Tuesday, 16 October 2018
           
Home
L-ERBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-MOD KIF JAHSIBHA ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 15 September 2018

Din hija il- Liturgija ta' L-Erbgha u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 gesu_u_pietru.jpg

 

Aħna naħsbuha mod u Alla jaħsibha mod ieħor.  Il-bniedem ilu li skoprih dan.  Aħna nitolbu ħaġa, u minflok, Hu jagħtina ħaġa oħra.  Għandna opinjoni kif għandha timxi l-Istorja tagħna u anke dik tad-dinja kollha, waqt li Hu rari jmexxi l-Istorja fuq il-passi li nixtiqu aħna.  Dan inissel frustrazzjoni fina, u mhux darba u tnejn tinbet kriżi fir-relazzjoni tagħna miegħU.

 

Il-problema hija li bla ma nindunaw aħna nixtiequ li nkunu aħna alla.  Nixtiequ li nkunu aħna Sid l-Istorja tagħna.  Il-verità hi li aħna biss ħlejqa u Alla hu ħaddieħor.  Alla huwa Hu, u allaħares ma kienx hekk.  Huwa Hu li jaf x’inhu l-aħjar għalina, imma biex wieħed jaċċetta dan b’sinċerità għandu bżonn doża mhux ħażin ta’ umiltà.  L-umiltà hija bint il-verità, u l-verità hi ċara: aħna nies resqin lejn il-mewt u dan id-destin inissel fina dgħufija enormi li jġagħalna niġbdu dejjem lejna nfusna.  Egoiżmu.  Dan l-egoiżmu jġagħalna niżbaljaw.  Huwa hawn li hi xorti tajba li dejjem tgħaddi ta’ Alla u mhux tagħna.  Kemm nies irvinaw Ħajjithom għax baqgħu jitqabdu ma’ Alla biex tgħaddi tagħhom, jiġri x’jiġri!

 

 

Id-dnub mhu xejn ħlief dan.  Aħna ma nistgħu qatt nifhmu moħħ il-Mulej u fil-bniedem tqum reazzjoni ta’ ribelljoni.  L-ewwel ġenituri tagħna nsew is-siġar kollha tal-Ġnien li kienu tagħhom, u l-passjoni tagħhom ħadet in-nar għal dik is-siġra waħdanija li ma kinitx tagħhom.  Dan hu li qatel lill-bniedem.  Din l-Istorja tal-bidu li tidher parabbola, ħrafa, hi fil-fatt verità enormi, deskrizzjoni eżatta ta’ dak li dejjem jiġri minn ġenerazzjoni għall-oħra, anke jekk, kif jgħid il-Konċilju, wieħed ma jistax jeħodha bħala ġrajja li ġrat eżatt hekk storikament.  L-Istorja ta’ Adam u Eva hija kumment drammatiku fuq il-qagħda ribelluża tal-bniedem li flok tagħtu Ħajja ta’ Alla, dewqitu l-Mewt.

 

Isaija jara hawn l-għerq tal-ħażen u l-korruzzjoni tal-bniedem: li Alla għandu triq dritta għalih, imma lilu din ma togħġbux għax fis-suppervja tiegħu irid ikun hu nnifsu li jiddomina kollox.  Il-Profeta jgħid: “Ħa jħalli triqtu l-midneb, u l-bniedem il-ħażin fehmietu.  Għax il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom.  Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,  daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi minn fehmietkom.” (Is. 55, 7w).

 

Għandna lkoll bżonn Grazzja, li hi din: li Alla jiftħilna widnejna sabiex inkunu nistgħu nisimgħuH u nifhmu xi ftit il-fehmiet tiegħu, li huma fehmiet ta’ sliem u ta’ ġid għalina.

 

L-Ewwel Qari

 

Alla jiftaħ il-widnejn ta’ dawk li hu jagħżel.  Jagħżel nies biex ikunu ta’ servizz għall-kotra, biex ikunu l-melħ li jagħti togħma lill-borma.  Dawn m’għandhom l-ebda privileġġ fuq l-oħrajn, imma tinagħtalhom missjoni biex ikunu ta’ servizz, biex jaħdmu b’risq l-oħrajn.  Il-Profeti kienu minn dawn fit-Testment l-Antik, waqt li n-Nisrani li fih il-Magħmudija tilħaq il-milja tagħha, huwa wkoll Profeta b’risq id-dinja.  Kull Nisrani veru.

