Wednesday, 12 December 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-VOKAZZJONI TAZ-ZWIEG
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-VOKAZZJONI TAZ-ZWIEG PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 06 October 2018

Din hija il- Liturgija tas-Sebgha u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_u_t_tfal.jpg

 

Sa ftit snin ilu, meta konna nitkellmu fuq “vokazzjoni”, fuq is-sejħa speċjali li jagħmel Alla lill-bniedem għall-ġid tal-Knisja u għall-ġid komuni ta’ kulħadd, konna nifhmu sejħa biex wieħed isir qassis jew patri jew, fil-kas ta’ tfajla, soru.  Il-Konċilju ġab rivoluzzjoni anke fuq din il-ħaġa.  Ibda biex, il-Konċilju prova jgħinna nħarsu lejn il-Knisja b’mod differenti minn qabel.  Għal sekli sħaħ il-Knisja kienet qisha piramida, bil-Papa fuq nett, u taħtu, l-kardinali, imbagħad l-isqfijiet, imbagħad kappillani, saċerdoti... u taħt, il-kotra tal-fidili, dawk li jemmnu.  Meta kienu jgħidu li wieħed “għandu vokazzjoni” kien ovvju li s-sejħa kienet biex jagħti servizz fil-pożizzjonijiet ta’ fuq.

 

Is-sistema ġerarkika għadha l-istess, biex niftehmu. L-istituzzjoni tal-Ġerarkija hi mportanti fil-Knisja u hi ta’ qadi li maż-żmien swiet immens.  Il-Protestanti li ma ħamlux il-Ġerarkija spiċċaw mifrudin f’elf setta. Anke Kristu nnifsu xtaq li jkun hemm Ġerarkija fil-Knisja billi għażel lil Pietru biex ikollu kariżmi speċjali li ma tahomx lil sħabu, u minn fost l-Appostli, f’waqtiet importanti, kien ikollu miegħU biss tlieta minnhom.

 

Imma l-Ġerarkija mhix il-Knisja.  Ħafna jagħmlu dan l-iżball meta jaħsbu fuq il-Knisja.  Il-Ġerarkija u l-Kurja huma parti mill-Knisja imma l-Knisja hi ferm, ferm ikbar minn hekk.  Huma jaqdu lill-Knisja imma l-Knisja hi Misteru ferm iktar meraviljuż u tal-għaġeb mill-organiżżazzjoni “umana” tagħha. 

 

Il-Konċilju jridna nħarsu lejn il-Knisja b’mod differenti minn din l-istampa ta’ piramida.  Għall-Konċilju, fid-dokument li kien ħareġ bl-isem “Lumen Gentium”, il-Knisja hi poplu, “Il-Poplu ta’ Alla”.  Dan hu titlu bibliku għax insibuh ħafna fil-Bibbja meta jirreferi għal Iżrael. Għalhekk il-Konċilju ma kien qed jivvinta xejn, imma kien qed imur lura lejn l-għeruq.  Il-Knisja hi poplu sħiħ dejjem miexi fi triq  ta’ konverżjoni u ta’ għarfien dejjem ikbar tal-Imħabba tal-Missier murija lilha fil-Misteru ta’ Ibnu Ġesù, l-aktar fl-esperjenza tiegħu tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu fuq il-Mewt.

 

F’dan il-poplu qaddis, il-Mulej inissel bosta kariżmi differenti għall-ġid ta’ kulħadd.  Illum waħda mill-kariżmi li l-Knisja qed tagħraf l-enormità tal-importanza tagħha hija l-kariżma fil-Knisja tal-Ħajja Miżżewġa.  Il-Knisja qegħda tinduna li l-għadu qed jipprova jeqred lill-Knisja billi jeqred iċ-ċelluli żgħar li jiffurmawha li huma l-familji.  Hawnhekk qed nilagħbu mal-ħajja tal-Knisja. Il-vokazzjoni biex ġuvni u tfajla jwaqqfu ċellula fil-Knisja li tissejjaħ familja jista’ jkun li hi l-ikbar vokazzjoni ta’ Alla llum.  Qed nirreferu, naturalment, għall-Familja Nisranija, għall-“Knisja Domestika” kif sejħilha l-Konċilju. 

