Din
hija il- Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kristu
kien jaf x’inhu jgħid meta lid-dixxipli tiegħu kien jgħidilhom li fid-dinja
jbatu jkollhom, u meta bi kliem San Pietru l-Ispirtu s-Santu qal lill-Knisja li
x-xitan qisu ljun idur u jgħarrex madwar il-Knisja biex jaħtaf iċ-ċans li
jiblagħha. Kull Nisrani li hu xbiha ta’
Kristu qisu qiegħed jilgħab “away”, ’il bogħod minn daru minn pajjiżu meta
għadu hawn f’din id-dinja.
Il-Knisja
hi mqegħda minn Alla fid-dinja biex tkun Dawl, Melħ u Ħmira b’risq id-dinja li
hi għadu tagħha, għax Alla jħobb lill-għedewwa tiegħu. Imma kemm id-Dawl, kemm il-Melħ u kemm
il-Ħmira jisparixxu u jinħlew biex jagħtu dawl lill-ambjent mudlam, togħma
lill-borma u forma lill-ħobża. Il-Knisja
tmut għad-dinja bħalma Kristu miet għaliha.
Din hi l-Imħabba Waħdanija li teżisti. Barra minn dan, frugħa,
passjonijiet u ġibdiet tal-ġisem li kapaċi jinbidlulek f’mibegħda f’sekonda.
Għalhekk
il-Knisja tikkumbatti matul iż-żminijiet.
Illum għandha kumbattimenti serjissimi. Mhux wieħed, imma ħafna. Dejjem hekk kien. Fil-bidu bdew jidhru l-ereżiji, opinjonijiet
dwar minn hu Kristu, u dawn kienu theddida kbira li ġew mirbuħa bil-mod il-mod,
għalkemm l-influwenza ta’ dawn l-ereżiji għadhom jgħammru fil-Knisja bħalma
s-susa tgħix moħbija fl-injam, fit-toqba mudlama tagħha.
Il-qilla
tal-maltemp laqat bil-qawwa kollha tiegħu lill-Knisja bix-xiżmi l-kbar li
kellha, li kienu tnejn, prinċipalment. Xiżma tfisser qasma, firda. Fejn qabel kellek Knisja waħda, bix-xiżma
jkollok tnejn jew iktar. L-ewwel xiżma
kbira kienet il-firda tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant mill-Knisja ta’ Ruma
fis-sena 1054, waqt li t-tieni xiżma kienet dik Protestanta fl-1517. Mill-moviment Protestant, imbagħad, tnisslu
numru bla għadd ta’ Knejjes u setet li llum jgħoddu l-eluf! Dan kollu jmur kontra l-għamar ta’ Ġesu li lill-Appostli
tiegħu kien qalilhom li huma jintagħrfu li huma tiegħu mill-Għaqda ta’ aħwa ta’
bejniethom u mill-Imħabba lejn l-għadu.
Dawn huma ż-żewġ sinjali li jsalvaw, jiġbdu u jimpressjonaw lid-dinja
dejjem, anke fiż-żminijiet tal-lum. Imma
l-firda hi skandlu u thedded li tirriduċi l-Knisja f’moviment ieħor tad-dinja.
Bħala
reazzjoni ta’ dan il-gwaj, l-Ispirtu s-Santu qajjem fil-Knejjes kollha Nsara
ħerqat għal proċess ta’ għaqda mill-ġdid... moviment li jissejjah
“l-Ekumeniżmu”. Dan jitlaq mill-bażi li
nsibu dak li jgħaqqadna l-ewwel biex imbagħad nimxu biex niddiskutu bi spirtu
ġenwin dak li jifridna. Dak li
jgħaqqadna flimkien u jagħmilna aħwa f’għajnejn il-Missier huwa li l-Knejjes
kollha jemmnu fi Kristu bħala Alla u Feddej tal-bniedem li bil-Misteru tal-Għid
tiegħU, il-Mewt u l-Qawmien tiegħU, rebaħ merti għad-dinja kollha biex, jekk
temmen, issalva. Meta Kristu huwa
fiċ-ċentru, kollox hu possibbli. Huwa
meta flok Kristu, l-bniedem ipoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ kollox, l-idejat
tiegħu, il-kburija tiegħu, il-passjonijiet tiegħu, li jinagħlaq il-bieb
għall-għaqda u jitwebbsu l-qlub.
L-Ewwel
Qari
Hi
ħaġa naturali għall-bniedem li jingħaqad fi grupp. Il-bniedem huwa soċjali u ma jissaportix
jgħix waħdu. Fil-grupp isib identità,
sigurtà, solidarjetà u għaqda f’għan wieħed.
Imma l-ideja tal-grupp, bla ma trid, twelled mill-ewwel il-firda
mill-gruppi l-oħra. Aħna, u l-oħrajn li mhumiex magħna. Dan ukoll hu żvilupp naturali. Min iħobb il-grupp tiegħu iħossu mhedded
mill-oħrajn li qegħdin fi grupp ieħor.
Dan kollu ġej mill-biża’ tal-Mewt li hu frott id-“Dnub” li beda jgħammar
fil-bniedem ftit wara l-ħolqien tiegħu.