 

Isaija jibda s-silta tal-lum billi jgħid li l-Mulej fetaħlu widintu.  Fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda, Ġesù jitniehed tnehida waqt li jiftaħ widnejn wieħed trux imbikkem, u dan ir-rit huwa parti mill-Magħmudija meta l-Presbiteru li jirrappreżenta lil Kristu jmiss widnejn it-tarbija u jgħid: “Effata!” jiġifieri “Infetaħ!”  Kemm hu mportanti dan.  Fil-Magħmudija, fost ħafna affarijiet oħra, aħna rċivejna l-possibiltà, jekk il-Magħmudija nħalluha tikber fina, li jkollna l-Grazzja enormi tas-Smigħ ta’ dak li jrid jgħidilna min ħalaqna u jaf x’inhu l-aħjar għalina. 

 

Billi għandu widnejh miftuħa u għassa għal kull Kelma li jista’ jibagħtlu l-Mulej, il-Profeta jsir qisu dixxiplu li kuljum, minn filgħodu jistenna l-Kelma tad-Dawl li tfehmu kulma jkun qed jgħaddi minnu hu u l-poplu ta’ Alla.  Huwa jifhem il-mod kif Alla jimxi fl-Istorja.  Alla wera ruħu lill-bniedem u jekk il-bniedem ma jwebbisx rasu bħal tifel iblah li ma jridx jifhem, malajr jinduna liema hi t-triq tal-Mulej.  Alla għandu storja differenti ma’ kull wieħed minna għax Hu dejjem hu oriġinali.  Kemm hu kbir Alla!  Ma ħalaqx bniedem bħal ieħor.  Bħalek, la qatt kien hawn u lanqas se jkun hawn.  U jekk kull bniedem huwa differenti, Alla jimxi ma’ kull wieħed b’mod differenti skont l-għamla tiegħu, skont il-persuna misterjuża ta’ kull wieħed minna.  Alla jirrispettana mmensament.

 

Imma Alla wriena wkoll li jekk Hu jfassal l-Istorja skont il-personalità ta’ kull wieħed, li Hu biss jafha sal-fond tagħha, il-mod kif jimxi hu dejjem l-istess. Dan il-mod Hu jurih fil-Magħmudija.  Il-bniedem jitwieled bin-natura mħassra u kkundannata li tmut u li rċivejna mingħand Adam.  Fil-Magħmudija dan il-bniedem qadim, dan il-bniedem tad-dnub, dan il-bniedem li joħloq allat għalih, li dejjem jitqabad kontra l-Istorja li jagħtih Alla, dan il-bniedem imut, mgħarraq fl-ilmijiet.  Minfloku jqum il-Bniedem il-Ġdid li iktar kemm jikber iktar isir jixbaħ lil Kristu.  Dan kollu jwettqu Alla u mhux aħna, imma Hu ma jwettqux mingħajr l-“Iva” tagħna.  Dan hu x-xogħol ta’ Alla ma kull persuna.  Il-Magħmudija li rċivejna mhix rit ta’ darba fil-Knisja, imma hi Ħajjitna kollha.  Alla għandu din it-taqbida magħna Ħajjitna kollha, biex jgħarraq il-bniedem il-qadim li jġagħalna nbatu tant, u minflok iwelled, kif qal lil Nikodemu, il-Bniedem li hu Ħaj għal dejjem.  Xi Grazzja!  U aħna naħsbu ħażin f’Alla meta matul dan il-kumbattiment, il-Mulej sikwit idaħħalna f’sitwazzjonijiet skomdi.

 

Fil-Magħmudija jiġri l-Misteru tal-Għid.  Alla hu l-Għid.  Kulma jagħmel hu parti minn Għid.  Għid = Mewt għall-qadim, Mewt għad-dnub, Mewt għad-dlam, Mewt għall-Mewt... u Ħajja ġdida li tibqa’ għal dejjem.  Dan hu diffiċli għalina li nifhmuh waqt il-prova.  Dan il-Misteru tal-Għid għexu perfettament Kristu u anke Hu, quddiem din il-Mewt/Qawmien, ħassu jitriegħed fil-Ġnien taż-Żebbuġ.  Din hi l-prova ta’ kull wieħed: il-Ġnien taż-Żebbuġ.  Għax kull wieħed minna jkollu esperjenzi tal-Ġnien taż-Żebbuġ fejn aħna niddeċiedu jekk, kontra r-raġuni tagħna, ngħidux “Iva”, u nintelqu bil-Fidi f’idejH.

 

Il-Profeta seta’ jagħti dahru għad-daqqiet u wiċċu għall-bżieq għax fehem, kif fehem Kristu wara li għaddew it-tliet sigħat ta’ taqbid waħdu fit-talb, li t-triq tal-Għid tgħaddi mill-Passjoni imma twassal għall-Ħajja bla tmem, għall-qerda tal-Mewt.  Min hawn ġab il-Profeta l-ispirtu li ma jiqafx lill-ħażen li sarlu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  50, 5-9a

 

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,

u jiena ma webbistx rasi,

ma rġajtx lura.

