Din
hija il- Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin il-Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kull meta l-Knisja kienet ittentata taħtaf
għaliha l-poter u s-setgħa fid-dinja, dejjem tilfet l-identità tagħha. Kull meta l-Knisja tħalltet mal-għonja u
l-qawwija tad-dinja, flok ikkonvertiet lilhom, kienu huma li ħassruha u
tappnulha d-Dawl ta’ Kristu li suppost joħroġ minnha. Kull meta l-Knisja faħħritha d-dinja u tatha
privileġġi u għana, dejjem insiet lil Kristu l-Għarus tagħha u żżewġet l-idoli
tad-dinja. Sant Injazju ta’ Antijokja,
Martri kbir tal-Knisja primittiva, jgħid li l-Knisja hi fl-aqwa tagħha meta hi
mibgħuda mid-dinja, meta d-dinja hi għadu tagħha. Kull meta l-Knisja kienet mgħajra,
ikkalunjata, mwaqqa’ għaż-żufjett u ppersegwitata bis-serjetà, dak in-nhar li
hi kienet fl-aqwa tagħha.
Kristu sar melħ għad-dinja li qatlitu u taha
togħma li ma kellhiex minħabba d-dnub. U
jekk il-Knisja hija l-ġisem ta’ Kristu, hi msejħa biex tkompli dan il-Misteru
tal-Melħ. Il-melħ li jintefa’ fil-borma
hu ftit, u jinħall u jisparixxi; imut biex il-borma tieħu togħma u ssir
tajba. Ħadd ma jfaħħar il-melħ, imma
l-ikel. Din hi l-qawwa tal-Knisja, li
bħal Sidha, hi tmut, tisparixxi, b’risq id-dinja. Iżda bħal Sidha wkoll, bħall-Għarus tagħha,
meta l-Knisja tixbaħ lilU, hi, bħalU, ġġarrab il-Misteru tal-Għid: tidħol
fil-mewt għad-dinja biex tqum mill-Mewt aktar qawwija, aktar vera, aktar
awtentika minn qabel.
Hu minħabba f’dan il-Misteru ta’ mewt ma’
Kristu u qawmien miegħU, li l-Knisja qegħda tgħix il-garanzija li rċeviet
mingħand Kristu li Hu se jkun dejjem magħha sal-aħħar taż-żmien. Il-kulturi jiqdiemu, il-modi jinbidlu,
l-imperi u s-setgħat tad-dinja jaqgħu, imma l-Knisja tibqa’ tmut u tqum
mill-mewt, darba wara darba, b’risq id-dinja.
U bħal Kristu u bħall-Knisja, anke n-Nisrani, naturalment, hu Nisrani
għax jgħix dan il-Misteru tal-Għid. Anke
hu mistieden jidħol fil-mewt tal-persekuzzjoni, tal-inġustizzja, tal-mibegħda
mill-oħrajn minħabba l-Isem ta’ Ġesù... anke hu mibgħut mill-Magħmudija tiegħu
biex jinżel fil-qabar ma’ Kristu, biex minn hemm iqum miegħu, darba wara darba,
dejjem aqwa fil-Fidi, dejjem aktar jixbah lill-Imgħallem tiegħu.
Għalhekk, il-Knisja mhix dik
l-organizzazzjoni grandjuża u mponenti li sikwit naħsbu li hi. Il-Knisja hi materjalment dgħajfa mmens. Dan narawh f’ħafna pajjiżi. Hi tidher bla saħħa u ċkejkna f’ħafna
kulturi. F’pajjiżna qegħda titlef
is-saħħa u l-influwenza li dejjem kellha.
Imma din id-dgħufija hi tassew ingann għax-xitan għax meta hi dgħajfa,
il-Knisja hi qawwija. Għax il-Knisja, meta
hi tassew il-Knisja ta’ Kristu, hija l-ġabra flimkien ta’ nies dgħajfa u
mwarrba mid-dinja, li jemmnu f’Ġesù Kristu.
Għax Alla jħobb jagħmel il-meravilji tiegħu bid-dgħajjef biex tidher
tiddi dejjem aktar ċara f’għajnejn id-dinja, il-Glorja tiegħU.