 

Fil-qalba tat-taqbid serju li għandha l-Knisja llum, qed ngħixu żmien eċċitanti wkoll fejn il-Knisja qed terġa lura lejn l-għeruq tagħha u tinża bil-mod il-mod minn ħafna kunċetti, li swew ta’ ġid fi żmienhom, imma li issa m’għadx għandha iktar bżonnhom.  Il-Familja qed terġa’ ssib postha fiċ-ċentru nett tal-Knisja  Hija l-post fejn tiġi mogħtija l-Fidi lill-ulied u jitrawmu ulied għall-Knisja.  Hija l-Familja l-ambjent fejn jitnisslu l-vokazzjonijiet l-oħra kollha, saċerdotali, reliġjużi eċċ.  Il-Familja hija l-bidu ta’ kollox għall-Knisja u hi l-għalqa maħduma, msoqqija u għammiela fejn tinżera’ u tinbet il-Knisja ta’ għada.  Qabel ma bniedem isir Papa, Isqof jew ma nafx x’hiex, hu jkun sema’ l-Isem ta’ Ġesù jitlissen fil-Familja b’imħabba u għożża.

 

Qed nitkellmu, naturalment, fuq Familja li tkun imxiet ’il quddiem fil-Fidi.  Kemm għandna bżonn minnhom dawn!  Kemm saret ħaġa tqila għall-Knisja biex ikollha pastorali tassew missjunarja biex jinħolqu dawn il-“Knejjes Domestiċi”, il-“Knejjes tad-Dar”.  Kollox jaħdem kontra: l-ekonomija, il-midja, il-kultura dominanti tal-lum...  Għalhekk tassew vokazzjoni qaddisa hija dik taż-żwieġ, vokazzjoni ta’ ħajja jew mewt għall-Knisja fid-dinja tal-lum.

 

L-Ewwel Qari

 

Il-bniedem huwa ħlejqa soċjali.  Mhux magħmul biex jgħix maqtugħ minn kulħadd, għalih waħdu.  Il-ferħ tal-bniedem hu li jibni relazzjonijiet ma’ oħrajn u jagħmel ħbieb.  Imma l-aqwa relazzjonijiet għall-bniedem huma dawk li jkollu fil-familja tiegħu stess.  Kemm hi qaddisa l-ġibda ta’ ġuvni lejn tfajla u ta’ tfajla lejn ġuvni! Naturalment, billi Alla ma setgħax joħloq lill-bniedem jekk mhux ħieles li jagħżel kif jgħix, is-sikrana tinbet kullimkien u għażliet ħżien jsiru ’l hawn u ’l hinn. Imma f’għajnejn Alla, l-Imħabba bejn raġel u mara, li tibda minn ġibda erotika, tal-ġisem, li imbagħad timmatura u tiżviluppa biex issir iktar profonda, li tiflaħ kemm għal żmien il-ġid kif ukoll għal żmien id-deni, kemm għas-saħħa kif ukoll għall-mard u tirreżisti l-irwiefen tat-tentazzjonijet u tal-egoiżmi... din l-Imħabba hi qaddisa f’għajnejn Alla. 

 

Mhix kwistjoni biss ta’ ġuvni li jrid jibni ħajtu ma’ tfajla li togħġbu, imma, b’mod misterjuż, hija l-leħen ħiemed ta’ Alla fil-qalb tal-bniedem li jsejjaħ għal vokazzjoni biex tinbena familja fejn jitnisslu l-ulied li Alla għandu f’moħħu, biex tikber il-Knisja u x-xhieda ta’ Alla fid-dinja.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  2, 18-24

 

U l-Mulej Alla qal: “M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”  U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha.

 

U l-bniedem ta isem lil kull bhima u 'l kull tajra ta' l-ajru, u 'l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.  U l-Mulej Alla tefa' nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam.  U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f'mara u ġiebha lill-bniedem.

 

Mbagħad il-bniedem qal:

 

  “Din id-darba din hi

 għadma minn għadmi,

 u laħam minn laħmi,

 għalhekk tissejjaħ mara,

 għax mir-raġel

 ittieħdet hi.”

 

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma' martu u jsiru ġisem wieħed.  U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 128 huwa Salm mill-isbaħ li jitkellem fuq il-Barka, il-”Berakah” kif isejħulha l-Lhud, li tinżel fuq id-dar fejn tgħammar il-Familja li tibża’ li titlef lil Alla.  Din il-Barka ta’ Alla hi mixħuta kollha kemm hi lejn il-fertilità; il-fertilità tal-art li hija fertilità tal-Providenza ta’ Alla; il-fertilità tax-xogħol; imma fuq kollox il-fertilità tal-Imħabba bejn ir-raġel u l-mara tiegħu, fertilità li tissarraf f’ulied imdawra madwar il-mejda.