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni,

ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;

ma ħbejtx wiċċi  mit-tagħjir u l-bżieq,

 

Sidi l-Mulej jgħinni,

għalhekk ma nitħawwadx;

għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:

jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.       

Min se jeħodha miegħi?

Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien!

Min hu kontrija?

Ħa jersaq lejja!

Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:

min se jagħtini t-tort?

 

Salm Responsorjali

 

L-esperjenza kollox, anke fil-Fidi.  X’tiswa Fidi bbażata biss fuq it-tagħlim? Fil-prova kollox, ilna nisimgħu.  Hemm bżonn li aħna lkoll ikollna esperjenza ħajja ta’ Alla.  Għandna bżonn ikollna esperjenza tal-Għid biex nindunaw li Ħajjitna hi ġabra ta’ Għidijiet, wieħed wara l-ieħor, daqqa żgħir u daqqa kbir.  Dan hu l-mod kif jaħdem Alla magħna.  Il-Misteru tal-Għid huwa s-sinsla tal-Istorja tiegħek u tiegħi; tal-qaddis u tal-midneb; ta’ min hu mlaħħaq fil-Knisja u ta’ min iħobb ipoġġi fl-aħħar bank tal-knisja.

 

Jekk inħarsu sewwa lura naraw kemm hu minnu dan.  Il-Mulej iħallina naqgħu f’xi kriżi, f’xi nkwiet, f’xi qagħda ta’ dlam, ta’ dieqa... biex imbagħad joħroġna barra għad-Dawl, għal Fidi akbar minn qabel, għal ħelsien akbar ukoll.  Darba wara darba, bħalma l-istaġuni tan-natura jiġu wara xulxin, wieħed jaqla’ lill-ieħor. 

 

Is-salmista se jgħid li hu jħobb lill-Mulej għax kellu propju din l-esperjenza u tgħallem li l-Ħajja kollha hi hekk... tbatija, imma mbagħad laqgħa mal-fedeltà ta’ Alla.  Dan kollu biex timbena l-Fidi. Il-pagani ma jagħtux kas ta’ dan.  Jemmnu biss bix-xorti tajba u xorti ħażina.  Jemmnu bil-kumbinazzjonijiet.  Bla sens u bla direzzjoni f’Ħajjithom. Imma aħna mexjin dejjem ’il quddiem sa ma naslu fis-Sema pajjiżna, Ġerusalemm tas-Sema li qegħda tistenniena, fejn diġa hemm post sabiħ lest għalina, mixtri għalina bid-Demm tal-Mulej Ġesù.

 

Dan hu Salm Paskwali, jiġifieri jitkellem fuq din l-esperjenza tal-Għid.  Hu jgħid: “Il-ħbula tal-mewt dawruni, irbit l-infern laħaqni, niket u hemm insib.”  (v. 3).  Tassew sitwazzjoni serja ħafna!  Hu jkompli jgħid li kien wasal sa f’ħalq il-mewt, kien imdejjaq ħafna, għajnejh mimlijin dmugħ.  Kien iħossu dgħajjef u magħkus.  Jista’ jkun f’ġismu, jew inkella minħabba xi problema li kellu.  Din hi l-ewwel parti tal-Għid.  M’hemmx Qawmien mill-Mewt mingħajr Mewt!  Din l-esperjenza mhux kulħadd għadda minnha, min b’mod min b’ieħor?  Iżda l-ferħ ta’ dan il-bniedem taf x’inhu?  Li ġarrab li Alla sema’ l-għajta maħnuqa tiegħu fil-Jum li fih sejjaħlu.  Jum imbierek!  “Inħobb lill-Mulej għax sema’ leħen it-tħannin tiegħi” (v. 1).  Jista’ jkun li Alla ma tahx dak li xtaq.  Jista’ jkun li Alla ma neħħilux il-problema imma taħ saħħa u qawwa biex jegħlibha.  Ħafna drabi Alla ma jneħħix il-problema, imma jaħtafna mill-hemm u jimliena b’qawwa u fiduċja u jreġġagħna għall-ferħ.  Lil Pietru ma neħħilux il-baħar li kien jifirdu minnU u li kien qiegħed ibeżżgħu, imma għamlu kapaċi jimxi fuqu!

 

Ritornell: Jien nimxi quddiem il-Mulej, fl-art tal-ħajjin.

