Wednesday, 21 November 2018
           
Home
IT-TNEJN U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) MHUX FIL-LIGI IMMA FIL-FIDI T-TAMA TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 31 August 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tnejn u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

the-lord-jesus-rebukes-the-pharisees.jpg

 

Il-bniedem, min-natura tiegħu, jemmen fil-Liġi, kemm dik spiritwali u anke dik materjali.  Fiha jsib sigurtà.  Hu jaf li meta l-bniedem jitħawwad fuq livell ta’ massa, bħal meta jfaqqgħu gwerer kbar, jew f’xi pajjiż, il-maġġoranza ddur fuq xi minoranza żgħira għax taħseb ħażin fihom, ir-riżultat ikun kaos totali, ġungla, u l-bniedem isir annimal ma’ ħutu stess. Araw xi ġralhom il-Lhud kemm-il darba fil-postijiet fejn huma mxerrdin. Araw x’jiġrilhom f’pajjiżi ta’ dittatura dawk li ma jaqblux ma’ min imexxi.  Araw kemm persekuzzjonijiet u pogroms minħabba t-twemmin reliġjuż.  Araw kemm Insara qed imutu llum stess minħabba l-Fidi tagħhom fi Kristu.

 

Għalhekk, il-bniedem, meta jkun fi stat li jirraġuna, jemmen li mingħajr il-Liġi li tgħidlu x’għandu jagħmel u x’m’għandux jagħmel, taħwid u nkwiet ikun hawn.  U għandu raġun.  Il-Liġi tikkontrolla lill-bniedem mill-passjonijiet tiegħu stess u fejn jiżbalja  tikkastigah, għall-ġid tiegħu u anke tal-oħrajn li jkunu jħarsu, biex anke huma jitgħallmu.  Il-Liġi hija l-bażi tas-soċjetà.  Dawk li jistudjaw l-annimali jgħidu li anke dawn għandhom il-Liġijiet naturali tagħhom.  Kollox hu favur is-“survival instinct” u kontra l-ġenn li jagħmel ħerba mill-bniedem.

 

 

Ir-reliġjonijiet huma kollha bbażati fuq liġijiet morali. Imma mal-Kristjaneżmu dehret xi ħaġa ġdida, pass enormi ’l quddiem, lil hemm mir-reliġjożità, anke jekk l-Islam, li deher kważi ħames mitt sena wara, reġa mar lura lejn il-Liġi u r-reliġjożità.  Ir-religjonijiet, bil-liġijiet u l-preċetti tagħhom kienu u huma l-attentat, l-isforz tal-bniedem li jiskopri lil Alla, li jagħraf lil Alla, li jilħaq lil Alla. Imma meta waslet il-milja taż-żminijiet, wara l-falliment totali tal-bniedem li bir-“reliġjon” jagħraf lil Alla hu, bis-saħħa tiegħu, Alla bagħat lil Ibnu, Alla niżel fost il-bnedmin f’ġisem bħal tagħhom biex jurihom triq oħra, differenti mill-isfurzar tal-Liġi, biex huma jkunu salvi. Qabel, il-bniedem kien jipprova jixxabbat mal-imkaħħal biex jidħol hu fil-qdusija; issa l-qdusija ġiet tiltaqa’ miegħu.  Kristu mhux reliġjon imma Aħbar Tajba għall-bniedem.

