik, immur il-Knisja, nisforza, nagħmel xi penitenza, ngħin... biex imbagħad meta jiġi l-waqt Inti tgħinni, tagħtini r-rigal li jistħoqqli matul din il-ħajja. Jekk jidher is-salib, niġi quddiemek u nitolbok tneħħihuli, tibdilli l-Istorja meta din ma togħġobnix.  U fl-aħħar, meta mmut, u nittama li dan idum ħafna ħafna ma jiġri, Inti tagħtini l-premju għax jien inkun stinkajt biżżejjed biex ikkonvinċejtek li jien ġust, twajjeb.  Xi ftit jew wisq din hija d-deskrizzjoni tar-“reliġjuż”.

 

Issa hawn malajr nindunaw li aħna lkoll aħna dan il-bnidem!!  Dan il-bniedem li hu aħna għandu bżonn jiġi mibdul fi bniedem ta’ Fidi. Fuq Kristu mhux kemm taf jgħodd, imma jekk tafux tassew.  Li tkun “taf” lil Kristu jfisser tkun għaraft, bi Grazzja u mhux bil-ħila jew bit-tjieba tiegħek, x’għamel għalik fil-Misteru tal-Għid li Hu għex b’risq tiegħek, jiġifieri meta miet għalik u qam mill-Mewt għalik ukoll.

 

Lil Abraham, Alla qalgħu mir-reliġjożità idolatra tiegħu u daħħlu fil-Fidi vera meta għenu jitla’ l-Għolja Morija biex jissagrifika lil ibnu li kien għamlu “alla” tiegħu.  Imma Alla ma ħadulux lil ibnu!  Alla ma jrid jeħdilna xejn!  Alla m’għandu bżonn xejn minn tagħna!  Hu jrid jagħtini il-mistrieħ tiegħu u s-serħan tal-moħħ.  Fuq l-Għolja, Abraham sab muntun li Alla qallu biex joqtlu flok ibnu.  Minn hemm ’il quddiem Abraham induna li Alla kien Missieru u kien se jipprovdi dejjem.

 

Il-muntun li l-Missier provda għalina huwa Ġesù Ibnu!  Ġesù miet biex ipatti għall-mard, għall-jasar, għall-uġigħ, għad-dnubiet kollha ta’ ħajjitna.  Hu daħal fil-Mewt tagħna, mhux tiegħu, biex jiġġildilha.  Hu rebħilha u qatilha.  Il-Mewt hi gidba.  Min jemmen fi Kristu jgħix għal dejjem.  Min jemmen dan m’għadux iktar “reliġjuż” iżda Kristjan, jew kif ngħidu bi lsienna, Nisrani. 

 

Waqt li r-reliġjuż jitwerwer quddiem it-tbatija, in-Nisrani jara fis-Salib il-melħ li jagħti togħma lill-Ħajja.  Għan-Nisrani, is-Salib hu dejjem l-introduzzjoni għal dehra dejjem akbar tal-Għid Glorjuż f’Ħajtu.  Għalhekk għandu s-saħħa, li ma tiġix minnu, li ma jitlobx lil Alla jbiddilu l-Istorja, li wara kollox ippermettiha Alla nnifsu, imma li jidħol fiha mimli fiduċja, l-istess bħalma Kristu daħal fil-Passjoni konvint li Missieru ma kienx se jħallih hemm. 

 

Għalhekk meta nirreferu għall-Kristjaneżmu ngħidu li mhux reliġjon imma Aħbar Tajba.  Fi Kristu kollox hu għall-ġid tagħna.  Fi Kristu għandna l-garanzija ta’ Ħajja għal dejjem, u dan mhux b’merti tagħna imma għal kollox bil-merti li kiseb għalina l-Mulej Ġesù.  Huwa Hu li jaħti li aħna salvi, u għalhekk Hu għandu jkun dejjem fiċ-ċentru ta’ Ħajjitna, hekk li jasal il-jum hieni li, bħal San Pawl u tant u tant Insara oħra, ngħidu: “Mhux jien li ngħix, imma Kristu jgħix fija!”  (Gal. 2, 20).

 

L-Ewwel Qari

 

Sikem hija belt importanti ħafna fl-esperjenza ta’ Iżrael fit-Testment l-Antik.  Billi ġeografikament qegħda fiċ-ċentru tal-pajjiż, kien post ideali fejn kienu jsiru l-laqgħat il-kbar, qabel ma Ġerusalemm saret il-belt ewlenija. Sikem kien il-post fejn Ġakobb u niesu kollha difnu l-idoli ħżiena tagħhom, u issa, f’Sikem ukoll,Ġożwè ġabar it-tribujiet li kienu għadhom kif rebħu l-Art Imwegħda biex hemm jieħdu deċiżjoni fundamentali.  Lil min kienu se jaqdu, lil Jahweh, l-Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb, li ħariġhom mill-Eġittu, jew ikomplu jqimu l-idoli tal-ġnus ta’ madwarhom, kif Ġoswè kien jaf tajjeb li kienu qed jagħmlu bil-moħbi?

