Tuesday, 20 November 2018
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) L-GHANA VERU
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2018) L-GHANA VERU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 13 October 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tmienja u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 gesu_u_l_ghani.jpg

 

Il-bniedem minn dejjem qajjem l-għira ta’ Alla bl-idoli, l-allat foloz li hu stess ivvinta u li mingħandhom dejjem talab il-Ħajja li tiġi biss mingħand Alla, l-għajn ta’ kull Ħajja u ta’ kull ġid.  Alla jgħir għall-bniedem mhux għax għandu bżonn il-qima jew il-Fidi tal-bniedem, imma għax iħobb lill-bniedem u ġewwiniH jitqanqlu meta jarah ifittex il-Ħajja fejn hemm il-Mewt, ifittex is-sigurtà fejn hemm il-baħħ, ifittex dak li jimlilu l-vojt etern li hemm f’qalb kull bniedem, b’dak li mhux etern imma mejjet.

 

Il-bniedem jaljena ruħu bl-affarijiet materjali, imma dawn, minnhom infushom għandhom is-susa tal-mewt fihom.  Dan hu ġenn il-bniedem.  Fil-qiegħ tal-eżistenza tiegħu għandu ħerqat ta’ Ħajja għal Dejjem u din il-Ħajja vera jfittixha f’affarijiet li jidhru, fi ħwejjeġ li qed imutu.  Għax, wara kollox, din hi l-vera problema tal-bniedem: li hu jixtieq jgħix għal dejjem imma jara lil kulħadd u lil kollox madwaru jmut,  jgħidu x’jgħud l-politiċi u x-xjenzjati.  Il-bniedem politiku jemmen li jekk lill-bniedem tneħħilu l-inġustizzji kollha li hu mdawwar bihom u tagħtih liġijiet li jissodisfaw id-drittijiet tiegħu u dak kollu li jħoss li għandu bżonn, allura tkun solvejt il-problemi li għandu.  Il-bniedem tekniku u xjentifiku jemmen li jekk lill-bniedem tneħħilu l-iskumditajiet tal-ħajja b’invenzjonijiet dejjem ġodda, b’avanzi fil-mediċina, fis-saħħa u fil-psikoloġija mentali, int tkun qed tagħmel lill-bniedem sid il-Ħajja.

 

Dawn iż-żewġ opinjonijiet jimmarkaw lill-bnedmin kollha.  Dawn huma aħna, għax anke aħna nemmnu fil-politika u fix-xjenzi; u hemm ħafna verità f’dak li jisħqu fuqu dawn.  Imma kemm il-bniedem tal-politika u kemm il-bniedem tax-xjenza, bl-arroganza tal-fehma tagħhom kollha, jkunu qegħdin iduru madwar il-vera problema li għandu l-bniedem u ma jistgħux jidħlulu fiha u jsolvuhielu.  Għax il-problema numru wieħed tal-bniedem li tikkondizzjonah mill-mument li jidher fuq din il-pjaneta huwa l-fatt li hu se jmut, li hu qed imut.  Hu jixtieq jgħix għal dejjem, imma jaf li l-ħofra għad tirbħu u dan jagħmel minnu bniedem egoist li jiġbed lejh f’kollox anke fl-imħabbiet tiegħu.

 

Biex jaħrab jew jaljena ruħu minn dan il-monstru tal-Mewt, il-bniedem idur lejn l-allat tiegħu.  Illum dawn m’għadhomx statwi tal-ġebel, jew ix-xemx u l-qamar, imma huma l-ħwejjeġ materjali li l-bniedem politiku u dak xjentifiku jħobbu joffrulu.  U l-ikbar idolu u rival ta’ Alla fil-ħajja tagħna huwa l-flus.  Dan jgħidu l-Vanġelu.  Huwa ovvju li trid tagħżel bejn Alla u ż-żina.  Huwa ovvju li trid tagħżel bejn Alla u l-mibegħda lejn il-proxxmu.  Huwa ovvju li trid tagħżel bejn Alla u l-ambizzjoni bla rażan.  Imma dak li l-aktar li jisħaq fuqu l-Vanġelu hu li trid tagħżel bejn Alla u l-flus.