 

Salm 116

 

Inħobb il-Mulej, għax sama'

leħen it-tħannin tiegħi;

għaliex hu tani widen

fil-jum li fih sejjaħtlu.

 

Il-ħbula tal-mewt dawwruni,

l-irbit ta' l-Imwiet ħakimni;

fin-niket u l-hemm sibt ruħi.

Imma isem il-Mulej sejjaħt:

"Mulej, nitolbok, salvani!"

 

Ħanin il-Mulej, u ġust;

twajjeb hu Alla tagħna.

Iħares id-dgħajfa l-Mulej;

jien kont magħkus, u hu ħelisni.

 

Għax mill-mewt ħelisli 'l ħajti,

lil għajnejja mid-dmugħ u 'l riġlejja mit-tfixkil.

Jien nimxi quddiem il-Mulej

f'art il-ħajjin.

 

It-Tieni Qari

 

Il-Fidi hi rigal tassew kbir.  Min għandu l-Fidi jkun kapaċi “jaqra” l-Istorja tiegħu u jkollu dixxernimet u Dawl mill-Ispirtu s-Santu dwar l-għala jiġru ċerti affarijiet fil-Ħajja.  Ħafna jgħidu li għandhom il-Fidi.  Aħna minn dejjem konna mgħallma li la twelidna Malta, la ġejna mgħammdin ta’ trabi, la morna d-duttrina u rċivejna s-sagramenti, allura aħna għandna l-Fidi.  Fuq dan hu faċli li nkunu ngannati.

 

San Ġakbu jisħaq ħafna, ħafna… hu l-iktar mill-Appostli… li l-Fidi trid tidher mill-mod kif ngħixu!  Min jista’ jmerih dan?  Jekk għandek il-Fidi adulta fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu (għax din hija l-Fidi Nisranija), allura l-Ispirtu s-Santu jinvadi l-ispirtu tiegħek, u bil-mod il-mod issir xebh ta’ Kristu, sakemm tasal li tgħid: “Mhux jien ngħix iżda jgħix Kristu fija.”  Din hi l-Fidi bis-serjetà.  Il-Fidi mhix folklor jew kultura.  Hu veru li dawn huma marbutin mal-Fidi, imma jista’ jkollok ħafna folklor u kultura u Fidi xejn.  Kif se tkun taf?  Mill-fatti.

 

Min hu n-Nisrani tal-Fidi adulta?  Aqra d-Diskors tal-Muntanja u hemm tara ritratt tan-Nisrani matur.  Dak li taqra hemm, in-Nisrani ma jagħmlux b’Liġi, għax bil-fors, għax inkella jaqla’ kastig.  Żgur Ii le!  Jagħmlu għax għandu l-Fidi, għax iħobb, għax irċieva natura ġdida li kapaċi tgħix b’dak il-mod.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.  2, 14-18

 

X'jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista' ssalvah din il-fidi?  Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x'jilbsu u jonqoshom l-ikel ta' kuljum,  u wieħed minnkom jgħidilhom: "Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu", bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x'jiswa?  Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

 

Imma xi ħadd jista' jgħid: "Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil." Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.

 

Evanġelju

 

Dan il-Vanġelu, tant importanti, tal-lum, huwa maqsum fi tnejn.  Fl-ewwel parti tqum il-mistoqsija ta’ Kristu: “Int min tgħid li jien?”  Hijamistoqsija/sfida.  Ir-risposta tikxef jien min jien, int min int, fil-Fidi.  Forsi tikxef li m’għandniex Fidi wkoll. 

 

Hemm min jgħid: “Kristu kien bniedem twajjeb, li għamel il-ġid, imma ġralu bħalma jiġrilhom it-“tajbin” kollha: ġie tradut u maqtul minn dawk li huma fl-awtorità, li għeru għalih.”  Din x’aktarx li tkun it-tweġiba tal-bniedem pagan, mhux Nisrani.

 

Oħrajn jgħidu: “Kristu ġie fid-dinja biex jgħallem lill-bniedem kif għandu jġib ruħu mal-proxxmu, u kull fejn kien jara t-tbatija u s-Salib, kien jagħmel li jista’ biex ineħħihom min-nofs biex il-bniedem jgħix ħajja li tixraq lid-dinjità tiegħu. Ġie maqtul innoċentement, imma qam mil-mewt u qiegħed hemm fis-Sema biex kull meta jkollna bżonnu nirrikorru għandu u Hu jaqlagħlna l-Grazzji.”  Din hija, xi ftit jew wisq, ir-risposta tal-bniedem reliġjuż, imma li għandu biss tiċlieqa ta’ Fidi Nisranija.

