Tuesday, 16 October 2018
           
Home arrow Home
IL-HAMSA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-MISTERU TAS-SALIB PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 September 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hamsa u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_u_tifel.jpg

 

Il-problema tat-tbatija, fiżika, psikoloġika, mentali, finanzjarja, għidilha li trid, tħawwad lill-bniedem. Twebbislu qalbu.  Iġġiegħel lill-bniedem jiddefendi ruħu, jinsa lill-ieħor, jaħseb fih innifsu l-ewwel u qabel kollox.  It-tbatija kapaċi tagħmel mill-bniedem, egoista... anke annimal.  Għax it-tbatija taf tirrabja lill-bniedem, toħroġlu l-vjolenza ta’ ġo fih.  Għal ħafna, it-tbatija hija saħta.

 

Mill-banda l-oħra, it-tbatija, li hi parti minn natura tal-pjaneta li fuqha ngħixu, minn dejjem xprunat lill-bniedem biex iqum fuq tiegħu u jagħmel xi ħaġa biex irattabha, inaqqasha, isolviha.  Kulma vvinta l-bniedem kien attentat biex inaqqas it-tbatija.  Meta vvinta r-rota l-ewwel darba, kienet invenzjoni meraviljuża li ħaffitlu l-ħajja, biex inġibu eżempju.  Illum tagħfas buttuna u jkollok l-arja kkundizzjonata fil-kamra.  Kollox parti mill-isforz dejjiemi biex il-bniedem jirbaħ il-gwerra mat-tbatija.

 

Imma jekk it-tbatija ma ħallietx lill-bniedem jaqa’ fil-għażż u l-korruzzjoni ta’ xi ħadd li jsib kollox lest, huwa nduna li t-tbatija, fl-aħħar mill-aħħar ġejja mill-kundizzjoni tiegħu ta’ ħlejqa li dejjem riesqa lejn il-Mewt.  Il-Mewt hija l-problema fundamentali ta’ kull maħluq, bniedem jew annimal. Barra mill-Mewt fiżika, il-psikoloġisti daż-żmien jitkellmu wkoll fuq il-“Mewt Ontika”, il-Mewt li jien u int inġarrbu kull  meta tiġri xi ħaġa li tinkwetana, tisirqilna s-sliem, is-serħan il-moħħ.  Tqum filgħodu mimli entużjażmu għal jum ġdid, xi ħadd jgħidlek kelma u jifqagħlek il-bużżieqa, u int tintelaq.  Xi ħadd ikun seraqlek il-Ħajja.  Il-“Mewt Ontika”.  Xi ħadd ikun qatlek fuq livell eżistenzjali ħafna.

 

It-tentazzjoni hi li l-bniedem jiġġieled it-tbatija, il-“Mewt Ontika”, bil-vjolenza kif ġa għidna, u dan flok ibiegħed it-tbatija jimmultiplikaha.  Din hi l-Istorja tad-dinja u tal-kotra.  Mhux għax il-bniedem huwa ħażin minnu nnifsu, imma għax bla ma jrid jerfa’ l-ponnijiet biex jiddefendi ruħu.

 

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex jindirizza propju din il-problema tal-biża’, dan il-Misteru tal-Inikwita, tal-Ħażen... biex ifarrak dan iċ-ċirku tal-Mewt li kapaċi jifred ir-raġel minn martu, il-ġenituri minn uliedhom, lil wieħed minn qrabatu minħabba l-wirt, lill-ieħor minn sieħbu fuq ix-xogħol, pajjiż minn pajjiż ieħor.  Il-Messija, meta ġie, issorprenda għal kollox lil kulħadd u għadu jissorpredni sal-lum.  Għax ħadd ma fehmu, u sal-lum ħadd mhu kapaċi jifhmu jekk mhux bid-don tal-Grazzja.  Għax b’Ibnu, Alla kellem lill-bniedem b’mod qawwi fuq it-tbatija u l-Mewt, fuq is-Salib li kull bniedem iġorr, u qallu li s-soluzzjoni mhux li titneħħa t-tbatija, imma li wieħed jara sens fiha, li jinduna li t-tbatija hija t-triq lejn xi ħaġa kbira u meraviljuża li l-bniedem ma jafx x’inhi.

 

Kristu ma ġiex fid-dinja biex ineħħi t-tbatija imma biex jagħtina Spirtu li jagħmel li aħna nimxu fuq it-tbatija.  Kif għidna l-aħħar darba, lil Pietru Kristu ma nixxiflux il-baħar imma taħ l-Ispirtu tiegħu li jagħmel li hu kien kapaċi jimxi fuqu.  Kristu qabad lill-bniedem minn idu u ħadu jimxi fuq il-Mewt, fuq dak li qabel kien iwerwru biex hekk jgħix il-Misteru tremend u stupend tal-Għid.  Fit-tbatija u fil-Mewt hemm il-Ħajja vera!  Fid-dlam hemm id-Dawl!  Ġol-qabar iseħħ il-Qawmien!