It-Torri ta’ Babel beda proċess ta’ firda terribbli li għadu
jimmultiplika sal-lum. Għalhekk
il-Knisja, li twaqqfet mis-sagrifiċċju tal-għaġeb ta’ Kristu, għandha tkun
sinjal il-kontra ta’ dan; għandha tkun il-qawwa li żżomm il-“break” lil umanità
dejjem f’ġirja lejn it-telfien.
Il-Ktieb
tan-Numru jurina kif Alla għaqqad poplu għalih minn tnax-il tribù jew razez li
kienu kollha mnisslin minn Abraham. Hu
tahom Liġi u użanzi biex iktar jgħaqqadhom u jagħtihom identità komuni, u
għażel minnhom nies li poġġihom f’ġerarkija ta’ tmexxija. Dan kollu għall-ġid komuni.
Imma
għalkemm il-bniedem għandu bżonn ir-regoli u l-parametri li jikkontrollawh u
jiddixxiplinawh, l-Ispirtu s-Santu hu dejjem ħieles u ħafna drabi
jissorprendina bil-mod kif jaħdem. Dan
il-qari se jurina li l-bniedem għaqli u matur fil-Fidi, bħalma kien Mosè, hu
kapaċi jagħraf il-ħidma tal-Ispirtu anke meta dan jidher li hu kontra dak li
jidher sewwa f’għajnejn il-bniedem.
Għandna bżonn dixxerniment, għerf biex ngħarfu dak li jkun ġej minn Alla
u dak li mhux.
Qari
mill-Ktieb tan-Numru. 11, 25-29
F’dak iż-żmien, il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè,
u ħa mill-ispirtu li kellu fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif
l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.
Issa fil-kamp kien baqa' żewġt irġiel, wieħed
jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda
mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew jipprofetizzaw fil-kamp. Dlonk mar wieħed żagħżugħ
jgħarraf b'dan lil Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp.” U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta' Mosè,
qabad u qal: “Sidi Mosè, tħallihomx
aktar.”
Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu
tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu
tiegħu!”
Salm Responsorjali
Il-ġerarkija fil-Knisja hija mportanti u
kapaċi tgħaqqad flimkien meta hi umli u tħares dejjem lejn Kristu bħala
ċ-ċentru ta’ kollox. Fejn ġiet attakkata
l-ġerarkija, bħalma ġara fir-riforma Protestanta, għabet l-għaqda u twieldu
numru kbir ta’ knejjes żgħar; kull min kien jaħseb li hu xi ħaġa beda jwaqqaf
il-knisja tiegħu, u dan għadu jseħħ kuljum sal-lum.
Il-Knisja Kattolika dejjem kienet imħarsa
mil-ġerarkija tagħha, mil-Papa, Isqfijiet, Presbiteri, Djakni… Anke meta l-ġerarkija daħlet fi kriżi għax
kienet magħmula minn nies li ma kinux Insara tassew, imma fettxew li, flok li
jirgħu il-merħla jirgħu lilhom infushom, il-ġerarkija dejjem irriformat lilha
nnifisha u reġgħet lura biex taqdi l-Knisja ta’ Kristu b’mod mil-aqwa.
Fil-Knisja nibtu l-għedewwa minn ġewwa kull
meta għeb il-biża’ ta’ Alla u kibret il-kburija. Is-Salm li għandna llum jitlob għall-biża’
tal-Mulej li mhux biża’ kif soltu nafuh aħna.
Mhux biża’ minn xi kastig jew biża’ superstizjuż, iżda biża’ safi ta’
dak li jaf li hu dgħajjef u għalhekk kapaċi jitlef it-teżor li hu l-Imħabba ta’
Alla. Mhux għax Alla ma jibqax iħobbu
imma l-bniedem ġust jibża’ li jinġibed lejn l-idoli u jħalli l-Ħajja taħrablu
minn idejh biex jiżżewweġ il-Mewt ta’ dejjem.
Din ir-rejaltà tant hi tremenda għal min għandu għajnejn biex jara, li
bniedem ġenwin bil-fors li jibża’ li jitlef il-wirt glorjuż tiegħu imwiegħed
lilu minn Alla.
Dan l-ispirtu jagħmel minn Nisrani bniedem
umli li jagħraf id-dgħufija tiegħu u l-kobor tas-sbuħija ta’ Alla. Il-kontra ta’ dan hi l-kburija ta’ dawk li
jilħqu xi ħaġa u jħarsu ’l isfel lejn l-oħrajn bħala iċken u agħar minnhom.
Ritornell:
Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb.
Salm 19
Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti
l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min
ma
jafx.
Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu
l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal
l-għajnejn.
Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal
dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa
għalkollox.
Għeżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.
Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;
ħlas tajjeb għandu min iħarishom.
In-nuqqas min jista' jagħrfu?
Minn dak li ma nafx bih saffini.
U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej
tiegħek,
tħalliha qatt taħkimni.
Mbagħad inkun bla ħtija
u ħieles minn dnub kbir.
