Din
hija il- Liturgija tat-Tlieta u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
IL-Fidi
hi l-ikbar rigal li l-bniedem jista’ jirċievi mingħand Alla. Min m’għandux Fidi, din ma jniżżilhiex. Anke ħafna minn dawk li jaħsbu li għandhom
Fidi, fil-fatt juru li vera Fidi m’għandhomx meta huma jixxennqu ferm aktar
għal ħwejjeġ materjali. Hu min esperjenzja dan ir-rigal li jista’
jitkellem fuq id-differenza. Dan
il-bniedem dejjem jixxennaq li jinagħta aktar Fidi, għax il-Fidi hi proċess, hi
mixja lejn konverżjoni totali li biha l-bniedem isir xbiha ta’ Kristu. L-ebda qaddis (Nisrani veru) qatt ma mmaġina
li “wasal fejn kellu jasal” fejn tidħol il-Fidi. Min iduq kemm hu tajjeb il-Mulej ikun irid
dejjem aktar, mhux bħall-ikel li jimla l-istonku, li malli jxebbgħek ma tkunx
trid tarah aktar.
Il-Fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, imma mbagħad
tinbena fis-sod permezz ta’ tip ieħor ta’ Kelma ta’ Alla, li hi l-Istorja
tal-individwu. Kulma jiġrilna hi Kelma
ta’ Alla għalina għax kollox, l-Istorja kollha, hija ndirizzata minn Alla
għat-tnissil u tisħiħ tal-Fidi. Iżda waqt li l-bniedem huwa mdawwar b’dawn
l-ilħna li jistednuh jidħol dejjem iktar f’Alla, madwaru għandu wkoll ħafna
ilħna oħra li jsejħulu u jerġgħu isejħulu sabiex jerġa’ lura jekk ikun qabad
it-Triq tal-Fidi. Dan minn dejjem kien,
imma jidher qawwi b’mod partikulari fi żmienna
Dawn huma l-ilħna tal-materjaliżmu li jippruvaw joħonqu s-sejħa ta’ Alla
għall-Fidi.
Il-Bniedem illum huwa ħafna aktar aljenat minn qatt
qabel. Dari, tassew li kważi kollox kien
ikellmek fuq Alla u l-ħajja tan-nies kienet imsejsa madwar id-dar u l-familja,
ix-xogħol, xi ftit ħin ħieles forsi ġo ħanut fejn wieħed jiltaqa’ mal-ħbieb, u
fuq kollox il-Knisja. Il-binja
tal-Knisja kienet dejjem fiċ-ċentru tar-raħal u fiċ-ċentru tal-Ħajja. Imma llum dan m’għadux hekk. L-impenn għax-xogħol kiber għax kibret il-kilba
għall-flus li bihom tixtri li trid.
Żmien il-konsum. Dan sar “alla”
ġdid: aħdem kemm tiflaħ biex ikollok x’tonfoq.
Imbagħad, il-bniedem tgħabba b’ħafna toqol li donnu qed jagħmel minn
Ħajjitna żmien fewdali ġdid. Biex tibni
jew tixtri dar trid tiddejjen u taħdem biex tħallas id-dejn għomrok kollu. Kemm stress u toqol fuq iż-żagħżagħ
tagħna! Fil-Medju Evu, il-bniedem komuni
kien jaħdem l-art għomru kollu għal sidu li kien jagħtih x’jiekol, x’jilbes,
fejn joqgħod u jiddefendih minn xi għadu.
Il-Ħajja tal-lum fiha ħafna iktar xejxi, imma fil-qalba tagħha, ftit
hemm differenza.