 

Pietru qabeż u qal: “Inti l-Messija!”  Sinċerament, ftit tfisser din ir-risposta.  Pietru nnifsu għandu mnejn ma kienx jaf eżatt x’ifisser dak li qal.  Il-missjoni tal-Messija kienet suġġett kontroversjali ħafna: min jgħid li l-Messija kien se jkun mod, u min imieri u jgħid li se jkun mod ieħor.  Imma lkoll kienu jaqblu li l-Messija kien se jkun bniedem kbir, qaddis, profeta, imma wkoll politiku għax kellu jerġa’ jwaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael u jkeċċi ’l barra lill-barrani.  Mhux ta’ b’xejn li lill-Appostli ordnalhom biex ma jitkellmu ma’ ħadd dwar li hu kien il-Messija!

 

Imbagħad beda jurihom Hu stess min kien.  Ġwanni l-Battista kien fehem mil-bidu x’kienet il-missjoni tiegħu meta wrieh b’sebgħu ippuntat u qal: “Araw, il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29). Tassew li Kristu għallem, u għallem ħafna, imma mhux din kienet il-missjoni prinċipali tiegħu.  Kristu wettaq mirakli u ġietu ħniena quddiem il-miżerja tal-bniedem li jbati, li jibki, li jorqod bil-ġuħ u għeri.  Imma mhux din kienet il-missjoni prinċipali tiegħu, u kif naraw fl-aħħar parti ta’ dan il-qari, Hu żgur li ma ġiex biex ineħħi l-problemi, l-uġigħ, is-Salib mil-Ħajja.

 

Kristu ġie fid-dinja biex ikun il-Qaddej li jbati ta’ Isaija, li bil-ġrieħi tiegħu tfieq id-dinja.  Hu ġie biex jeqred id-“Dnub” billi jgħix il-Misteru tal-Għid, ikun il-Ħaruf tat-tpattija li jiġi immolat sakemm Demmu kollu jċarċar biex id-dejn ta’ kull bniedem jitħallas.  Hu ġie biex jilqa’ fuqu l-qilla tal-Mewt li hi l-monstru li jwerwer lill-bniedem u jġagħlu jidneb, biex Hu jkun il-velenu li jeqridha. Kristu hu l-Imħabba li hi aqwa mil-Mewt u d-Dnub u l-Missier għamlu Spirtu li jinfirex fost dawk li jemmnu fiH biex huma wkoll ikollhom fihom infushom ir-rebħa tal-Ħajja ta’ Dejjem. Il-missjoni vera ta’ Kristu hi li jeqred id-Dnub u l-Mewt li huma l-problemi veri ta’ kull bniedem.

 

Fit-tieni parti, Kristu jistieden lil dawk li jemmnu fiH biex bħalu, huma wkoll jidħlu fil-Misteru tal-Għid li hu s-sens tal-Ħajja.  Dan jagħmluh  billi flok jarmu s-salib minn fuq spallejhom, jerfgħuh u jimxu bih b’Imħabba u mdawlin għax jafu li jinsabu mexjin wara Dak li ġa fetħilhom it-triq bis-Salib tiegħU.  Is-Salib hu saħta għal min mhux imdawwal, għal min ma jafx ir-raġuni tiegħu.  Ħafna nies ma baqgħux jemmnu li Alla hu Mħabba minħabba li qatt ma fehmu s-sens tas-Salib li waqa’ fuq spallejhom.  Min se jiġġudikahom?  Is-Salib Imdawwal huwa Grazzja li n-Nisrani biss għandu.  Altru li lil Pietru ma nixxiflux il-baħar, imma ħallihulu hemm biex ikollu l-esperjenza straordinarja li jimxi fuqu.  Għax is-Salib mhux vera li jfarrak lill-bniedem.  Huwa l-bniedem bla Salib li hu mfarrak.

 

Versett: Hallelujah.  Missier Sidna Ġesù Kristu jdawlilna l-għajnejn ta’ qalbna, biex nagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.  Hallelujah.

 

Qari mil-Vanġelu ta’ San Mark.  8, 27-35

 

F’dak iż-żmien : Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta' Ċesarija ta' Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: "Min jgħidu n-nies li jien?"  Weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti."  "Imma intom," staqsiehom, "intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija."  Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma' ħadd fuqu.

  

U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa' jqum.  Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu.  Iżda hu dar iħares lejn  id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: "Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m'intix taħseb fil-ħwejjeġ ta' Alla, imma f'dawk tal-bnedmin!"

 

Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja.  Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta' l-Evanġelju, isalvaha.

 

Last Updated ( Saturday, 15 September 2018 )
 
< Prev   Next >