It-Tieni Qari
Inkompli nirriflettu fuq il-kitba ta’ San Ġakbu
fl-Ittra tiegħu. Ġakbu jisħaq ħafna fuq
l-umiltà, jattakka dejjem il-kburija għax jaf li fejn m’hemmx umiltà u
sempliċità hemm issib l-ambizzjoni u t-tinwir tal-materjaliżmu li fih riħa ta’
mewt. Hu jwiddeb il-komunità li lilha
kiteb, speċjalment lill-għonja u lil dawk li rnexxew fid-dinja, biex joqogħdu
attenti għax dak li jidher ilellex f’għajenjn il-ġisem aktarx li jifred
mit-tħannin safi għas-Saltna ta’ Alla.
F’dan il-qari Ġakbu jitkellem bl-istess Spirtu ta’
Kristu meta l-Mulej kien qal: “X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha,
imbagħad jitlef Ħajtu?” Il-bniedem
f’sensih jagħraf malajr li l-problema numru wieħed ta’ kull min jgħix hija
l-Mewt, u għalhekk l-unika soluzzjoni li tagħmel sens hi l-ħelsien minn din
il-qerda ta’ dejjem. Issa l-flus ma
jixtrulekx il-Ħajja għal dejjem. Kollox
jispiċċa u jgħaddi. Anke l-fama li tkun
ħraqt ħajtek kollha biex tibni. Kollox
jinbela’ mill-qabar.
Kollox hu frugħa u bluha ħlief li int issib it-triq li
tieħdok lejn il-Ħajja vera li tmur lil hemm mill-qabar. Ladarba tkun sibtha, ħmar u stupidu tkun jekk
tibdilha mal-landi u ċ-ċraret tad-dinja.
Qari
mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu. 5,
1-6
Ejjew
issa, intom l-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom! Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom
kilithomlkom il-kamla. Id-deheb
u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom
u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem!
Ara,
il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom - ħlas li intom żammejtuhulhom
bil-qerq - qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta' dawk li ħasdu wasal
f'widnejn il-Mulej ta' l-eżerċti.
Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu tissemmnu għall-jum
tal-qatla. Intom
ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh għax ma jistax jiqfilkom!
Evanġelju
Gwaj
għall-Knisja li tinagħlaq fl-istituzjonijiet u d-drawwiet tagħha bla ma tħalli
lilha nfisha miftuħa għaż-żiffa ħielsa tal-Ispirtu s-Santu. Dan l-Ispirtu hu ħieles u imprevedibbli… ma
tafx biex se joħroġlok u b’min se jinqeda.
Il-Knisja ma tistax tindifen f’dak li kien jiswa ħafna qabel u ħadem
tajjeb qabel, bla ma tiftaħ il-bibien u t-twieqi għal dak li jista’ jivvinta
l-Ispirtu s-Santu.
Il-Knisja
ma taffordjax, f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi ta’ Fidi, li ma tħallix lilha
nnifisha tiġi invaduta minn Spirtu ta’ tiġdid.
Ma nistgħux ngħalqu l-bieb għall-Ispirtu s-Santu u nafdaw biss
fil-proġetti tagħna. Il-Knisja ma tistax tibqa’ tibża’ minn dak kollu li ma
jitwilidx minn ġol-qalba, imma tiftaħ beraħ dirgħajja għal dak kollu li jista’
jkun ġej minn Alla, anke jekk għall-ewwel dan ma jkunx ċar f’għajnejha. Iż-żmien jiċċara kollox għax, kif qal
Gamaliel, “Dak li mhux ġej minn Alla jispiċċa fix-xejn.” (Atti 5, 38).
Meta
l-Knisja ma tagħtix ċans lil kull min irid jaħdem għal Kristu, imma tibża’
taħdem b’għodda differenti minn dawk li hi mdorrija bihom, allura dan ifisser
li hemm kriżi ta’ Fidi. Nagħmlu u
nħaddmu l-proġetti tagħna, mela le, imma nħallu l-Ispirtu jaħdem ukoll. J’Alla l-poplu kollu jkun poplu ta’
profeti! Mhux li kien! Id-difett tal-ġerarkija jkun meta tafda lilha
nnifisha iktar mill-Ispirtu s-Santu li dejjem jissorprendi.
Min
irid jaħdem għall-Knisja, merħba bih!
Il-ġerarkija għandha tgħin, tinkoraġġixxi u tiftaħ it-triq għal kull
għajnuna li jibgħatilha l-Mulej. Ma
jimpurtax jekk fil-parroċċa jkollok għad kbir ta’ rejaltajiet. L-importanti hu li kollha jkunu jaħdmu għal
Kristu.
Versett: Hallelujah. Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’
min joqgħod fuqhom, imwettqin għal dejjem ta’ dejjem. Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mark. 9,
38-43. 45. 47-48
F’dak
iż-żmien: “Mgħallem,” qallu Ġwanni lil Ġesù, "wieħed raġel, li s-soltu ma
jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f'ismek u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex
wieħed minn tagħna."
Imma
Ġesù qal: "La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f'ismi
u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min
m'huwiex kontra tagħna, huwa magħna.
|