Hu minħabba dan li n-Nisrani veru dejjem hu
“ċkejken” u mhux interessat fil-“prosit” tad-dinja. L-ambizzjoni waħdanija tiegħu hi li jagħraf
dejjem aktar l-Imħabba tal-Missier murija f’Ibnu Ġesù għalih. Hu bniedem “fqir” imma “għani”. Jidher kwiet imma għandu kuraġġ ta’ sur. Dejjem jaqdi, imma hu Sultan. Ħajtu kollha jduq il-mewt, imma hu Ħaj għal
Dejjem. Id-dinja ma tistax tifhem lil
dan il-bniedem u ma tistax tifhem lill-Knisja, bħalma qatt ma fehmet lil
Kristu. Id-dinja tgħajjar lill-Knisja
għax hi differenti, imma gwaj għall-Knisja li tipprova tixbah lid-dinja biex,
mingħalija tiġbidha lejn Kristu. Gwaj
għall-Knisja meta tfittex l-ewwel postijiet, għax Dak li ħabbha ġie mormi ’l
barra mill-belt u mdendel ma’ forka tal-mistħija. Hija din it-triq tal-Qawmien, tal-Glorja
vera. L-aħħar post hu fejn Alla qiegħed
jistenniena biex jiltaqa’ magħna, kif se tgħidilna l-Liturġija tal-Kelma ta’
dan il-Ħadd.
L-Ewwel Qari
Iżrael dejjem ħolom b’Messija qawwi li
jivvendika l-inġustizzja storika tal-Poplu ta’ Alla. Huma stennew li l-Imħabba ta’ Alla għalihom,
li Hu wrieha fl-Għażla li għamel minn dan il-poplu fuq il-ġnus kollha tal-art,
issa tidher billi jagħmel minn ġenshom il-ġens ewlieni politikament. Kienet il-ħolma dejjiema ta’ kull Lhudi li
forsi fi żmienu hu għad jara l-fruntieri tal-Art Imqaddsa jifirxu mill-Eġittu
fin-naħa t’isfel sax-xmara Ewfrat fit-tramuntana; Imperu kbir fl-iktar parti
storikament importanti tad-dinja. Din
kienet il-ħolma tagħhom, ħolma materjalista, tad-dinja.
Imma dawk li mxew it-triq li tieħu lejn
relazzjoni profonda ma’ Alla, bħalma kienu l-Profeti u d-dixxipli tagħhom, beda
jiġihom dubju dwar dan. Malakija,
l-aħħar fost il-profeti jmieri l-istennija tal-poplu u jgħid: “Is-Sid li intom
qegħdin tfittxu; u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej! Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja
tiegħu? U min hu li se jieqaf meta
jidher? Għax hu bħan-nar ta’ wieħed li
jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela.” (Mal. 3, 1-2). “Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u
l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-Jum li ġej
għad jaħraqhom.” (Mal. 3, 19). Imma għaċ-ċkejknin, għal dawk li ġew mgħaffġa
mid-dinja u mill-Istorja tagħhom, għal dawk li waqgħu lura, Jum il-Mulej, Jum
il-Messija jkun Jum ta’ Glorja u ħelsien.
“Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja,
bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġġiela
tal-mandra.” (Mal. 3, 20).
Isaija ra l-Messija mill-bogħod u baqa’
mbellah. Malajr kiteb dak li Alla wrieh
fl-intuwizzjoni tiegħu, u fforma tliet poeżiji kbar li jissejħu l-“Għanjiet
tal-Qaddej ta’ Jahweh”. Iżrael ma riedx
jemmen li l-Profeta kien qed jitkellem fuq il-Messija, u matul iż-żmien kulħadd
ta l-interpretazzjoni tiegħu fuq dawn il-vrus misterjużi. Imma Alla dejjem hu Sorpriża. Fil-qari li ġej se niltaqgħu ma silta żgħir
minn waħda minn dawn it-tliet kitbiet.
Meta ra lil Kristu, Ġwanni l-Battista qal xi
ħaġa tal-għaġeb: “Ara! Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub
tad-dinja!” (Ġw. 1, 29). Kull Lhudi kien jaf x’kienet it-tifsira
tal-Ħaruf ta’ Alla. Kien dak il-Ħaruf li
nqatel fl-Eġittu biex ċappsu l-bibien ta’ djarhom ħalli l-anglu tal-mewt ma
joqtol lil ħadd f’dik id-dar meta jgħaddi.
