Din
hija il- Liturgija tas-Sebgha u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Sa ftit snin ilu, meta konna nitkellmu fuq
“vokazzjoni”, fuq is-sejħa speċjali li jagħmel Alla lill-bniedem għall-ġid
tal-Knisja u għall-ġid komuni ta’ kulħadd, konna nifhmu sejħa biex wieħed isir
qassis jew patri jew, fil-kas ta’ tfajla, soru.
Il-Konċilju ġab rivoluzzjoni anke fuq din il-ħaġa. Ibda biex, il-Konċilju prova jgħinna nħarsu
lejn il-Knisja b’mod differenti minn qabel.
Għal sekli sħaħ il-Knisja kienet qisha piramida, bil-Papa fuq nett, u
taħtu, l-kardinali, imbagħad l-isqfijiet, imbagħad kappillani, saċerdoti... u
taħt, il-kotra tal-fidili, dawk li jemmnu.
Meta kienu jgħidu li wieħed “għandu vokazzjoni” kien ovvju li s-sejħa
kienet biex jagħti servizz fil-pożizzjonijiet ta’ fuq.
Is-sistema ġerarkika għadha l-istess, biex
niftehmu. L-istituzzjoni tal-Ġerarkija hi mportanti fil-Knisja u hi ta’ qadi li
maż-żmien swiet immens. Il-Protestanti
li ma ħamlux il-Ġerarkija spiċċaw mifrudin f’elf setta. Anke Kristu nnifsu xtaq
li jkun hemm Ġerarkija fil-Knisja billi għażel lil Pietru biex ikollu kariżmi
speċjali li ma tahomx lil sħabu, u minn fost l-Appostli, f’waqtiet importanti,
kien ikollu miegħU biss tlieta minnhom.
Imma l-Ġerarkija mhix il-Knisja. Ħafna jagħmlu dan l-iżball meta jaħsbu fuq
il-Knisja. Il-Ġerarkija u l-Kurja huma
parti mill-Knisja imma l-Knisja hi ferm, ferm ikbar minn hekk. Huma jaqdu lill-Knisja imma l-Knisja hi
Misteru ferm iktar meraviljuż u tal-għaġeb mill-organiżżazzjoni “umana”
tagħha.
Il-Konċilju jridna nħarsu lejn il-Knisja
b’mod differenti minn din l-istampa ta’ piramida. Għall-Konċilju, fid-dokument li kien ħareġ
bl-isem “Lumen Gentium”, il-Knisja hi poplu, “Il-Poplu ta’ Alla”. Dan hu titlu bibliku għax insibuh ħafna
fil-Bibbja meta jirreferi għal Iżrael. Għalhekk il-Konċilju ma kien qed
jivvinta xejn, imma kien qed imur lura lejn l-għeruq. Il-Knisja hi poplu sħiħ dejjem miexi fi
triq ta’ konverżjoni u ta’ għarfien
dejjem ikbar tal-Imħabba tal-Missier murija lilha fil-Misteru ta’ Ibnu Ġesù,
l-aktar fl-esperjenza tiegħu tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu fuq
il-Mewt.
F’dan il-poplu qaddis, il-Mulej inissel bosta
kariżmi differenti għall-ġid ta’ kulħadd.
Illum waħda mill-kariżmi li l-Knisja qed tagħraf l-enormità
tal-importanza tagħha hija l-kariżma fil-Knisja tal-Ħajja Miżżewġa. Il-Knisja qegħda tinduna li l-għadu qed
jipprova jeqred lill-Knisja billi jeqred iċ-ċelluli żgħar li jiffurmawha li
huma l-familji. Hawnhekk qed nilagħbu
mal-ħajja tal-Knisja. Il-vokazzjoni biex ġuvni u tfajla jwaqqfu ċellula
fil-Knisja li tissejjaħ familja jista’ jkun li hi l-ikbar vokazzjoni ta’ Alla
llum. Qed nirreferu, naturalment,
għall-Familja Nisranija, għall-“Knisja Domestika” kif sejħilha l-Konċilju.
Fil-qalba tat-taqbid serju li għandha
l-Knisja llum, qed ngħixu żmien eċċitanti wkoll fejn il-Knisja qed terġa lura
lejn l-għeruq tagħha u tinża bil-mod il-mod minn ħafna kunċetti, li swew ta’
ġid fi żmienhom, imma li issa m’għadx għandha iktar bżonnhom. Il-Familja qed terġa’ ssib postha fiċ-ċentru
nett tal-Knisja Hija l-post fejn tiġi
mogħtija l-Fidi lill-ulied u jitrawmu ulied għall-Knisja. Hija l-Familja l-ambjent fejn jitnisslu
l-vokazzjonijiet l-oħra kollha, saċerdotali, reliġjużi eċċ. Il-Familja hija l-bidu ta’ kollox
għall-Knisja u hi l-għalqa maħduma, msoqqija u għammiela fejn tinżera’ u tinbet
il-Knisja ta’ għada. Qabel ma bniedem
isir Papa, Isqof jew ma nafx x’hiex, hu jkun sema’ l-Isem ta’ Ġesù jitlissen
fil-Familja b’imħabba u għożża.