 

Għaliex falliet il-Liġi reliġjuża kullimkien?  Għax Alla ma tax il-Liġi lill-bniedem biex imbagħad ikun jista’ jagħmillu eżami u jara kemm marki jġib bl-ubbidjenza tal-Liġi.  Il-Liġi Alla taha lill-bniedem biex dan ikun jaf x’inhi l-Qdusija, fejn hi qegħda l-Ħajja vera, liema hi r-Rieda ta’ Alla.  Il-bniedem malajr induna li ma setax jobdi l-Liġi.  In-natura mejta tiegħu ma tħallihx.  Ħadd mhu tant ġust li jista’ jsalva bl-ubbijenza tal-Liġi għax l-Iskrittura tgħid li l-ġust isalva billi jobdi l-Liġi kollha, li jfisser li jekk tobdi disgħa mill-kmandamenti u teħel f’wieħed, il-Liġi inti ma obdejthiex.  Il-Liġi hi ħaġa waħda:  min jobdiha jgħix, min ma jobdihiex hu ġa mejjet.  Il-Liġi tikkundanna taf, bla ma tagħti s-saħħa lill-bniedem biex jitqaddes.

 

Mela x’nistgħu qatt nagħmlu?  Jekk jien ma nistax insalva ruħi b’dan il-mod, x’se jiġri minni? Kuraġġ!  Ħafna qaddisin saru qaddisin għax waslu propju f’din il-mistoqsija u din mhix mistoqsija taċ-ċajt.  Quddiem din il-mistoqsija tidher tiddi il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù!  Jekk aħna ma nistgħux insalvaw b’dak li nagħmlu aħna, il-Missier bagħt lil Ibnu biex ipatti Hu għan-nuqqasijiet tagħna.  Bagħtu, biex il-mewt li aħna ma nistgħux neħilsu minnha, jeħodha Hu, l-Innoċenti, biex aħna ngħixu għal dejjem.  Bagħtu, biex jekk il-merti msejkna tagħna ma jistgħu qatt, qatt (dan hu tagħlim ċar tal-Knisja), ma jistgħu qatt waħedhom isalvawna, ekku, aħna li nemmnu fi Kristu niġu mlibbsa l-merti tiegħU!! 

 

Din hi Qdusija ta’ barra minn hawn!  Jien nidher quddiem il-Missier liebes, mhux il-merti tiegħi, imma l-merti ta’ Kristu!  Jien ġust għax ġiet mogħtija lili bħala għata fuq il-miżerja tiegħi l-ġustizzja ta’ Kristu.  Jien, li m’inix kapaċi nobdi l-Liġi qaddisa, f’daqqa waħda nidher totalment ubbidjenti quddiem il-Missier għax Kristu obda f’ismi u minfloki lil Missieru.  X’għaġeb ta’ salvazzjoni!  Il-qaddisin isejħu dan, ħolqien ikbar u aqwa mill-ħolqien tal-univers.

 

Araw x’għamel għalina Kristu fuq is-Salib u fil-Qawmien tiegħu mill-Mewt!  Satana jiġġennen quddiem din is-Sorpriża li ħatfet minn taħt idejh lill-bniedem.  Ħadd ma ħaqqu s-salvazzjoni, imma fi Kristu aħna lkoll salvi.  Imma x’irrid nagħmel jien!  Żgur li hemm xi “trick” x’imkien.  Ma jistax ikun li jien, midneb, immur il-Ġenna, anzi ngħix il-Ġenna minn hawn, hekk, qisu xejn...  Ħaġa waħda hija mitluba minnek.  Sempliċi imma mportanti.  Dak li hu mitlub minnek huwa li waqt li qegħda titħabberlek din l-Aħbar, waqt li qed jasal għandek il-Kristjaneżmu, inti temmen.  Il-Fidi kollox, u ara ma tingannax ruħek u tieħu l-Fidi “for granted”.  Il-Fidi hi l-ikbar rigal tal-Missier.  Jekk jien nemmen li Kristu wettaq dan kollu għalija, bla ma jistħoqqli, bħall-ħalliel “it-tajjeb”, jien salv diġa.  Jekk nibqa f’din il-Fidi sal-aħħar, għandi garanzija, “assurance”, li jien se nsalva għal dejjem.