 

Li kieku Kristu ġie biex ineħħi t-tbatija, kien joqgħod bil-qegħda ħajtu kollha (u naturalment kien ikollu jgħix għomor twil ħafna!) u l-ħin kollu b’serbut immens ta’ nies fqar, imdejqa, morda, ħandikappati, imxajtna, xjuħ...kulħadd ġej biex jitneħħielu s-Salib...  Kristu ġie biex daħal fil-Mewt, fit-tbatja, biex hemm fil-qalba ta’ dak li jwerwer lill-bniedem sab il-ġawhra tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Din hi l-Aħbar Nisranija.  Huwa neżża lill-Mewt u kixfilha il-Gidba primordjali tagħha: il-Mewt ma teżistix!  Il-verità mhix dik li naraw b’għajnejna imma hi Misteru li jrid jingħax ma’ Kristu biex nagħrfuh. 

 

Imma l-bniedem jibża’.  Il-bniedem jibża’ jirriskja.  Jibża’ jirriskja fuq Kristu.  Huwa dan li jagħmel li jirrenja l-egoiżmu u tinxef l-Imħabba minn fuq wiċċ l-art.  Minn Kristu għamilna reliġjon oħra, reliġjon li tipprova ssolvi l-problemi t’hawn. F’dan il-kuntest għandha raġun id-dinja tgħid li kollox hu relattiv, f’kollox hemm il-verità, kulħadd għandu raġun.  Jien Nisrani għax twelidt f’ambjent Nisrani, l-ieħor hu Mislem għax twieled ftit kilometri ’isfel.

 

Imma le! Kristu huwa Aħbar Tajba!!  Il-Mewt inqerdet.  Kristu jridek tgħajjat “Hallelujah!!”  Dan hu bniedem ġdid, imwieled mill-ġdid, bniedem li jkompli jbati imma hu rebbieħ fuq it-tbatija u fuq il-biża’ tal-Mewt.  Hu dan il-bniedem li jista’ jgħix ir-Rieda ta’ Alla u jħobb lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu.  Jekk ma seħħx din il-bidla bil-Fidi, kollox hu għalxejn u aħna lkoll immutu mwerwrin, mimlijin dubji.

 

Kemm hu sabiħ li l-bniedem jiskopri li hu qed jgħix il-Misteru tal-Għid l-istess kif għexu Kristu, li fetħilna triq ġdida u waħdanija li tieħu għall-Ħajja vera.  Imma dan kollu hu teorija, ideja, kliem astratt fl-ajru.  Emmen u għix dan kollu, u tkun taf li hu l-verità.  J’Alla ninagħtaw din il-Grazzja! J’Alla!

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Ktieb tal-Għerf ipoġġielna quddiemna l-esperjenza ta’ kull bniedem ta’ Alla minn Abel sal-lum.  Din l-esperjenza tilħaq il-qofol tagħha fi Kristu, l-Ħaruf ta’ Alla, li tpoġġa fuq l-altar tas-sagrifiċċju b’għonqu mħanxar biex ipatti għad-dnub kollettiv tal-poplu.  Altru li l-bniedem t’Alla ma jaħrabx it-tbatija u ma jkunx imħares minnha għax hu qaddej tal-Aktar Għoli!  Anzi l-bniedem li jimxi fuq il-passi ta Kristu jqanqal reazzjoni negattiva  mid-dinja ta’ madwaru, ħafna drabi minn ġo daru stess.  Abel ġie maqtul minn ħuh u Kristu ġie msallab mill-poplu tiegħU. 

 

Huwa kif dan il-bniedem iġib ruħu waqt is-Salib, waqt it-tbatija, li timmarka lil dawk li jkunu kontrih u tmissilhom qalbhom. Għax id-Demm ta’ Kristu mhux bħad-demm ta’ Abel li mill-art fejn xtered għajjat għall-vendetta mingħand Alla.  Id-Demm ta’ Kristu jgħajjat, iva, imma jgħid: “Aħfrilhom, Missier, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu!”  Il-Ħaruf imut għal dawk li joqtluh. Dan hu l-mod kif il-Missier ried li jsalva d-dinja.  Il-Misteru tal-Għid, li jirrepeti ruħu, u jerġa’ jirrepeti ruħu f’tant aħwa li jirtu l-Ispirtu qaddis tal-Imgħallem.