Qed nitkellmu, naturalment, fuq Familja li
tkun imxiet ’il quddiem fil-Fidi. Kemm
għandna bżonn minnhom dawn! Kemm saret
ħaġa tqila għall-Knisja biex ikollha pastorali tassew missjunarja biex jinħolqu
dawn il-“Knejjes Domestiċi”, il-“Knejjes tad-Dar”. Kollox jaħdem kontra: l-ekonomija, il-midja,
il-kultura dominanti tal-lum... Għalhekk
tassew vokazzjoni qaddisa hija dik taż-żwieġ, vokazzjoni ta’ ħajja jew mewt
għall-Knisja fid-dinja tal-lum.
L-Ewwel Qari
Il-bniedem huwa ħlejqa soċjali. Mhux magħmul biex jgħix maqtugħ minn kulħadd,
għalih waħdu. Il-ferħ tal-bniedem hu li
jibni relazzjonijiet ma’ oħrajn u jagħmel ħbieb. Imma l-aqwa relazzjonijiet għall-bniedem huma
dawk li jkollu fil-familja tiegħu stess.
Kemm hi qaddisa l-ġibda ta’ ġuvni lejn tfajla u ta’ tfajla lejn ġuvni!
Naturalment, billi Alla ma setgħax joħloq lill-bniedem jekk mhux ħieles li
jagħżel kif jgħix, is-sikrana tinbet kullimkien u għażliet ħżien jsiru ’l hawn
u ’l hinn. Imma f’għajnejn Alla, l-Imħabba bejn raġel u mara, li tibda minn
ġibda erotika, tal-ġisem, li imbagħad timmatura u tiżviluppa biex issir iktar
profonda, li tiflaħ kemm għal żmien il-ġid kif ukoll għal żmien id-deni, kemm
għas-saħħa kif ukoll għall-mard u tirreżisti l-irwiefen tat-tentazzjonijet u
tal-egoiżmi... din l-Imħabba hi qaddisa f’għajnejn Alla.
Mhix kwistjoni biss ta’ ġuvni li jrid jibni
ħajtu ma’ tfajla li togħġbu, imma, b’mod misterjuż, hija l-leħen ħiemed ta’
Alla fil-qalb tal-bniedem li jsejjaħ għal vokazzjoni biex tinbena familja fejn
jitnisslu l-ulied li Alla għandu f’moħħu, biex tikber il-Knisja u x-xhieda ta’
Alla fid-dinja.
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. 2, 18-24
U
l-Mulej Alla qal: “M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna
tgħodd għalih.” U
l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru, u
ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem
semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha.
U
l-bniedem ta isem lil kull bhima u 'l kull tajra ta' l-ajru, u 'l kull annimal
selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla tefa'
nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha
mlieh bil-laħam. U
l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f'mara u ġiebha
lill-bniedem.
Mbagħad
il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi
għadma
minn għadmi,
u laħam minn laħmi,
għalhekk
tissejjaħ mara,
għax
mir-raġel
ittieħdet
hi.”
Għalhekk
ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem
wieħed. U t-tnejn
kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.
Salm
Responsorjali
Salm
128 huwa Salm mill-isbaħ li jitkellem fuq il-Barka, il-”Berakah” kif isejħulha
l-Lhud, li tinżel fuq id-dar fejn tgħammar il-Familja li tibża’ li titlef lil
Alla. Din il-Barka ta’ Alla hi mixħuta
kollha kemm hi lejn il-fertilità; il-fertilità tal-art li hija fertilità
tal-Providenza ta’ Alla; il-fertilità tax-xogħol; imma fuq kollox il-fertilità
tal-Imħabba bejn ir-raġel u l-mara tiegħu, fertilità li tissarraf f’ulied
imdawra madwar il-mejda.
Ix-xena
li jpinġielna dan is-Salm grazzjuż hija l-kontra, eżatt l-oppost, ta’ dak li
qed naraw f’ħafna pajjiżi hekk imsejħa ”progressivi”. Hemmhekk issaltan is-solitudni. Illum hi aktar moda li tgħix waħdek. Jekk ikollok bżonn is-sess taf x’għandek
tagħmel. Imħabba ma tidher imkien. Il-bniedem pagan ma jridx irbit għax
m’għandux saħħa jinagħta u jħobb.