 

Illum Ġożwè jiċċalinġja lilna wkoll u f’wiċċna jgħidilna: “Kemm se ddumu “reliġjużi”, tagħtu qima minn barra lill-Mulej waqt li f’qalbu kulħadd għandu l-“alla” tiegħu.  Jew tarmu ’l bogħod minnkom l-idoli tad-dinja u tpoġġu l-Mulej fl-ewwel post, jew inkella intefgħu bl-apert fil-qima lejn allatkom, imma ipokrizija reliġjuża Alla ma jridhiex.

 

Iżrael tkexkex quddiem l-isfida ta’ Ġożwè u obdewh tant li bdew ħerġin qabda statwetti żgħar, figuri tal-fidda u tad-deheb, xbihat u simboli u dawn kollha difnuhom taħt il-balluta li kien hemm f’Sikem.  Aħna m’għandniex statwetti u Alla ma jrid jeħdilna xejn.  Hieni l-bniedem li jagħraf x’għandu jagħmel biex ipoġġi lill-Mulej fl-ewwel post.  Hu dan li jfisser ma tagħmilx idoli mill-ħwejjeġ li Alla nnifsu pprovdielek.

 

Qari mil-Ktieb ta’ Ġożwè.  24, 1-2a.  15-17

 

 F’dak iż-żmien, Ġożwè ġema' t-tribujiet kollha ta' Iżrael f'Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali u resqu quddiem Alla.  U Ġożwè qal lill-poplu kollu.   « Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu; jekk hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat ta' l-Amurrin li f'arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari naqdu l-Mulej.  

 

U l-poplu kollu wieġeb u qal: Ma jkun qatt li aħna nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra.  Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla' lilna u 'l missirijietna mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess dawn il-ħwejjeġ kbar, u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna u fost il-popli li minn ġo nofshom qsamna. U l-Mulej keċċa minn quddiemna l-popli kollha u l-Amurrin li kienu jgħammru fl-art. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna.”

 

Salm Responsorjali

 

Għal darb’oħra għandna silta minn Salm 34, u għal darb’oħra l-Knisja tipproponielna r-Ritornell: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.” (v. 9).  Hemm taqtigħa, kumbattiment, gwerra għall-Mewt bejn Alla u l-idoli tagħna.  Alla ma jistrieħx sakemm jarahom kollha meqruda minn Ħajjitna.  Dan hu s-sens ta’ dak kollu li ngħaddu minnu fl-Istorja ta’ Ħajjitna.  Il-bniedem reiġjuż ma jifhimx it-tbatija u għalih mhi xejn ħlief saħta u jdur lejn Alla u jgħidlu: “La tgħid li tħobbni, neħħili dan minn quddiemi!”  In-Nisrani għandu viżjoni differenti tal-Ħajja.  Hu jaf li Alla qed joħloq bniedem ġdid ġewwa fih li dejjem qiegħed isir jixbaħ lil Kristu iktar kemm jikber fil-Fidi.  Abraham tgħallem jemmen permezz tal-ġrajjiet li għadda minnhom u li fihom ra lil Alla jaħdem.  L-Istess għajnejn għandu n-Nisrani.  Hu jara lil Alla qisu l-fuħħari li jgħaffeġ u jerġa’ jgħaffeġ it-tafal bla sura, sakemm minnu joħroġ ġojjell tal-arti.

 

Alla qed ilestina għall-Ġenna, u min hu għall-Ġenna jibda jgawdiha xi ftit minn hawn.  Aħna naħsbu li l-Mulej mhux tant sabiħ; iktar sbieħ huma dawk il-ħwejjeġ jew bnedmin li rbatna qalbna magħhom.  Naturalment dan ma ngħiduhx bil-kliem imma l-fatti jixhdu dak li hemm f’qalbna.  Ssib ħafna li jgħidulek: “Jien Nisrani Kattoliku, imma ma naqbilx mat-tagħlim kollu tal-Knisja.  Għandi l-opinjoni tiegħi!” Dan hu li jfisser li ma tpoġġix lill-Mulej fl-ewwel post. 

 

Jagħmel sewwa dan is-Salm meta jirrepeti: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!”

 

Ritornell:  Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

Salm 34

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

 

Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

Iħarislu għadmu kollha,

ebda waħda ma titkissirlu.

 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu;

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 

It-Tieni Qari

 

Għaliex San Pawl se jitkellem fuq iż-żwieġ meta l-Liturġija tal-Kelma qegħda tkellimna fuq il-Fidi u l-maturazzjoni tagħha?  Għax hemm irridu naslu fir-relazzjoni tagħna mal-Mulej Ġesù.  L-Appostlu jqabbel l-imħabba u l-għaqda f’ġisem wieħed tal-miżżewġin maż-żwieġ mistiku li hemm bejn Kristu u l-Knisja l-Għarusa tiegħu.  U meta ngħidu “Knisja” qed nirreferu għal kull wieħed minna.  Ir-ruħ tagħna hi femminili u Kristu hu bħal namrat bla paċenzja li jgħarrex u jħuf biex jiltaqa’ mar-ruħ tiegħi jew tiegħek u jagħmilha l-Għarusa sabiħa tiegħu.

