Tuesday, 20 November 2018
           
Home
IT-TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2018) IL-KNISJA FL-EZILJU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 27 October 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

jesus_heals_helps2-e1526216337448.jpg

 

Meta l-Knisja hija awtentika u tagħti sinjali li tassew hi l-Ġisem li tiegħu Kristu huwa r-Ras; meta l-Knisja hi l-għaqda flimkien ta’ dawk li ġew mibdula fi Kristu, li twieldu mill-ġdid, li ħallew il-Magħmudija tilħaq il-milja tagħha fihom; meta jseħħ dan kollu fil-Knisja, hi għandha tistenna li tkun ippersegwitata minn dinja materjalista li biha hi mdawra.  Id-dinja tipprova l-ħin kollu tibdel il-Knisja u tagħmilha tixbah lilha, trattbilha l-Aħbar tagħha, tagħmilha materjalista bħalha, tisirqilha l-eternità li toffri, tifni l-ħerqat tagħha li tgħix il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu Sidha.  Id-dinja toffri lill-Knisja ta’ Kristu ħajja komda fuq din l-art, unuri, privileġġi, għana materjali, titli... u hekk tagħmilha NGO bħall-oħrajn, istituzzjoni dinjija oħra, xejn differenti.

 

Mhux darba u tnejn li l-Knisja ċediet quddiem il-ġibda tad-dinja.  Fiċ-ċentru tagħha dejjem kien hemm qalba ta’ nies li baqgħu fidili lejn Kristu u dixxipli awtentiċi tiegħu, u waqt li l-Knisja żżewġet l-unuri u l-privileġġi li jgħaddu, huma baqgħu rashom iebsa jxandru lil Kristu bħala l-verità waħdanija u mhux biċċa minn verità, jew waħda minn ħafna veritajiet.  Fil-qalba tal-Knisja, anke fl-agħar żminijiet tagħha, dejjem baqgħet tinstema’ l-għajta li Kristu biss hu s-Salvatur tal-bniedem u barra minnu kollox frugħa, kollox mewt, kollox jgħaddi.

 

Ninsabu ngħixu f’waħda mill-kriżijiet epokali tal-Knisja. Ilha ġejja!  F’ħafna partijiet tad-dinja, l-Knisja tilfet l-ispirtu li tkun xhud u martri għal Kristu u libset l-ilbies ilellex u għani li offrewla s-setgħana tal-art.  Saret mondana, tad-dinja, u bikkiet li dawk li xtaquha taħrab bħal Kristu kull meta ġew biex jagħmluh Sultan u joħorġuh mit-triq tas-Salib u tal-Qawmien li fassallu l-Missier.

 

Ħafna bnedmin ta’ rieda tajba fittxew id-Dawl fiha, fittxew lil Kristu, u ma sabuHx.  Il-kriżi tal-lum mhix kriżi ta’ persekuzzjoni bħal meta l-Knisja kienet tassew awtentika.  Hija kriżi li ilha sekli tinħema u qed naraw jiġru affarijiet madwarna li mhux se jispiċċaw fi żmienna.  Fil-punent, id-dar storika tal-Knisja, l-għalqa propja tagħha, il-Knisja ġiet imkeċċiha ’l barra.  Il-ġnus tal-punent ħarġu mill-Knisja u kulma baqagħlhom hi tiċlieqa ta’ kultura nisranija.  Numru żgħir ta’ qassisin qerdu l-għaraq u d-demm li ħafna presbiteri qaddisa xerdu matul is-sekli f’qadi erojku għal Kristu u l-Knisja tiegħu.  Il-Papa, figura ta’ għaqda, hu merut u attakkat minn ġewwa. 