 

Ix-xena li jpinġielna dan is-Salm grazzjuż hija l-kontra, eżatt l-oppost, ta’ dak li qed naraw f’ħafna pajjiżi hekk imsejħa ”progressivi”.  Hemmhekk issaltan is-solitudni.  Illum hi aktar moda li tgħix waħdek.  Jekk ikollok bżonn is-sess taf x’għandek tagħmel.  Imħabba ma tidher imkien.  Il-bniedem pagan ma jridx irbit għax m’għandux saħħa jinagħta u jħobb.  L-għajta llum hi li l-bniedem sar ħieles u jagħmel li jrid.  Miskin!  Xi prezz għoli qed jitħallas! 

 

Mhux ta’ b’xejn qed jikber il-mard tal-moħħ u jitkattar is-suwiċidju. Kulħadd għalih waħdu ġo xi flat bla ma jaf min joqgħod maġenbu, jew taħtu, jew fuqu.  Fil-bliet tal-lum il-ħin kollu tara nisa jippassiġġaw bil-poodle jew b’xi tip ta’ kelb ieħor, għax huwa l-uniku ’partner’ li għandhom.  It-T.V. iktar jirreklama prodotti tal-klieb u l-qtates milli tat-tfal jew tat-trabi.

 

Ħamsin sena ilu, Pawlu VI (daqt jiġi iddikkjarat Qaddis, kif jistħoqqlu tant!) ħareġ enċiklika li qalbet id-dinja ta’ taħt fuq: l-”Humanae Vitae”.  Titkellem fuq il-fertilità u l-ftuħ għall-Ħajja li huma l-marka tal-familja tassew Nisranija.  Ħafna pagani waqqgħuh għaċ-ċajt u minn ġol-Knisja kważi ħadd ma qabel miegħu.  Kbira kient il-persekuzzjoni li baqa’ jbati minnha sal-mewt. 

 

Hu kien l-aħħar profeta kbir li Alla bagħat lill-Ewropa.  Hu widdeb li għad jiġi żmien li b’dawn il-kontraċettivi u l-abort li kienu qed isiru moda, l-Ewropa kienet se tispiċċa kontinent xiħ mingħajr kapaċità li tnissel.  Dan ġejna fih illum.  Ħafna ma jridux refuġjati Misilmin, suwed eċċ.  Jekk ma jiġux dawn, minn se jżomm l-ekonomija, il-monstru tal-ekonomija li ħloqna u li żżommna taħt morsa fewdali bħalma kien hawn darba?  Tfal imkien, xjuħ kullimkien.  Dawn huma l-bliet Ewropej, u aħna, ta’ xadini li aħna, ngħidu: ”Dawn bravi iktar minna; żgur li jafu x’qed jagħmlu”, u nikkuppjawhom biex inkun bravi bħalhom u jekk jista’ jkun aqwa minnhom.

 

Għabet il-Barka ta’ Alla minn fuq il-kontinent għax qed immissu s-Siġra tal-Ħajja.  Is-soċjetajiet li rremettew lil Kristu, issa qed imutu ftit ftit.  Kemm se jibqa’ Ingliżi fl-Ingilterra sa mitt sena oħra? U Franċiżi fi Franza, Ġermaniżi fil-Ġermanja?  Fl-Italja u Franza issa qed jippruvaw jixtru l-familji bil-flus biex inisslu iktar tfal, imma issa bye bye.  Alla biss kapaċi jbiddel il-qalb tal-bniedem.  Fejn m’hemmx il-Barka tiegħu hemm is-saħta.

 

Ritornell: Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.

 

Salm 128

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

 

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!

 

It-Tieni Qari

 

Illum se nibdew naqraw siltiet mill-Ittra lil-Lhud, li nibqgħu naqraw minnha fl-aħħar ġimgħat tas-Sena Liturġika.  L-għarfien ta’ Alla li kellha Iżrael laħaq l-aktar punt għoli tiegħu meta skopriet li Alla kien l-Għarus tagħha.  Din it-tema ta’ żwieġ bejn Alla u l-Poplu tiegħu kompliet issaħħet u saret tassew rejaltà meta Alla twaħħad man-natura tagħna fl-Inkarnazzjoni, meta libes il-laħam tagħna fil-bniedem Ġesù ta’ Nazaret. Imma iktar minn hekk, Kristu huwa l-Għarus tal-Knisja li Huwa ltaqa’ magħha, maħmuġa, kollha difetti u mtaqqla bi dnubietha meta kienet għadha mferrxa ’l hawn u ’l hinn fid-dinja pagana.

 

Kristu ħabbha l-Għarusa tiegħu sal-punt li meta hi kienet għadha ma ħaditx grazzja miegħU, meta hi kienet għadha lanqas biss tafu, meta hi kienet għadha tfittex l-Imħabba u l-Ferħ għand ħbiebha pagani, Hu miet għaliha!  L-Għarusa ġġennet fuq l-Għarus tagħha meta, fid-dawl tal-Pentekoste, hija ndunat x’kien għamel għaliha fil-Misteru tal-Għid tiegħU. Hu ħabbha bla ma kien jistħoqqilha u din l-esperjenza unika fid-dinja, (għax, ngħiduha kif inhi, ħadd ma jħobbok meta inti fonqlu u għadu), għamlet minnha ħlejqa ġdida.  Il-Knisja hi magħmula minn nies li kellhom din il-laqgħa fenomenali ma’ Kristu, l-Għarus tagħhom.