 

Imma din mhix xi Liġi ġdida itqal minn ta’ Mosè!  Ħafna jaħsbu hekk u jitmeżmżu minn Kristu u ma jridux jafu biH u meta xi ħadd minn dawk li jridu jimxu warajH, jiżbalja, huma jiġġustifikaw lilhom infushom u jgħidu: “Qed tara kif dan kollu hu teorija impossibbli għall-bniedem!”  Min isib lil Kristu u jikber fl-Ispirtu tal-Ħaruf joħroġ mid-dell tal-Liġi u tal-affarijiet li jsiru bi sforż, u jidħol fl-Ispirtu tal-Imħabba.  L-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Din hi l-vera Ħajja.  Dan hu l-veru Ħelsien.  Din hi l-vera milja tal-eżistenza, u la l-flus, la s-saħħa, la l-pjaċiri, la s-suċċessi u l-glorji tad-dinja.  Il-milja tal-Ħajja mhix dik li tingħax bla tbatija, imma dik li timxi fuq it-tbatija bħalma Pietru mexa fuq l-ilma.  Din hi l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Din hi opra ta’ Alla u mhux tal-bniedem.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf.  2, 12. 17. 29

 

In-nies ħżiena qalu: “Nonsbulu lill-ġust

għaliex hu ta' xkiel għalina fi triqitna,

hu kontra l-għemejjel tagħna,

iċanfarna għax niksru l-Liġi,

jixlina għax immorru kontra t-tagħlim li ħadna.

 

Ħa naraw hux veru kliemu,

naraw fl-aħħar x'se jsir minnu.

Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla,

u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.

 

Nġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija,

biex naraw xi tjubija għandu

u nkejjlu sa fejn jasal sabru.

Naqtgħuhielu għall-mewt b'mistħija,

għax, kif jgħid hu, għandu min iħarsu."

 

Salm Responsorjali

 

Kollox idur ma mistoqsija waħda: “Int trid tkun parti mill-poplu Paskwali li jimxi wara l-Mulej, jew trid tagħżel il-kenn tad-dinja kif tgħidlek ir-raġuni?”  Għal ħafna nies, li timxi wara Kristu hu ġennata. Għalihom hu OK li nagħmlu minn Kristu “reliġjon”, mod kif in-nies jgħixu ma’ xulxin bla ma jagħmlu wisq ħsara lil xulxin, nagħmlu minn Kristu xi ħadd twajjeb li jgħin lis-soċjetà tgħix ta’ nies, nagħmlu minnu kultura, folklor, mezz biex ikollna festi sbieħ. 

 

Imma dan hu li tagħġen lil Kristu u tagħmlu kif trid int.  Malli wieħed iħossu miġbud lejn Kristu, malajr jinduna li l-Mulej ma jħalli lil ħadd min jgħaġnu u jiffurmah skont moħħu.  Kristu huwa l-Misteru tal-Għid: Salib – Mewt – Qawmien.  Din hi l-Magħmudija li fiha għoddsuna fil-bidu ta’ ħajjitna!

 

Bħal tant salmi oħra, Salm 54 huwa salm li jitkellem fuq din l-esperjenza ta’ daħla fit-tiġrib, l-għaqda mal-Missier f’tama ta’ ħelsien, u, sa fl-aħħar, l-għodwa tal-Qawmien u tal-Ħelsien għal Ħajja Ġdida.  Ilkoll ġarrabna ħafna esperjenzi bħal din matul ħajjitna bla ma ndunajna, aktarx, li konna qed ngħixu l-Misteru tal-Għid, għax il-Misteru tal-Għid jimmarka kollox.  Joħroġ mill-Ħajja min jaħrab minn dan. 

 

Is-salmista jgħix id-dlam tal-persekuzzjoni, tal-inkwiet, tat-tbatija, imma hu għandu arma: it-Talb.  U s-silta qasira li għandna tispiċċa f’tifħir lil Alla għax żernaq il-waqt tal-ħelsien.  Dan hu l-mod kif tinbena l-Fidi: esperjenza wara esperjenza.

 

Ritornell:  Alla hu dak li jgħinni.

 

Salm 54

 

B'ismek, o Alla, salvani;

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

Isma', o Alla, it-talba tiegħi;

agħti widen għal kliem fommi.

 

Għax nies kburin qamu kontrija,

nies kefrin jonsbuli ħajti;

ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom.

 

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;

il-Mulej hu dak li jżommni.

 Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;

nrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.

 

It-Tieni Qari

 

Inkomplu nirriflettu fuq l-Ittra ta’ San Ġakbu li hi konkreta mmens u malajr tinftiehem.  San Ġakbu jitkellem fuq l-Għerf li nistgħu inqisuh li hu l-Ispirtu s-Santu.  Imma hemm għerf ieħor li ħafna nies  jogħoġobhom iktar, u dan hu l-għerf tad-dinja.  Il-mod kif ngħixu, u dan għal Ġakbu hu mportanti ħafna, mill-ewwel juri x’Għerf hemm maħżun fina: hux dak tas-Sema jew dak tal-Art. 