 

Issa jekk tistaqsi lil mitt bniedem jekk hux marbut mal-flus, kollha, jew almenu 99 minnhom jgħidulek li mhumiex.  Hemm ċerta mistħija li tgħid li int rgħib u marbut mal-flus.  Barra minn dan, ħafna huma għomja għax jaħsbu li huma qed jaħarqu ħajjithom f’xogħol żejjed minħabba l-familja, għall-ġid tal-familja, biex uliedhom u marthom ma jkun jonqoshom xejn.  Il-flus huma l-mutur tad-dinja li ġiet maħtufa minn idejn Alla minn satana.  Illum, jekk lill-bniedem tkellmu fuq Alla jibda jittewweb wara tliet minuti, imma lest li jisma’ diskors ta’ siegħa minn xi politiku fuq kemm se tiżdiedlu l-paga jew il-pensjoni.

 

Dan il-bniedem imur il-knisja, imma l-viżjoni tiegħu dwar x’inhi l-Ħajja ma tantx hi differenti minn ta’ dak li ma jmur qatt. Hemm divorzju li qed jifni lill-Knisja: id-divorzju bejn ir-riti li nagħmlu fil-knejjes tagħna, u li għalihom għadna nattendu xi ftit bi ħġarna, u l-Ħajja prattika ’l barra minn bieb il-knisja.  Pagan li ma jemminx bil-basal, jekk jintmesslu l-wirt li jaħseb li għandu dritt għalih, lest li jaħli nofs ħajtu tiela u nieżel il-qorti biex jieħu dak li hu tiegħu. Imma l-istess jagħmel “Nisrani” li jmur il-knisja.  Għaliex?  Għax it-tnejn jaħsbu li l-Ħajja tiddependi mill-flus u din hija gidba mxajtna.  Bil-flus ma tixtrix lanqas jum wieħed ta’ Ħajja.  Jien naf b’nies li jaqilgħuha u jikluha imma li huma “Ħajjin” ħafna iktar minn miljunarju, u ma jibżgħux jitkellmu fuq il-Mewt għax jemmnu b’qalbhom kollha li l-Mewt ġiet mirbuħa minn Kristu. 

 

Huma dawn li qed jgħixu tassew fuq din il-pjaneta.  Il-vera Ħajja hija għand dawk li għandhom iċ-ċertezza li m’huma se jmutu qatt, anke jekk għad jieħdu lil ġisimhom lejn iċ-ċimiterju.  Kristu qam mill-Mewt għalihom u dak in-nhar huwa qered il-gidba tal-mewt u n-Nisrani jgħidlek li hu mhux dak il-katavru li jieħdu għall-funeral imma xi ħadd li ġo fih daħlet il-Ħajja ta’ Dejjem. Huma dawn li għandhom is-setgħa jiggustaw dak kollu ta’ madwarhom.  Huma dawn li għandhom is-setgħa jidħku b’ferħ veru.  Huma dawn li għandhom is-setgħa li jinsew lilhom infushom u jaħsbu fl-“ieħor”.  Huma dawn il-Ħajjin. U huma ma xtrawx il-Ħajja bil-flus.  M’għandhomx jottijiet u vilel.  Il-Ħajja irċivewha gratis, bla ma kien jistħoqqilhom, billi emmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Kristu biss huwa Sid il-Ħajja, u l-vera politika u l-veru għerf huwa li wieħed ixandar l-Aħbar it-Tajba tiegħU lill-bnedmin.

 

L-Ewwel Qari

 

Dijoġene, filosofu Grieg tal-qedem, li għamel ħafna minn ħajtu jgħix ħieles minn dak kollu li jjassar lil bniedem, u kien joqgħod ġo bettija tal-inbid li sab miksura, mormija barra, kien iħobb joħroġ idur f’nofs in-nhar b’fanal mixgħul.  In-nies kienu jafu li dan il-bniedem kellu għerf li huma ma kellhomx, imma kienu jitbissmu meta kienu jarawh u kienu jgħidu li Dijoġene tilef moħħu bl-għerf kbir li kellu.  Staqsewh x’kien qed jagħmel jgħarrex f’nofs in-nhar b’fanal mixgħul f’idu.  U hu kien iwieġeb li kien qed ifittex “bniedem”, bniedem li sab il-Ħajja fil-veru qjies tagħha.  Għalih, il-bnedmin, bil-fixla, bl-għaġla, bil-ġiri tagħhom kien kollha ġġennu, waqt li għalihom kien hu l-miġnun.