Il-bniedem illum hu aljenat u min hu aljenat ma jismax
lil Alla jkellmu. Hekk, mhux biss illum il-familja hi iktar dgħajfa minn qabel,
imma fuq kollox, u l-kawża ta’ kollox, il-Fidi qegħda tnin. Ċikku l-poplu qatt ma jobsor li n-nuqqas ta’
kuntentizza ġej mill-fatt li għandu bżonn jikber fil-Fidi fi Kristu li hu Aħbar
Tajba għalih. Dan jidher tqil għalih
biex jaħsbu. Għal ħafna, l-Fidi Nisranija ġiet imċekkna għal li wieħed jisma’
quddiesa darba f’ġimgħa (ħafna m’għadhomx) u jiċċelebra l-Ġimgħa Mqaddsa,
il-Milied u l-Festa tar-raħal. Anke dawn
huma minoranza, issa. Ħafna ma jemmnux
li f’Alla hemm is-soluzzjoni tal-problemi tal-Ħajja. Jippreferi “allat” oħra li mad-daqqa t’għajn
jimpressjonaw iktar... fuq kollox il-flus.
Ipprova għamel sejħa biex in-nies tagħti ftit ħin iktar għas-smigħ
tal-Kelma u tara kemm jiġu. Ħadd
m’għandu iktar ċans jew moħħ.
Tassew li jgħodd il-kliem tal-Iskrittura li jgħid li dawk
li ġie offrut lilhom l-ikel tal-Anġli, ixxennqu minflok għall-ġandar
tal-annimali.
L-Ewwel Qari
L-ewwel qari li għandna hu qari ta’ nkoraġġiment kbir
għal dawk li jaħdmu fl-għalqa tal-Mulej fost ħafna diżappunti u fallimenti.
Għal dawn il-ħaddiema fqajr, hu ċar li hu mpossibbli tikkonvinċi lil xi ħadd
bl-argumenti tiegħek. Huwa l-Ispirtu
s-Santu li jmexxi l-evanġelizzazzjoni u li jmiss il-qlub, anke l-iktar
iebsa. Huwa fl-evanġelizzazzjoni li
fiż-żmien tal-lum nistgħu naraw b’għajnejna l-mirakli kbar li Alla kapaċi
jwettaq. Forsi qatt daqs illum ma kien
hemm pronostiċi tant negattivi u drammatiċi fuq il-futur tal-Knisja. Iżda, il-Kristjaneżmu għadda minn mumenti
agħar minn tal-lum u dejjem sab fih innifsu l-qawwa li jirriforma u
jirreaġixxi.
Imma dan il-kliem ta’ nkoraġġiment u faraġ huwa wkoll
għal dawk kollha li qegħdin jippruvaw dak li tagħti d-dinja u xorta jħossu l-baħħ tal-vojt. Dawn huma nies li darba kienu aljenati imma
m’għadhomx. Iħarsu lejhom infushom u
jistaqsu: “Imma jien x’qed nagħmel b’Ħajti?” Dawn huma nies egħref u aktar ixxurtajti minn
oħrajn li għadhom imbellhin bid-dinja u ma jridu jafu b’xejn aktar.
Lil dawk li qed ifittxu sens għal Ħajjithom, il-Kelma
tgħidilhom: “Agħmlu l-ħila la tibżgħux!”
(v. 4). Jekk dawn in-nies ma
jafux fuqhiex se jaqbdu jserrħu,
il-Knisja, b’qalbha kollha tixxennaq li teħodhom għand Kristu, għand Dak li hu
l-waħdieni li jħobbhom hekk kif inhuma, Dak li hu l-waħdieni li jaf min hu
tassew l-għadu tagħhom, u li hu l-waħdieni li kapaċi jirbħu u jiksi bil-balzmu
tiegħu il-ġrieħi ġewwinija li minn dejjem serqulhom il-Ħajja.
Min jemmen fi Kristu jinfetħulu għajnejh u jibda jara
r-rejaltà tal-Istorja b’mod differenti.
Min jemmen fi Kristu jitnissel ferħ fih li fettxu kullimkien u ma
sabux. Dawk li jiskopru tassew l-Imħabba
ta’ Kristu jaqbżu u jiżfnu bħaċ-ċriev għax widnejhom infetħulhom u dak li qabel
kienu semgħuh bla ma taw kasu, issa semgħuh b’mod ġdid u xegħel fihom Dawl li
ma jintefiex.