Il-Ħaruf innoċenti miet għal dawk li kienu lsiera u bla siwi, biex huma
jgħixu. Ġwanni, imnebbaħ mhux mill-għerf
tal-ġisem imma mill-Ispirtu s-Santu, xehed dwar il-Missjoni vera ta’ Ġesù. Il-Messija kellu jieħu l-post tal-aħħar biex
ikun il-melħ li jisparixxi biex tingħoġob il-borma. Din hi l-Imħabba vera li tinagħta anke meta
mhix apprezzata.
L-għanjiet ta’ Isaija jiddiskrivu b’mod
grafiku t-tbatijiet tal-Mulej. Imma hemm
Misteru... Hu dan il-Qaddej li għażel l-aħħar post li se jiġi mgħolli ’l fuq
’il fuq għax “wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif
tiegħu”. (Is. 53, 11). Kollox jgħaddi. Kollox jispiċċa. Jibqa’ biss min jagħmel ir-Rieda ta’ Alla u
jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 53, 10-11
Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Talli joffri ruħu b'sagrifiċċju ta' riparazzjoni,
huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba' bit-tagħrif tiegħu.
Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu
quddiem il-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.
Salm Responsorjali
Iċ-ċkejknin
jintagħrfu mill-biza’ li għandhom ta’ Alla.
Il-kburin huma “alla” tagħhom infushom u jistmellu l-biża’ safi
tal-Mulej. Għalihom Alla hu ħrejjef u
ħolm u jgħixu bħallikieku qatt mhuma se jmutu.
Imma ċ-ċkejknin huma dawk li jafu li Alla jeżisti għax għandhom
esperjenza tiegħU, kellhom laqgħa miegħU f’xi punt important ta’
Ħajjithom. Huma jemmnu fiH mhux għax
semgħu biH imma għax “rawH” bl-għajnejn spiritwali tagħhom. Din hija l-Fidi Bibblika. U l-biża’ tagħhom mhux biża’ fieragħ bħal
tad-dinja, imma hu l-biża’ tal-Imħabba li ma tridx titlef lill-Maħbub. Dan hu l-biża’ pożittiv tan-Nisrani.
Salm
33 jgħid li “għajnejn il-Mulej huma fuq dawk li jibżgħu minnu, fuq dawk li
jittamaw fit-tjieba tiegħu, biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom.” (vv. 18-19). Imma lejn dawk li jriduha ta’ xi
ħaġa, Huwa jħares mill-bogħod… iħallihom iterrqu bħan-nagħaġ ta’ Bendu lejn
is-sies tal-baħħ. Iblah il-bniedem li
qatt ma jaħseb fuq il-Mewt u qatt ma jħossu ċkejken quddiemha. Ħafna nies jgħixu hekk, aljenati mill-verità
li riesqa lejhom b’pass mgħaġġel u li ma jwaqqafha ħadd. Kemm kbira se tkun il-ħasda li jieħdu.
In-Nisrani
jħares lejn il-Mewt b’mod san. Iħossu
dgħajjef u ċkejken minħabba fiha, imma hu jdur lejn Dak li rebaħ il-Mewt u
jiggranfa miegħu, isir ħaġa waħda miegħu.
Huma dawn li għalihom il-Mewt hi mirbuħa. Hekk jgħid dan is-Salm. Iċ-ċkejknin isir “il-kbar” fuq din l-art u
għalhekk li ruħhom tixxennaq għall-Mulej għax hu “kollox” għalihom.
Ritornell: Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej, kif
fik hi t-tama tagħna.
Salm
33
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li
jibżgħu
minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Fih jinsab l-hena ta' qalbna,
fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.
It-Tieni Qari
Quddiem Alla, il-fatt li wieħed ikun bla ħila, fallut
u dgħajjef mhux difett u żvantaġġ bħalma hu fid-dinja. Il-kultura moderna tiftaħar ħafna
bl-inklużjoni, imma xħin niġu għall-fatti, ħoll xagħarek u ġib iż-żejt! Fejn ma hemmx l-ispirtu Nisrani, li hu
l-Ispirtu ta’ Ġesù, m’hemmx ċans li jkun hemm inklużjoni għal min hu dgħajjef u
bla ħila. Huwa Kristu biss li jifhmu lil
dan għax fuq is-Salib hu kien bla ħila u dgħajjef ukoll.