 

Dina l-Fidi tidher jekk għandekx jew le.  Qabel għidna li ħadd minna, min-natura tiegħu, m’għandu l-ħila jobdi l-Liġi.  Imma min jimxi ’l quddiem fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, jinagħtalu Spirtu ġdid, natura ġdida differenti minn dik li twelidna biha, u b’dan l-Ispirtu ta’ Ġesù fih, b’din in-natura divina, hu jkun jista’ jobdi l-Liġi minn qalbu u b’qawwa ġdida.  Min m’għandux dan l-Ispirtu li jgħix il-Liġi, m’għandux il-Fidi għad, u hemm bżonn li jterraq lejha.  Għax il-Fidi tidher fl-opri.  L-opri ta’ qabel il-Fidi ftit jgħoddu... huma opri naturali u hemm limiti safejn jaslu.  Imma min jitwieled mill-ġdid fi Kirstu, min fih tikber il-Magħmudija, allura jwettaq l-opri tal-Ħajja ta’ Dejjem, l-opri sopranaturali.  Dan jiġbed id-dinja lejn Kristu.

 

L-Ewwel Qari

 

Iżrael kien, u għadu, ġens kbir għax lilu ġiet mogħtija l-Liġi ta’ Alla, ir-rivelazzjoni tar-Rieda tiegħU, il-mera, ir-ritratt tal-Qdusija u tal-Ħajja għal Dejjem.  Min jobdiha jgħix u jsib il-milja li kull bniedem jixxennaq għaliha.  Imma Iżrael kien, u għadu ġens kbir, għax kien l-ewwel li skopra li l-bniedem ma jista’ qatt isalva bl-ubbidjenza lejn il-Liġi għax minnu nnifsu l-bniedem mhux kapaċi jobdiha.  Għad hemm fih l-effett tal-Waqgħa oriġinali, u anke dawk li tgħammdu fi Kristu, jeħilsu minn dan l-effett terribbli iktar kemm tikber il-Magħmudija fihom.

 

Min din it-taqtigħa għal ruħ il-bniedem bejn il-Liġi u l-Fidi, Iżrael ipproduċa l-Fariżej u lil Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.  Mhux għax il-Liġi hi kontra l-Fidi.  Anzi, l-Fidi vera tagħmel lill-bniedem kapaċi, mhux minnu nnifsu imma bi Grazzja, li jobdi l-Liġi. Minn Iżrael ħarġu l-Fariżej, id-difensuri per eċċellenza tal-irqaqat kollha tal-Liġi.  B’mod l-aktar naturali u sempliċi, huma kien jaħsbu li iktar kemm jobdu l-Liġi iktar ikunu jagħmlu r-Rieda ta’ Alla.  Intenzjoni tajba ħafna kieku, imma huma spiċċaw biex qatlu lill-Iben Alla!!  Kif qatt seta’ jkun dan? 

 

Għax lil Kristu ma qatlitux il-politika; ma qatlitux is-setgħa militari ta’ dak iż-żmien. Lil Kristu qatlitu r-reliġjożità; qatluH dawk li kienu jaħsbu li qed jagħmlu dak li jrid Alla!  Huma, li ppruvaw jobdu l-Liġi, weħlu fl-ikbar kmandament: l-Imħabba.  Noqogħdu attenti għax dan jiġri lilna kuljum!

 

Il-Fariżej huma xhieda ċara li l-bniedem qatt ma jista’ jasal għall-qdusija bl-iffissar fuq l-isforzi tiegħu biex iwettaq il-Liġi kollha.  Din hi l-esperjenza ta’ Iżrael u ta’ tant nies anke fil-Knisja.  Jekk fil-qdusija tiegħek int tiġġudika lil ħaddieħor, diġa erġajt lura lejn il-bidu.  Tassew li l-Liġi qisha logħba tas-”Snakes and ladders”...  Kristu refa’ fuqu s-Salib tad-Dnub kollu tad-dinja u ħalla li jiġi maqtul fuqu biex min jemmen fiH jinżel fih l-Ispirtu li jgħidlu: “Dnubek miet għax ġie maqtul ma’ Kristu fuq il-Kalvarju!”  Min jemmen f’dan hu tassew il-bniedem il-ġdid, l-imwieled mill-ġdid: in-Nisrani.