 

Dan il-qari se jitkellem fuq din l-opra-meravilja ta’ Kristu, is-Salvatur waħdieni tal-Knisja u tal-bniedem.  Huwa hu s-Saċerdot waħdieni li l-ħin kollu jinsab quddiem il-Missier jinterċiedi għal dawk li jemmnu fiH u joffri l-merti tal-ubbidjenza tiegħu b’risq tagħhom.  Hu minħabba dan li l-Knisja hi qaddisa u bla tebgħa.  Mhux minnha nnifisha, għax hi magħmula minn nies bħalna, midinbin u dgħajfa.  Imma aħna ġġustifikati bil-merti ta’ Kristu!  Il-Merti tiegħU huma l-merti tagħna, tant li, jekk nemmnu fiH, dawn il-merti huma biżżejjed biex iwaħħduna miegħU u nibqgħu miegħu fi żwieġ etern għal dejjem fil-Ġenna.

 

Din hija l-Barka ta’ Alla fuqna.  Meta l-bniedem jitwaħħad ma’ Kristu fi żwieġ mistiku, in-natura tiegħu tad-dnub tinbidillu u ssir natura divina li kapaċi tħobb saħansitra lill-għadu u twettaq il-Liġi kollha li qabel ma kellhiex ħila twettaq.  Dan hu t-Twelid Ġdid li Alla jrid li jseħħ fina u li fuqu tkellem il-Mulej Ġesù.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  2, 9-11

 

 Ħuti: lil dak li għal ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata, biex, għall-grazzja ta' Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta' kulħadd.

 

Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel li l-Awtur tas-Salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa  tas-sofferenzi.  Għax kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu mqaddsin, lkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejjħilhom ħutu.

 

Evanġelju

 

Dan il-Vanġelu m’hemmx għalfejn wieħed jikkummenta fuqu.  Hu ċar u jitkellem waħdu.  Hawn insibu ir-raġuni l-għala l-Knisja hi kontra d-divorzju.  Hi kontra d-divorzju għax Kristu kien kontra d-divorzju, anke jekk Mosè ma kienx, minħabba l-ebbusja u l-egoiżmu ta’ dawk li kienu madwaru.  Fi żmien Mosè il-mara ma kienet meqjusa xejn u d-divorzju kien arma favur ir-raġel li kellu s-setgħa jibdel lil martu x’ħin irid.  Ħafna nisa kienu jispiċċaw tlalab, anke fi żmien Kristu.

 

Allura Kristu kien qed jitkellem favur il-Mara meta ħadha kontra d-divorzju.  Illum il-Knisja titkellem favur il-familja, u l-aktar favur it-tfal li huma l-ikbar vittma tal-firdiet li qed jiżdiedu kuljum madwarna. 

 

In-Nisrani veru ma jasal qatt biex jaċċetta d-divorzju, għax jirċievi qawwa mingħand Alla li jinagħta għall-martu, u l-mara tinagħta għal żewġha.  Hu veru, imma, li jinħolqu ċirkostanzi kultant li jkun sew li l-mara u r-raġel ma jibqgħux jgħixu flimkien għal xi żmien, dejjem bit-tama li l-Mulej jerġa’ jibnilhom iż-żwieġ tagħhom.  Meta Alla jirranġa l-għaqda li tkun mardet, ma jiġrix bħal meta wieħed isewwi kikra li tkun inkisret imma li tbqa’ bix-xaqq jidher fejn inkisret.  Le.  Alla jagħmel kikra ġdida, żwieġ ġdid.  Alla kapaċi jagħmlu dan u jagħmlu ma’ dawk Ii fi żmien iebes jibqgħu jittamaw fiH.

 

Versett: Hallelujah.  Fidil il-Mulej f’kull kelma tiegħu, twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

 

 F’dak iż-żmien: Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu.  Weġibhom u qal: "X'ordnalkom Mosè?"  Qalulu: "Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha.”

 

 Mbagħad weġibhom Ġesù: "Minħabba l-ebusija ta' qalbkom kitbilkom dan l-ordni.  Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu,  u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem."  

 

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan,  u hu qalilhom: "Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta' adulterju."

  

Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom.  Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: "Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla.  Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha."  

 

Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

 

 
< Prev   Next >