Fuq is-Salib Kristu ġie mgħolli ’l fuq u muri
lid-dinja bħala falliment totali.
L-għedewwa qatluh, dawru daharhom, u telqu lejn djarhom, konvinti li
kienu ħelsu minn wieħed mitluq minn Alla, wieħed ingannat li ħaseb li hu xi
ħaġa meta ma kien xejn. F’Iżrael kienu
qamu mhux wieħed jew tnejn ta’ din il-kwalità.
F’qalbhom qalu li dan kien ieħor tas-soltu.
Imma lil Kristu, l-Missier qajmu mill-Mewt u għamlu
Kirios, Sid ta’ dak kollu li jkidd lill-bniedem. Hu sar il-Qassis, is-Saċerdot waħdieni li
jidħol għall-midinbin u jiddefendihom quddiem il-Missier bħalma ddefendihom
minn fuq is-Salib. Quddiem il-Missier hu
juri l-pjagi tiegħu b’risq tiegħi u tiegħek meta aħna midinba, falluti, bla
sinsla u dgħajfa. Mingħajr l-indħil
tiegħu favur tagħna, ilkoll nintilfu.
X’jiswew il-merti tagħna quddiem is-saħta li waqgħet fuqna minħabba
n-natura mwaqqa’ li writtna minn missirijietna?
Ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu, tgħid l-Iskrittura.
Il-Fidi tagħna hija fil-Qassis il-Kbir Waħdieni li
waħdu rebaħ il-Mewt. Hu obda sa fuq
is-Salib u għamel lilu nnifsu ċkejken biex iċ-ċkejknin isibu kenn u sieħeb
fiH. “Hu li kien daqs Alla ma qagħadx
iqis tiegħu li hu daqs Alla imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu,
billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,
biex fl-Isem ta’ Ġesù, fis-sema u fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha
jinżlu għakupptejhom u kull ilsien jistqarr: “Ġesù Kristu hu l-Mulej,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier”. (Fil.
2, 6-11).
Ħa jkun jaf kull min irid jissejjaħ bl-isem glorjuż
ta’ “Nisrani” li din hija t-Triq għall-Ħajja eternal, bla tmem. Din it-Triq għandha isem: “Il-Misteru
tal-Għid”. Dan il-Misteru jibda b’niżla,
b’Kenosi, biex bħal Kristu nsiru ċkejknin, żgħar, umli, sensittivi għat-tbatijiet
ta’ ħaddieħor. Imma mill-qiegħ Alla
jtellagħna ’l fuq, ’il fuq u jagħtina sehem min-natura ta’ Kristu, natura li
ma tmut qatt, rebbieħa għal kollox fuq dak kollu li jista’ jinkwieta, jweġġa’,
joqtol lill-bniedem.
Qari mill-Ittra lil-Lhud.
4, 14-16
Ħuti :
meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal
fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u
nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder
id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f'kollox,
minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b'qalbna
qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f'waqtha
l-grazzja li neħtieġu.
Evanġelju
Ġakbu
u Ġwanni huma aħna:
tnejn mill-Appostli l-iktar qrib ta’ Ġesù li baqgħu sal-aħħar jittamaw
li jinqdew b’Alla għal din il-ħajja, għax din il-ħajja kienet l-unika ħaġa
ċerta li kellhom. Ċkejkna kienet il-Fidi tagħhom! Din il-ħajja t’hawn saret kollox
għalina. Hemm saqaf jifridna mis-sema u
ħarsitna dejjem ’l isfel lejn l-Art.
Immorru quddiem Alla nitolbuh isolvilna l-problemi t’hawn; nitolbuh
jgħaddina minn eżami, jaqlagħlna promozzjoni, ma jħallix il-mard jersaq lejna,
jagħmel li ngħixu ħajja trankwilla u ndendlu kartella mal-bieb ta’ barra li
tgħid: “Do not disturb”.