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.  4, 1-2, 6-8

 

 Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta' missirijietkom.  La żżidu xejn ma' dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien.

 

 Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f'għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b'dawn il-liġijiet kollha, jgħidu, 'M'hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir.'  Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejjħulu?  Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?

 

Salm Responsorjali

 

Salm 15 isaqsi: “Mulej, min igħammar fid-dar tiegħek?” (v. 1).  Jiġifieri min għandu l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn?  Min hu ġust?  Min hu Nisrani adult fil-Fidi? Ir-risposta jagħtiha mill-ewwel is-Salm: “Min jgħix bla ħtija.” (v.2).  Min hu dan?  Fejn hu ħalli nkunu nistgħu narawh?  Wieħed biss għex bla ħtija: Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.  Wieħed biss għex il-Liġi kollha kemm hi.  Wieħed biss mhux iġġudikat mil-Liġi.

 

Pelaġju kien qassis eretiku ta’ nisel Ingliż li għex bejn is-snin 360-418.  Santu Wistin kiteb kontrih u ħadha qattgħa bla ħabel miegħu għax Pelaġju kien jgħid li l-bniedem kapaċi, jekk irid, jobdi l-kmandamenti.  Kien isostni li mhux veru li d-dnub oriġinali ta’ Adam u Eva fiera b’mod l-aktar gravi n-natura li tintiret tal-bniedem.  Għalhekk kien jgħid li l-bniedem lanqas biss għandu bżonn il-Grazzja għax waħdu jista’ jsalva ruħu billi hu kapaċi jobdi l-Liġi, dejjem jekk tassew irid.  Dan naturalment ipoġġi “question mark” fuq l-għala Kristu deher fid-dinja, l-għala ġarrab tant biex ikun jista’ jgħix il-Misteru tal-Għid.  X’miet jagħmel Kristu, jekk il-bniedem mhux imjassar b’natura mwaqqa’ meta jiġi biex jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin?

 

Imma jien nemmen li Pelaġju għadu ħaj illum fostna!  L-ideja tiegħu hi naturali, waqt li l-Fidi hi sopranaturali.  Jagħmel iktar sens lir-raġuni tagħna li nemmnu li kollox jiddependi minna, bħal meta wieħed imur għal eżami.  Din hija r-raġuni għala ħafna “Nsara” huma tant bierda u dejjem b’wiċċhom imqit.  Kristu huwa l-Aħbar it-Tajba għall-bniedem; Kristu jferraħ;  Kristu jimburġana bil-ġenerożità tiegħU.  Huwa Hu li jagħtina, u xogħolna hu li nirċievu.  Imma ħafna ma jirċievu xejn għax, bħall-Fariżej, jaħsbu li huma jridu jkunu, jew inkella minn dan ma jinteressahom xejn għax għandhom allat oħra u mhux qed ifittxu l-Ħajja fi Kristu.

 

Ritornell:  Mulej, min igħammar fid-dar tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu,

ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu;

min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min  hu bla ħtija.

 

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.

 

It-Tieni Qari

 

Ġakbu se jkellimna bħala Nsara adulti meta jgħidlna li aħna ġa twelidna mill-ġdid bil-Kelma, bl-Aħbar ta’ Kristu li rċivejna.  Tassew li dan il-proċess meraviljus ġa beda fina.  Beda dak in-nhar li bħala trabi ħaduna għand il-Knisja fejn fil-Magħmudija dan kollu nżera’ fina bħal meta tinżera lewża tal-ballut.  F’din il-lewża hemm il-possibiltà li tinbidel f’siġra tal-għaġeb fil-kobor u fis-saħħa tagħha.  Ħa jonfoħ ir-riħ kemm irid; mhu se jagħmlilha xejn.