L-għajta llum hi li l-bniedem sar ħieles u jagħmel li jrid. Miskin!
Xi prezz għoli qed jitħallas!
Mhux
ta’ b’xejn qed jikber il-mard tal-moħħ u jitkattar is-suwiċidju. Kulħadd għalih
waħdu ġo xi flat bla ma jaf min joqgħod maġenbu, jew taħtu, jew fuqu. Fil-bliet tal-lum il-ħin kollu tara nisa
jippassiġġaw bil-poodle jew b’xi tip ta’ kelb ieħor, għax huwa l-uniku
’partner’ li għandhom. It-T.V. iktar
jirreklama prodotti tal-klieb u l-qtates milli tat-tfal jew tat-trabi.
Ħamsin
sena ilu, Pawlu VI (daqt jiġi iddikkjarat Qaddis, kif jistħoqqlu tant!) ħareġ
enċiklika li qalbet id-dinja ta’ taħt fuq: l-”Humanae Vitae”. Titkellem fuq il-fertilità u l-ftuħ
għall-Ħajja li huma l-marka tal-familja tassew Nisranija. Ħafna pagani waqqgħuh għaċ-ċajt u minn
ġol-Knisja kważi ħadd ma qabel miegħu.
Kbira kient il-persekuzzjoni li baqa’ jbati minnha sal-mewt.
Hu
kien l-aħħar profeta kbir li Alla bagħat lill-Ewropa. Hu widdeb li għad jiġi żmien li b’dawn
il-kontraċettivi u l-abort li kienu qed isiru moda, l-Ewropa kienet se tispiċċa
kontinent xiħ mingħajr kapaċità li tnissel.
Dan ġejna fih illum. Ħafna ma
jridux refuġjati Misilmin, suwed eċċ.
Jekk ma jiġux dawn, minn se jżomm l-ekonomija, il-monstru tal-ekonomija
li ħloqna u li żżommna taħt morsa fewdali bħalma kien hawn darba? Tfal imkien, xjuħ kullimkien. Dawn huma l-bliet Ewropej, u aħna, ta’ xadini
li aħna, ngħidu: ”Dawn bravi iktar minna; żgur li jafu x’qed jagħmlu”, u
nikkuppjawhom biex inkun bravi bħalhom u jekk jista’ jkun aqwa minnhom.
Għabet
il-Barka ta’ Alla minn fuq il-kontinent għax qed immissu s-Siġra
tal-Ħajja. Is-soċjetajiet li rremettew
lil Kristu, issa qed imutu ftit ftit.
Kemm se jibqa’ Ingliżi fl-Ingilterra sa mitt sena oħra? U Franċiżi fi
Franza, Ġermaniżi fil-Ġermanja?
Fl-Italja u Franza issa qed jippruvaw jixtru l-familji bil-flus biex
inisslu iktar tfal, imma issa bye bye.
Alla biss kapaċi jbiddel il-qalb tal-bniedem. Fejn m’hemmx il-Barka tiegħu hemm is-saħta.
Ritornell:
Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Salm
128
Hieni kull min jibża' mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb!
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta' darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek.
Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
li jibża' mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek!
Sliem għal Iżrael!
It-Tieni Qari
Illum se nibdew naqraw siltiet mill-Ittra lil-Lhud, li
nibqgħu naqraw minnha fl-aħħar ġimgħat tas-Sena Liturġika. L-għarfien ta’ Alla li kellha Iżrael laħaq
l-aktar punt għoli tiegħu meta skopriet li Alla kien l-Għarus tagħha. Din it-tema ta’ żwieġ bejn Alla u l-Poplu
tiegħu kompliet issaħħet u saret tassew rejaltà meta Alla twaħħad man-natura
tagħna fl-Inkarnazzjoni, meta libes il-laħam tagħna fil-bniedem Ġesù ta’
Nazaret. Imma iktar minn hekk, Kristu huwa l-Għarus tal-Knisja li Huwa ltaqa’
magħha, maħmuġa, kollha difetti u mtaqqla bi dnubietha meta kienet għadha
mferrxa ’l hawn u ’l hinn fid-dinja pagana.
Kristu ħabbha l-Għarusa tiegħu sal-punt li meta hi
kienet għadha ma ħaditx grazzja miegħU, meta hi kienet għadha lanqas biss tafu,
meta hi kienet għadha tfittex l-Imħabba u l-Ferħ għand ħbiebha pagani, Hu miet
għaliha! L-Għarusa ġġennet fuq l-Għarus
tagħha meta, fid-dawl tal-Pentekoste, hija ndunat x’kien għamel għaliha
fil-Misteru tal-Għid tiegħU. Hu ħabbha bla ma kien jistħoqqilha u din l-esperjenza
unika fid-dinja, (għax, ngħiduha kif inhi, ħadd ma jħobbok meta inti fonqlu u
għadu), għamlet minnha ħlejqa ġdida.