 

Dan tal-aħħar iwelled il-Mewt madwaru għax hu skont in-natura li tmut.  Għorrief kemm huma għorrief il-filosofi ta’ din id-dinja, u jbellhuna kemm ibellhuna bl-intelliġenza tagħhom, jekk dawn in-nies ma ħarġux minn dell il-Mewt u għadhom imdawrin biċ-ċirku tal-biża’, ma għandhom xejn x’jagħtuna. 

 

Imma min għandu l-Għerf tal-Ħaruf li rebaħ il-Mewt, m’għadux iktar ikkundizzjonat mill-biża’ tagħha, m’għadux iktar egoista, imma kapaċi jinagħta lill-ieħor.  Mhux l-għerf jew l-intelliġenza tal-bniedem li kapaċi takkwista dan, imma dan hu xogħol Alla li jaħdem f’dawk li jħalluH.  Il-frott ta’ dan huwa s-sliem, il-maħfra, il-mogħdrija, it-tjieba, l-għajnuna bla kundizzjoni.  Fuq kollox l-Imħabba.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.  3, 16-17.  4, 1-3

 

Għeżież: Fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta' ħażen.  L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq.  Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.

 

 Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f'ġisimkom?  Tixtiequ, u ma ssibu xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux.  Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar. 

 

Evanġelju

 

Meta Ġesù nduna li wasslet is-siegħa li Huwa jwettaq il-missjoni li għaliha kien bagħtu fid-dinja l-Missier, Hu, flimkien maċ-ċirku intimu tiegħu, terraq lejn Ġerusalemm mhux minn triq li fiha jiltaqa’ mal-mases tan-nies.  Issa kien wasal iż-żmien tal-Magħmudija vera tiegħu,  il-mogħdija mill-Mewt għall-Ħajja u l-bhima li hu kien se jirkeb f’dan il-vjagg kienet it-tbatija, il-Passjoni.

 

Ma setax jitkellem fuq dan mal-kotra li ħarsu lejH biss bl-għajnejn tad-dinja.  Hu tkellem mal-appostli tiegħu, li kienu nies bħalna eżatt, tant li fehmu biss li Hu kien se jbati ħafna u jmut.  Huwa minħabba dan li tant ftit jimxu tassew wara Kristu.  Kemm hu tqil għalina nimxu wara Kristu!  Li tgħix il-Liturġija qaddisa tal-Knisja hu parti minn din it-triq, imma tista’, wkoll, tmur kuljum il-quddies bla ma qatt jgħaddi minn moħħok li timxi t-triq tas-Salib wara l-Mulej.  Anzi, naqgħu fi kriżi ta’ Fidi, jien l-ewwel wieħed, meta minflok ma jagħmlilna l-ħajja ward u żahar, il-Mulej jippermetti l-Misteru tal-Għid... ftit passjoni... ftit mewt... biex imbagħad ikollna ftit Qawmien.

 

Min jifhem il-Qawmien?  Santu Wistin jitkellem fuq il-“baħħ” li hu qaddis u li fih titwettaq il-laqgħa ħajja ma’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt.  Hu jgħid li aħna ma nistgħux nittamaw fi ħwejjeġ li ġa għandna, imma nittamaw f’dawk li ma nafux x’inhuma għax għadhom mhumiex għandna.  Imma aħna ċerti, li huma jeżistu, u li Alla jrid jagħtihomlna, u li huma aqwa, isbaħ u oħla minn dak kollu li d-dinja tista’ toffri: għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet x’ħejja Alla għal dawk li jħobbuH.  Dawk li huma markati għall-Ħajja ta’ Dejjem iħossu fihom bħal intuwizzjoni li dan kollu jeżisti u qiegħed hemm jistenniena meta t-tbatija tad-dinja twassal għaż-żernieq aħħari tal-Għid tagħna.  Minn jittama f’dan isir bħal tifel ċkejken... bħal dak il-ħaruf tat-twelid li jmur jilgħab mat-tigra li qatlet lil ommu, għax ma jafx b’ħażen.

 

Ritornell: Hallelujah!  Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-sema.  Hallelujah!

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  9, 30-37

 

F’dak iż-żmien : Ġesù u d-dixxipli tiegħu telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf,  għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: "Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt."  Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

 

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: "X'kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?"  Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien  l-akbar.  

 

Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta' kulħadd."  U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:  "Kull min jilqa' wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' mhux lili, imma lil dak li bagħatni."

 
< Prev   Next >