Kemm nies għexu għal snin twal f’deżert, f’nixfa, donnha
art bla nies għax kienu magħluqin fihom infushom, dejjem mehdijin fuq
il-problemi tagħhom u fuq il-kumplessi tagħhom.
Imma Kristu kapaċi jbiddel dan id-deżert maħruq fi ġnien imsoqqi tajjeb
kollu ħdura u kuluri bl-ilma jbaqbaq minn nixxiegħat li ma jinxfu qatt. Int ikollok dik ix-xorti hienja li tinsa
lilek innifsek u tgħaddi biex tgħin lil ħaddieħor għax ġejt imfejjaq minn ġewwa
u ma tibqax iktar egoista u taħseb fik l-ewwel.
Kemm għandna bżonn li dan jiġri fina, jaħasra.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 35, 4-7a
Għidu
lil dawk b'qalbhom imbeżżgħa:
"Agħmlu
l-ħila, la tibżgħux!
Araw,
Alla tagħkom ġej jitħallas;
il-ħlas
ta' Alla wasal;
Hu
stess ġej biex isalvakom.
Mbagħad
jinfetħu għajnejn l-għomja,
jinfetħu
widnejn it-torox.
Mbagħad
iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela
u
lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.
Iva,
igelgel l-ilma fid-deżert,
u
l-widien fix-xagħri.
L-art
maħruqa tinbidel f'għadira,
u
l-art niexfa f'għejun ta' ilma ġieri.
Salm
Responsorjali
Dan
is-Salm jiddikjara li l-Mulej kapaċi jfejjaq lill-bniedem mill-mard kollu li
jerdagħlu l-ħajja, speċjalment il-mard ġewwieni, il-mard spiritwali. Jeżistu ħafna nies maħqura mix-xjaten
psikoloġiċi tagħhom li ma jħalluhomx jaċċettaw lilhom infushom hekk kif inhuma. Jeżistu ħafna nies li huma mġewħin
għall-Imħabba għax irċevew tant weġgħat li huma jżommu moħbija f’qalbhom. Jeżistu nies imjassra fil-vizzju… iridu
jeħilsu imma m’għandhomx saħħa jagħmlu pass.
Huma ġġudikati għax l-oħrajn jaħsbu li tort tagħhom, li huma
għażżenin. Mur għidilhom lil dawn xi
tbatija toħroġ mill-ħajja tal-vizzju !
Jeżistu
nies li m’għadhomx għajnejn biex jaraw kemm tahom grazzji l-Mulej u kemm huma
mdawrin bi ħwejjeġ meraviljużi, għax twebblu b’ħaġa, għamluha alla tagħhom u ma
jistgħux jakkwistawha. Dawn huma nies
imfarrka, għomja. Jeżistu nies milwijin, paralitiċi. Dak li għal ħaddieħor hu faċli u naturali,
għalihom hu inkubu, muntanja li ma jistgħux jixxabtuha. Huma bla saħħa. Huma tallaba, jittalbu l-affetti mingħand
in-nies. Huma mwarrbin u mistmerra. Huma tal-aħħar fis-soċjetà.
Dan
is-Salm jgħid li l-Mulej kapaċi jfejjaq dan il-mard kollu. Kristu rebaħ il-mewt u hekk għaffeġ taħt
saqajh kull tip ta’ mewt li lilna toqtolna.
Hemm tant imwiet ! Tant
imwiet li l-bnedmin jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Jekk Alla qed iwegħdek xi
ħaġa, kun af li Hu jżomm Kelmtu għal dejjem.
Ritornell :
Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej.
Salm
146
Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
Hu jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewwħin.
Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin;
Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa' lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin.
Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel.
It-Tieni Qari
San Ġakbu se jispiċċa din is-silta billi jgħid xi ħaġa
sabiħa ħafna: “Mhux Alla kien li għażel lil dawk li huma l-foqra tad-dinja biex
isiru għonja fit-twemmin u werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li
jħobbuh?” (v.5).