 

Hu jħeġġiġna biex nilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fina.  Nilqgħu bil-ħlewwa u b’radd il-ħajr il-Magħmudija mħawla fina u nemmnu li ninsabu fi triq li tbiddilna fi xbihat ta’ Kristu biex id-dinja, li tant hi skandaliżżata b’Alla u bil-Knisja tiegħu, temmen.  Ġakbu jwiddibna: Jekk il-Magħmudija tiegħek, il-Fidi tiegħek hi kbira daqskemm taħseb int li hi, allura din trid tidher mill-għemil.  Jekk m’hemmx għemil, allura l-Magħmudija tiegħek, il-Fidi tiegħek għadha lewża mirduma taħt it-trab. Itlob, biex din il-lewża tinqasam, u minnha toħroġ il-barma li tinfiltra l-ħamrija u toħroġ għad-dawl.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu.  1, 17-18,  21b-22, 27

 

 Għeżież: Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.  Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

 

 Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawwla fikom, li tista' ssalvalkom ruħkom.  Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwiena u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis 'il bogħod mid-dinja.

 

Evanġelju

 

Kristu jċanfarna bi kliem il-profeti meta jgħid: “Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.  Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; igħallmu duttrina li mhix għajr preċetti tal-bnedmin.” (vv. 6-7). Kemm għandna bżonn nikkonverti minn relazzjoni legalista ma’ Alla, relazzjoni fejn nobdu għax hekk irid, għax hekk hemm bżonn, għax hekk jaqbel, għax hemm l-infern u l-ġenna… għal relazzjoni ta’ Mħabba vera, ta’ ntimità miegħU. Dawn huma wlied Alla, dawk li Hu adotta b’uliedu. 

 

Hemm bżonn li nħalluH jibdlilna qalbna bl-Imħabba tiegħu.  Il-qalb tagħna xriefet u twebbset minħabba l-isforzi tal-Liġi u għax hemm suspett li trid tbati ħafna biex timpressjona lil Alla.  Din hi karikatura terribbli ta’ Alla li hu Mħabba għalina.  Donnu li Kristu jgħid: “Ara jiena, ssallabt u mitt għal dawn in-nies biex nikkonvinċihom li jien tassew inħobbhom anke jekk jiżbaljaw, anke jekk regħxuni elf darba… u huma jibqgħu stinati jaħsbu li jridu jogħġbuni biex jien inħobbhom.”  Il-Liġi nafu x’tgħidilna.  Issa li għandna bżonn hu laqgħa mal-Imħabba li hi Alla u dak in-nhar nindunaw li hi l-Imħabba biss li għandha l-ħila tgħix il-Liġi fil-milja tagħha kollha.

 

Versett: Hallelujah.  Għax ried hu, il-Missier wellidna bil-kelma tas-sewwa, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu. Hallelujah.

 

Qari mil-Evanġelju ta’ San Mark.  7, 1-8.  14-15.  21-23

 

 F’dak iż-żmien : Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b'idejhom m'humiex indaf, jiġifieri m'humiex maħsulin.  Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta' missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa;  hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil  tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż.  Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: "Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjoni ta' missirijiethom, imma jieklu b'idejhom m'humiex indaf?"  Iżda hu weġibhom: "Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta' wiċċ b'ieħor, bħalma hu miktub,

 

     ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,

     imma qalbhom hija ′l bogħod minni.

     Fiergħa hi l-qima li jagħtuni;

     jgħallmu duttrina

     li m’hijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’

 

Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta' Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin."

 

Raġa' sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: "Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni!  Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba'  lill-bniedem.  Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena: żina, serq, qtil, adulterji, regħba, ħżunijea, qerq, faħx, għira, dagħa, kburija, bluha.  Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba’ lill-bniedem." 

 
< Prev   Next >