Il-Knisja hi magħmula minn nies li kellhom din il-laqgħa fenomenali ma’
Kristu, l-Għarus tagħhom.
Dan il-qari se jitkellem fuq din l-opra-meravilja ta’
Kristu, is-Salvatur waħdieni tal-Knisja u tal-bniedem. Huwa hu s-Saċerdot waħdieni li l-ħin kollu
jinsab quddiem il-Missier jinterċiedi għal dawk li jemmnu fiH u joffri l-merti
tal-ubbidjenza tiegħu b’risq tagħhom. Hu
minħabba dan li l-Knisja hi qaddisa u bla tebgħa. Mhux minnha nnifisha, għax hi magħmula minn
nies bħalna, midinbin u dgħajfa. Imma
aħna ġġustifikati bil-merti ta’ Kristu!
Il-Merti tiegħU huma l-merti tagħna, tant li, jekk nemmnu fiH, dawn
il-merti huma biżżejjed biex iwaħħduna miegħU u nibqgħu miegħu fi żwieġ etern
għal dejjem fil-Ġenna.
Din hija l-Barka ta’ Alla fuqna. Meta l-bniedem jitwaħħad ma’ Kristu fi żwieġ
mistiku, in-natura tiegħu tad-dnub tinbidillu u ssir natura divina li kapaċi
tħobb saħansitra lill-għadu u twettaq il-Liġi kollha li qabel ma kellhiex ħila
twettaq. Dan hu t-Twelid Ġdid li Alla
jrid li jseħħ fina u li fuqu tkellem il-Mulej Ġesù.
Qari
mill-Ittra lil-Lhud. 2, 9-11
Ħuti:
lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù,
aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu
bata, biex, għall-grazzja ta' Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta' kulħadd.
Għax
kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied
għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa
tas-sofferenzi. Għax
kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, lkoll huma mill-istess
wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu.
Evanġelju
Dan
il-Vanġelu m’hemmx għalfejn wieħed jikkummenta fuqu. Hu ċar u jitkellem waħdu. Hawn insibu ir-raġuni l-għala l-Knisja hi
kontra d-divorzju. Hi kontra d-divorzju
għax Kristu kien kontra d-divorzju, anke jekk Mosè ma kienx, minħabba l-ebbusja
u l-egoiżmu ta’ dawk li kienu madwaru.
Fi żmien Mosè il-mara ma kienet meqjusa xejn u d-divorzju kien arma
favur ir-raġel li kellu s-setgħa jibdel lil martu x’ħin irid. Ħafna nisa kienu jispiċċaw tlalab, anke fi
żmien Kristu.
Allura
Kristu kien qed jitkellem favur il-Mara meta ħadha kontra d-divorzju. Illum il-Knisja titkellem favur il-familja, u
l-aktar favur it-tfal li huma l-ikbar vittma tal-firdiet li qed jiżdiedu kuljum
madwarna.
In-Nisrani
veru ma jasal qatt biex jaċċetta d-divorzju, għax jirċievi qawwa mingħand Alla
li jinagħta għall-martu, u l-mara tinagħta għal żewġha. Hu veru, imma, li jinħolqu ċirkostanzi
kultant li jkun sew li l-mara u r-raġel ma jibqgħux jgħixu flimkien għal xi
żmien, dejjem bit-tama li l-Mulej jerġa’ jibnilhom iż-żwieġ tagħhom. Meta Alla jirranġa l-għaqda li tkun mardet,
ma jiġrix bħal meta wieħed isewwi kikra li tkun inkisret imma li tbqa’ bix-xaqq
jidher fejn inkisret. Le. Alla jagħmel kikra ġdida, żwieġ ġdid. Alla kapaċi jagħmlu dan u jagħmlu ma’ dawk Ii
fi żmien iebes jibqgħu jittamaw fiH.
Versett:
Hallelujah. Fidil il-Mulej f’kull kelma
tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.
Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mark.
F’dak
iż-żmien: Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax
jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: "X'ordnalkom Mosè?" Qalulu:
"Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha.”
Mbagħad
weġibhom Ġesù: "Minħabba l-ebusija ta' qalbkom kitbilkom dan
l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla
għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u 'l
ommu u jingħaqad ma' martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk
m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma
għandux jifirdu l-bniedem."
Xħin
daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom:
"Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju kontra
l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja
ta' adulterju."
Ġibulu
quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu
magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: "Ħalluhom
it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna
ta' Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma
jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha."
Mbagħad
ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
|