Tassew, Alla jogħxa juri l-għeġubijiet ma’ dawk li ma
jiswew xejn, ma dawk li huma dgħajfa, biex ma tidhirx il-glorja tal-bnedmin
imma l-glorja tiegħu. U għalfejn hemm
bżonn li tidher il-glorja tiegħu. Wara
kollox Hu m’għandux bżonn il-glorja tal-bnedmin. Hemm bżonn li tidher il-qawwa ta’ Alla biex
dawk li għandhom bżonn jaraw sinjal biex jemmnu, ikollhom xhieda. Ilkoll għandna bżonn naraw
Insara ta’ veru. Min jara Nisrani jkun
qed jara lil Kristu, u min jara lil Kristu jiġġennen biex jibqa’ miegħU u jmur
joqgħod fejn jgħammar Kristu.
Ħafna nies, li għad-dinja jidhru li mhuma xejn, fqar
f’kollox, għad jgħaġġbu lid-dinja bil-għana li Kristu nissel fihom.
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu. 2.
1-5
Ħuti,
tħalltux il-fidi f'Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn
l-uċuħ. Għax jekk
fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f'subgħajh u bi lbies
ilellex, mbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma' dak
bl-ilbies ilellex u tgħidulu: "Int oqgħod komdu bilqiegħda" waqt li
lill-fqir tgħidulu: "Int oqgħod bil-wieqfa", jew "Oqgħod
bilqiegħda fuq il-mirfes ta' riġlejja", ma jidhrilkomx li tkunu
qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?
Isimgħu,
ħuti għeżież: m'hux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu
fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?
Evanġelju
Fil-bidu għidna li l-Fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma
ta’ Alla. Ara li ma jkunx hawn min
jaħseb li s-smigħ hu faċli. Mhux kwistjoni
li tisma’ b’widnejk, imma li l-Kelma tinżel f’qalbek, u dan hu xogħol l-Ispirtu
s-Santu. Kemm nies li semgħu elf priedka
u qishom ma semgħu xejn! Kemm nies li
jorqdu meta xi ħadd iwasslilhom il-Kelma!
Tnejn min-nies bilqegħda ħdejn xulxin jisimgħu l-istess priedka: wieħed
iċċassat għax dak li qed jisma’ qed jinfidlu qalbu, waqt li l-ieħor igerger
kemm se jdum. Le, is-smigħ mhux faċli;
anzi s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla hi Grazzja kbira. Esperjenza sabiħa li ma tinsa
qatt.
Infatti fil-Magħmudija, parti mir-Rit huwa ddedikat
lis-smigħ. Ir-Rit tal-“Effata” ġej
mil-miraklu li Kristu jagħmel fil-qari tal-lum.
Kristu jdaħħal subgħajH imċappas bil-bżieq f’widnejn wieħed trux u jitniehed
waqt li jgħajjat: “Effata!” “Infetaħ!”
Il-bżieq ifisser il-Kelma ta’ Alla. L-istess jagħmel il-Presbiteru li jgħammed
lit-tarbija biex din tinagħta l-Grazzja li tkun tista’ tisma’ bil-widnejn ta’
qalbha l-Kelma li tista’ ssalvaha.
Mal-ftuħ tal-widnejn, ħafna drabi, hemm ukoll
l-ilsien li jinħall, bħal f’dan il-kas.
U tassew! Min jisma’ l-Kelma bi
Grazzja mingħand l-Ispirtu s-Santu, din ma jistax iżommha għalih, imma b’ferħ
kbir jixxennaq biex jaqsamha ma’ ħaddieħor u hekk ixandar dak li Ġesù kien
għamel miegħu. Dejjem b’dan il-mod
kibret il-Knisja ta’ Kristu fost il-ġnus.
Versett: Hallelujah! Urini, Mulej, it-triq
tiegħek, mexxini minn mogħdija watja. Hallelujah!
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark. 7, 31-37
F’dak iż-żmien :
Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta' Tir,
għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi
tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu
idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh
f'widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Mbagħad refa' għajnejh
lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: "Effata," jiġifieri,
"Infetaħ!"
U
minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta' lsienu nħallu u qabad jitkellem
sewwa. Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma
wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew
jgħidu: "Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem
lill-imbikkmin."
|