Kemm
huma differenti minn tagħna l-fehmiet ta’ Alla!! Hemm abbiss jifred. Alla jaf li din il-ħajja hija biss qatra ilma
f’oċejan immens ta’ Ħajja li ma tispiċċa qatt.
Imma din il-qatra ilma ta’ ħajja li ngħaddu hawn hi mportanti mmens għax
minnha jiddependi kollox. Min ifittex
Ħajtu f’din il-qatra ilma ta’ eżistenza, se jitlifha! U min jitlef din il-qatra ilma ta’ ħajja biex
jimxi wara Kristu se jkollu l-oċean bla tmiem kollu għalih! Imma min se jemmen dan jekk ma jintmessx
mill-Ispirtu s-Santu? Ġwanni u Ġakbu, u
anke ommhom li mbuttathom, kienu stupidi.
U anke l-Appostli l-oħra kienu stupidi bħalhom għax irrabjaw għalihom...
ħasbu li se jieħdulhom dak li forsi kien se jmiss lilhom. F’dgħajsa waħda kienu! Nies
marbutin m’hawn, iggranfati m’hawn, jemmnu biss fil-ħajja t’hawn.
Kemm
hu kbir is-Sabar qaddis ta’ Kristu! Hu
jgħader lil ħbiebu. Hu jgħader lilna,
għax aħna bħalhom. Anke aħna rridu nkunu
l-ewwel hawn akkost ta’ kollox u nitolbu lil Alla jgħinna, minn fuq! Għamilna idolu minn din il-ħajja t’hawn u
rridu lil Alla jaqdina fl-idolatrija tagħna!
Kif setgħu jifhmu l-Appostli, jew kif nistgħu nifhmu aħna lil Ġesù f’dak
li jgħid fl-aħħar parti tal-Vanġelu tal-lum?
Imur kontra n-natura mwaqqa’ tagħna, kontra l-bniedem il-qadim li
suppost imut mgħarraq fl-ilma tal-Magħmudija.
Aħna rridu nikkmandaw, imma Kristu jgħidilna, aqdu. Aħna rridu nkunu tal-ewwel, imma Kristu
jgħidilna biex ma nkunux boloh u jaqblilna noqogħdu lura. Aħna rridu nikbru, nistagħnew, nogħlew, imma
Kristu jurina triq oħra biex naslu għal dan: it-Triq tal-Għid, it-Triq
tan-niżla li tieħu għas-sema l-ogħla post li nistgħu nilħqu.
Tistagħġeb
kif Kristu ma jħossux frustrat u rrabjat quddiem l-għamad tagħna. Nisimgħu kemm nisimgħu, għalxejn. Il-ġurdien jerġa’ jmur lura jilgħab
mal-ħadida li tgħarrxu, imma li fil-fatt qegħda toqtlu b’xokkijiet żgħar. Imur u jerġa’ jmur. Dan sabuh f’esperiment xjentifiku. L-istess aħna. Kristu jmut fuq salib l-aktar bniedem waħdu u
solitarju għax ħadd ma fehmu.
Kien
l-Ispirtu s-Santu f’Jum il-Pentekoste li kixef it-Teżor moħbi li hu Ġesù u
l-Appostli ġġennu bil-meravilja tal-verità li fl-aħħar fehmu. Saru ċkejknin imma kbar. Saru fqar imma għonja. Telqu kollox imma kollox sar tagħhom. Kienu mgħajra imma kien mbierka. Bdew jaqdu imma saru Slaten. Dan hu l-Miraklu li aħna mistiedna
nesperjenzjaw f’Ħajjitna.
Versett:
Hallelujah. Alla sejħilna permezz
tal-Evanġelju, biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Mark. 10, 35-45
F’dak
iż-żmien: Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u
qalulu: "Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk
tagħtihulna." "Xi triduni nagħmlilkom?"
staqsiehom. U huma weġbuh: "Ħallina noqogħdu wieħed fuq
il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek." Imma
Ġesù qalilhom: "Ma tafux x’intom titolbu.
Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll
bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?" "Ghandha," qalulu.
Mbagħad qalilhom Ġesù: "Il-kalċi li se nixrob jien
tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed
jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi,
din m'hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet
imħejjija."
L-għaxra
l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Tafu
intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani,
jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom
fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir
fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta'
kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi,
imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra."
|