 

Kien Dijoġene li kellu raġun, u tawh raġun ħafna Nsara ta’ vera bħal San Franġisk.  In-nies taħraq Ħajjitha, l-eżistenza tagħha, tiġri u titħabat għal affarijiet li mhumiex il-Ħajja u ħafna jindunaw li ħlew iż-żmien meta ż-żmien ikun għadda u jkunu waslu fl-aħħar jiem ta’ Ħajjithom.  Din hi t-traġedja ta’ bosta.  Raġel tal-affari tiegħu, tal-knisja, ħabib tal-kappillan, stmat fil-parroċċa, lil ibnu jgħidlu l-ħin kollu “Studja, studja ibni, ħalli tassigura ħajtek u sserraħ moħħok għall-futur!”  Din itambarhielu kuljum u jagħmillu brainwashing dwar li mingħajr il-flus li ġġiblu l-karriera, hu mitluf.  Jagħmel sewwa li jgħid lil ibnu biex jistudja, imma dan il-bniedem “Nisrani” qatt ma jgħidlu, “Ibni studja, imma fuq kollox fittex lil Kristu għax jekk tikseb id-dinja kollha u ma tagħrafx lil Kristu tintilef u tgħix Ħajja ddisprata!” Din qatt ma jgħidhielu.  Forsi jasal biex jgħidlu, “Mur isma’ quddiesa.” “Ilek ma tqerr?”  Mhux kapaċi jgħaddilu l-Fidi għax Fidi m’għandux u ibnu jitla’ bħalu, b’verniċa ta’ Kristjaneżmu, imma Fidi fl-alla tal-flus.  Minn hemm tiddependi l-Ħajja, jgħidlek.

 

Il-flus jirrispondu għall-ħtiġijiet materjali biss, u għalhekk huma ta’ min jużahom u Alla nnifsu jipprovdihomlna.  Imma Allaħares il-bniedem kien materja biss għax il-Ħajja ssir insapportabbli.  Il-bniedem huwa esseri spiritwali u jekk tnissih l-ispirtu, jsir annimal li jemmen fis-“survival of the fittest”.  Nisirqek qabel ma tisraqni; naqbżek qabel ma taqbiżni; infottik qabel ma tfottini.  Kif jgħid Nietzsche, il-filosofu pagan Ġermaniż li tant kienu jħobbu n-Nażi, l-“ieħor” isir l-infern, għax l-“ieħor” dejjem jikkompetilek, jheddek, kapaċi f’sekonda jsirlek għadu.  Dan hu l-Antikrist.  Għal min sab l-Għerf veru, l-“ieħor” huwa Kristu.  Din hija s-Salvazzjoni tad-dinja.

 

Dan l-Għerf veru jista’ jiġi għandek u għandi jekk nitolbuH.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li l-Missier lanqas jista’ jiċħdu lil min jitlobulu, kif jgħid Kristu nnifsu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jdawwal lill-bniedem fuq x’inhu li veru jgħodd għalih.  L-awtur tal-Ktieb tal-Għerf kien bniedem għani u ta’ setgħa, imma meta skopra l-Għerf għax talab għalih, hu nduna li kiseb għana bil-bosta ikbar minn dak li setgħu jagħtuh il-flus li kellu.  Kiseb setgħa ferm akbar minn dik tas-slaten għax issa kien sid il-Ħajja u mhux ilsir tagħha, għax il-Ħajja saret tiegħu u mhux hu tal-Ħajja.

 

F’dan il-kuntest tal-Għerf li hu l-għana veru, tibda tifhem kif il-Mulej jasal biex jgħidilna li n-Nisrani veru ma jtellax il-Qorti lil min jisirqu u ma jiddefendix ruħu quddiem l-inġustizzji li jsirulu.  Għaliex?  Għax hu ‘superman’?  Le.  Imma għax irċieva għana misterjuż fil-profond tiegħu li hu ferm aktar prezzjuż mill-iktar ħaġra prezzjuża; aktar prezzjuż mid-deheb li ħdejh qisu ftit ramel.  Ħdejn l-Għerf veru, l-fidda qisha tajn jew landa, u hu ta’ min iħobbu aktar mis-saħħa u saħansitra aktar mid-dawl. 

 

Dan hu kif jiddiskrivi l-Għerf veru l-Ispirtu s-Santu fil-qari li se nisimgħu. U min hu dan l-Għerf veru?  Fejn hu biex inkunu nistgħu narawH u nitħajru għaliH?  Dan l-Għerf libes laħam bħal tagħna u ġie jgħammar fostna.  Huwa Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla. U biex wieħed jiksbu ma jridx ikun bil-fors intelliġenti u jifli l-kotba.  Għand kulħadd jiġi jgħammar jekk isib min hu umli u jistiednu ġewwa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf  7, 7-11

 

Jien tlabt u qlajt l-għaqal;

sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu ta' l-għerf.

Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,

u ntbaħt li l-għana m'hu xejn ħdejh

 

Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,

għax id-deheb kollu ħdejh m'huwiex ħlief ftit ramel,

u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.

Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,

u għoġobni aktar mid-dawl;

għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.

 

Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,

u miegħu ġiebli għana bla qjies.

 

Salm Responsorjali

 

It-Talba waħdanija li għandha garanzija li tinstema’ minn Alla, hekk kif inhi, hija meta nitolbu bil-qalb biex jikber fina l-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej qal: “Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp?  Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun?  Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”  (Lq. 11, 11-13). 

 

Din hi l-ikbar Grazzja li jista’ jagħtina Alla; l-ikbar Għerf li jista’ jaħtaf il-bniedem.  L-Ispirtu s-Santu jfejqilna l-ġrieħi ta’ qalbna, ineħħielna d-dubji, jimliena bl-Imħabba tal-Missier u jaqla’ minn ġo qalbna l-għerq, l-għajn u l-bidu tad-dnub.  Dan hu l-Għerf li jikxfilna l-Misteru ta’ Ġesù Kristu u nindunaw… (o x’Sorpriża qaddisa!)… nindunaw x’għamel għalina Kristu… għalija personali, jien li sikwit jien għadu tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu jdawwal id-dlamijiet tagħna u aħna naraw ċar li għad-dnubiet u l-infedeltajiet tagħna, l-Missier ma weġibx skont ma tgħid il-Liġi qaddisa, imma flok il-kastig tana lil Ibnu biex insallbuh bħala offerta safja ta’ tpattija għalina.

 

Quddiem dan kollu satana jinfixel għal kollox.  Hija l-kobor ta’ din l-Imħabba li tagħmilha ċerta li r-rebħa finali hi ta’ Alla.  Jirbaħ kemm jirbaħ battalja l-għadu, ir-rebħa tal-gwerra finali hi tal-Mulej, u dan kollu b’risq tagħna.  L-Imħabba tiegħu hi ikbar u tmur lil hemm mill-kotra tad-dnubiet tad-dinja kollha.  Għalhekk, qatt u qatt ma għandna naqtgħu qalbnu minn dak li din l-Imħabba divina kapaċi tagħmel għalina.

 

Salm 90 hu talba għall-Ispirtu s-Santu, anke jekk dan ma jissemmiex.  “Għallimna ngħoddu jien ħajjitna” (v. 12).  Hu għerf kbir dan!  Il-kotra tan-nies, kemm pagani u kemm reliġjużi, jippruvaw jaljenaw ruħhom mill-Mewt, ma jaħsbux fuqha.  Imma n-Nisrani ma jiddejjaqx mill-Mewt.  Il-Mewt ġiet mirbuħa għalih u hu qed jgħix l-eskatoloġija, ix-xewqa għall-ħwejjeġ sbieħ li jinsabu resqin lejh.  In-Nisrani jaf li hu l-werriet tal-Missier u l-wirt, għalkemm induquh ġa minn hawn, jistenniena fil-milja tiegħu ftit żmien ieħor meta ngħaddu għan-naħa l-oħra. 

 

Ritornell: Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

 

Salm 90  HuH

 

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

 

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqs kemm għakkistna,

għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

 

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja  tiegħek,

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta' Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta' idejna,

wettaq, iva, xogħol idejna.

 

It-Tieni Qari

 

Int, li qed taqra dawn il-Kelmiet, nitolbok biex tkun sinċier miegħek innifsek u tilqa’ bi Grażżja l-Kelma anke meta tikxiflek ir-rejalta’ tiegħek.  Għax il-Kelma ta’ Alla hi Ġesù Kristu, u Kristu jħobbok sal-qjies li ta’ Ħajtu għalik b’Mewt mill-aktar orribbli.  Għalih int tiswa mmens.  Ħadd daqsu ma jistma l-eżistenza tiegħek.  Għalhekk din il-Kelma li ġiet imsallba għalik imma li qamet rebbieħa fuq kull tip ta’ Mewt li teżisti, hi dejjem Aħbar Tajba għalik, anke jekk għall-ewwel tiġi għandna mgeżwra f’wrapping paper kerha.  Ir-rigal ta’ Alla mgeżwer f’gazzetta jisboq bil-bosta kulma tista toffrilna d-dinja mgeżwer f’karti li jiswew aktar mir-rigal!  Għax id-dinja tgeżwer dak li trid tbegħlek b’riklami mill-aqwa u b’ ‘marketing’ skont l-aħħar moda.  Imma ibqa’ żgur li ma tagħtik xejn ‘gratis’, b’xejn.  Hu l-Missier biss li ta lil Ibnu b’xejn għalik biex int tkun tista’ tgħix għal dejjem.  J’Alla l-Ispirtu s-Santu jċaralna dan kollu fil-moħħ fqir tagħna.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  4, 12-13