 

Il-bniedem “reliġjuż” li għadu jgħix fil-biża’ u li jipprova jobdi lil Alla biex  “jixtriH” bil-merti li jikseb hu, biex Alla jagħmel ir-rieda tiegħu (tal-bniedem) u jaqlagħlu l-grazzji… dan il-bniedem m’għandux relazzjoni intima u ta’ mħabba mal-Mulej.  Alla huwa Sid li hu tqil ħafna togħġbu jew timpressjonah.  Hekk jaħsbu ħafna nies.  Hu tqil ħafna taqla’ xi ħaġa mingħandu.  Din hi karikatura kerha mmens.

 

San Pawl jipproponielna dehra oħra ta’ kif tista’ tkun ir-relazzjoni tagħna mal-Mulej.  Kristu hu l-Għarus li ta Ħajtu għall-Għarusa tiegħU.  Hu ra li fuq ras il-maħbuba tiegħu kien hemm saħta mdendla: kienet ikkundannat li tmut għal dejjem minħabba n-natura marida tad-dnub.  Għalhekk hu jidħol biex imut minflokha u jeqred dak kollu li kien qed ibeżżagħha.  L-Għarusa tinġibed għal kollox lejn Dak li ħabbha tant.  Mhux biss.  Il-beżgħat u t-tħassib tagħha kollha għebu għax fi Kristu sabet dak kollu li kull mara tistenna mingħand żewġha: is-sigurtà, is-serħan tal-moħħ, rebħa fuq dak kollu li qabel kien joqotlha bl-inkwiet.

 

F’din ir-relazzjoni, hija l-Imħabba li ssaltan mhux il-Liġi.  Ma’ Kristu, int ma tagħmilx affarijiet għax hekk suppost, jew hekk hu tajjeb, imma għax tħobbu.  L-Imħabba turik x’għandek tagħmel.  Min iħobb b’qalbu kollha m’għandux iktar bżonn ta’ Liġi li tgħidlu x’għandu jagħmel.  L-istinti tal-Imħabba huma biżżejjed.  Din hi l-qabża mir-reliġjożita għall-Fidi adulta. Ħolqien ġdid, se jsejħilha San Pawl.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  5, 21-32

 

Ħuti : Oqogħdu għal xulxin fil-biża' ta' Kristu.  Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej,  għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu.  Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f'kollox.

 

Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.  U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta' l-ilma u l-kelma  u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b'xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd.

 

Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb 'il martu jkun iħobb lilu nnifsu.  Qatt ħadd ma bagħad 'il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja,  għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.  Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed.  Dan il-misteru - qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja - huwa kbir!

 

Evanġelju

 

Min hu biss reliġjuż u għadu ma kibirx fil-Fidi u fl-intimità ma’ Kristu se jgerger bħalma gergru l-Lhud fil-Kapitlu 6 ta’ San Ġwann.  Min iħobbok tassew, ma jgergirx kontrik u jibqa’ jħobbok anke meta ma jifhmikx.  Dan jagħmlu għax jafdak, rasu mistrieħa bik, iħobbok !  Dawn li bdew igergru u tawh daharhom u telquh kienu dixxipli tiegħU, mhux xi għedewwa !  Dejjaqhom meta beda jkellimhom fuq l-intimità tal-Ewkaristija… tal-bżonn li jieklu lil Ġismu u jixorbu Demmu biex isiru ħaġa waħda miegħu, jitwaħħdu miegħu, jiġu mlaqqma fiH.

 

Hafna, ma jinteressahomx dan.  Jinteressahom biss li jaqilgħu il-grazzja li għandhom bżonn u mbagħad kulħadd lejn daru. Huma nies li għalihom teżisti biss din id-dinja, u Alla qiegħed hemm biex jaqdihom ħalli jkollhom Ħajja bla nkwiet hawn.  Imma dawk li ħabbewH qalulu : Inti biss għandek il-kliem tal-Ħajja ta’ Dejjem.’ (v. 69).  Dan hu n-Nisrani: li ħsiebu fil-Ħajja ta’ Dejjem u jaf li kulma jiġrilu hawn hu parti mit-triq lejha.

 

Versett: Hallelujah. Ħajjarli qalbi, o Alla, għat-twissijiet tiegħek, il-liġi tiegħek fi tjubitek agħtini. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  6, 60-69

 

F’dak iż-żmien: Meta Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja, ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: "Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?"  Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: "Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?  Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela' fejn kien qabel?  Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.  Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux." Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.  U ssokta jgħidilhom: "Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista' jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi."  

 

Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.  Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: "Tridux titilqu intom ukoll?"  Wieġbu Xmun Pietru: "Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta' dejjem,  u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta' Alla." 

 

Last Updated ( Saturday, 25 August 2018 )
 
< Prev   Next >