 

 Ħuti : Il-kelma ta' Alla hi ħajja u qawwija, taqta' aktar minn xabla b'żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u  l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet  tal-qalb.  Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

 

Evanġelju

 

Ħafna jaħsbu li Alla hu l-ewwel u qabel kollox f’Ħajjithom.  Ara ma jfettillekx tmaqdarhom jew tmerihom fuq dan il-punt.  Jammettu li ġie li jiżbaljaw, imma jgħidulek li għalihom Alla hu kollox u jriduha ta’ Nsara primi.  Impossibbli tistieden lil dawn biex jagħmlu mixja lejn il-Fidi.  Hu tqil ħafna tikkonvinċihom li lkoll għandna bżonn urġenti ta’ konverżjoni u li jista’ jkun li aħna, li rriduha  « tal-Knisja” għandna parti mir-responsabiltà li ħafna qed jitilquha u ma għadhomx jersqu lejn is-Sagramenti għax tilfu l-Fidi.

 

Il-Vanġelu jitkellem fuq żagħżugħ ta’ dan it-tip.  Kien jaħseb li qed jgħix ħajja perfetta, imma xorta ma kienx kuntent.  Xtaq il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn, imma ma kienx konvint li għandu din il-Grazzja għax ma ħassx li kellu s-sliem u l-Imħabba jgħammru f’qalbu.  Ma kienx kuntent anke jekk kien, f’għajnejh “tajjeb ħafna”.

 

Kristu jħares lejn dan iż-żagħżugħ b’ħarsa ta’ ħniena għax mill-ewwel induna li dan il-bniedem, mimli entużjażmu u għaġġla biex jiltaqa’ miegħu, kien profondament imqarraq.  Hu kien jaħseb li hu ħaġa, meta fil-fatt kien ħaġa oħra.  Dan jimmarka lilna lkoll li nieħdu xi ftit bis-serjetà l-Fidi tagħna. Hu kien ċert li Alla kien fl-ewwel post u li kien jgħix ix-Shemà, l-ikbar sentenza tal-Ġudajiżmu: “Isma’ O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bis-saħħa tiegħek kollha.”  (Dewt. 6, 4-5). 

 

Għalhekk il-Mulej jagħmillu pjaċir li jweġġa’ imma li kellu bżonnu, u jagħmel l-istess magħna llum.  Ipoġġi quddiemu l-ikbar għadu, rival ta’ Alla, biex jurih li mhux veru li Alla kien fl-ewwel post f’Ħajtu.  Jgħidlu xi ħaġa li nstemgħet terribbli f’widnejn iż-żagħżugħ, u anke f’widnejna.  Għax messlu l-veru “alla” tiegħu.  “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” (Mk. 10, 21). 

 

Din hi Kelma serja.  Mhux Marku biss jirrekordjaha fil-Vanġelu tiegħu imma Luqa u Mattew ukoll. Hi Kelma mportanti li nagħtu kasha.  Jekk xejn, biex turina l-verità.  Jekk iż-żagħżugħ telaq b’qalbu sewda, anke lilna ddaħħal fi kriżi jekk nisimgħuha... għax ħafna, anke jekk tinqara f’widnejhom, lanqas biss jisimgħuha f’qalbhom.  Iż-żagħżugħ telaq imdejjaq, imma b’xi mod ippurifikat mill-ħmerijiet ta’ moħħu.  Ġesù ġabu f’sensih u ġegħlu jaħseb b’mod iktar profond fuq l-iktar ħwejjeġ importanti tal-Ħajja.  U lilna?

 

Versett:  Hallelujah.  Il-Kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  10, 17-30

 

F’dak iż-żmien: Ġesù kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?"  "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù, "ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u  'l ommok."  

 

U dak wieġbu u qallu: "Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti."  Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba u qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih   lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja."  Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b'qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

 

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla!  Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa' qalilhom: "Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta' Alla!  Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!"  Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Mela min jista' jsalva?"  

 

Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista' jkun."  Qabeż Pietru u qallu: "Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk."  Qallu Ġesù: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom,  ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f'din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma' persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej.

 
< Prev   Next >