 

Kull min hu midħla tal-Iskrittura, dan kollu jdoqqlu qanpiena f’widnejh.  Iżrael ma kienx fidil mal-Mulej għax dar lejn l-idoli tad-dinja.  Huwa xxaħxaħ u tpaxxa fuq sufani rotob u xorob l-inbid ħelu tax-xalar, u Eżekjel f’xena terribli li ġagħlitu jibki u jibqa’ mutu għal żmien twil, ra l-Preżenza ta’ Alla l-Għoli tabbanduna t-Tempju ta’ Ġerusalemm u titlaq lil hemm, ’il bogħod mill-poplu magħżul.  U Iżrael ġie meħud fl-Eżilju.  Tilef kulma kellu.  Kien fadallu biss in-nostalġija lejn l-imgħoddi u nstemgħet l-għanja kiebja: “Tibbiesli idi l-leminija jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm!  Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi jekk ma niftakarx fik, jekk ma nżommx lil Ġerusalemm ’il fuq minn kull ferħ tiegħi!”  (S. 137, 5-6). 

 

Il-Knisja ġiet itturrufnata minn Alla nnifsu li hu Sid l-Istorja.  It-taħbit tal-lum hu differenti mit-taħbit ta’ dari.  Din mhix persekuzzjoni imma Eżilju għall-Knisja.  Imma fl-Eżilju, Iżrael twieled mill-ġdid!!  Iġġedded!  Alla bagħatlu profeti kbar.  U fuq kollox, fl-Eżilju, Iżrael skopra l-Kelma!  Qabel kellu biss is-sagrifiċċji u l-liturġija tat-Tempju.  F’Babilonja dan kollu għeb.  Alla ħalla li t-Tempju, li minnu kienet telqet il-Preżenza tiegħu, ikun meqrud.  Issa, Iżrael skopra s-sinagoga, il-post fejn kienet tiddomina l-Kelma.  Ir-riti vojta u ipokriti li kellu ma bidlux il-qalb, imma l-Kelma iva, il-Kelma invadiet il-poplu li beka dnubu.  Iżrael irritorna lejn artu miżbur, imġedded, iben awtentiku tal-Missier.  Kollox għall-ġid! 

 

Din hi l-esperjenza li l-Knisja fil-punent tinsab għaddejja minha.  Kollox għall-ġid.  Anke f’pajjiżna, naturalment, għaddejjin minn żabra manja.  Ma nħallux l-agħa tal-festi, tal-Milied, tal-Għid, tal-Patrun jingannawna.  Il-Knisja f’Malta dieħla fl-Eżilju għax weħedha ma tistax tiġġedded u tirriforma ruħha.  Hu Alla li hu Sid l-Istorja, u Hu qed jibgħat is-“sinjali taż-żminijiet”.  Għad irridu ninżlu ferm iktar ’l isfel, qabel ma nibdew tilgħin ’il fuq. Imma kollox hu f’idejn il-Ħniena ta’ Alla.  Irid ikollna fiduċja fiH.  Hu biss jaf x’inhu jagħmel.  Li kieku aħna nsiru “alla” floku, kollox inbiddlu u nfarrku. 

 

Bħal Iżrael, il-Knisja trid tiskopri li l-Fidi ma tinbeniex biss fuq ir-riti tal-Liturġija, imma fuq trepied, kif qal il-Konċilju: il-Kelma, il-Liturġija u l-Knisja.  Qed naħlu ħafna enerġija fuq tnejn minnhom: il-Liturġija u l-Knisja, imma fuq żewġ saqajn biss il-banketta taqa’.  Hemm bżonn pastorali ġdida f’kull parroċċa. Liema? X’inhi?  L-Eżilju jurina.

 

L-Ewwel Qari

 

Possibbli li l-Ewropa għad terġa’ lura kollha ħeġġa għand Kristu?  Possibbli rinaxximent glorjuż għall-Knisja?  Possibbli li d-deżert maħruq għad jissaqqa u jsir ġnien jgħammex fi sbuħitu u dejjem imsoqqi tajjeb?  Possibbli li għad ikollna Knisja mimlija nies imħeġġa għal Kristu; mhux qaddis ’l hawn u ’l hemm, imma komunitajiet ta’ qaddisin?  Possibbli?  Iva!  Għax hawn m’aħniex nitkellmu fuq x’kapaċi jagħmel il-bniedem, imma x’kapaċi jagħmel Alla, Sid l-Istorja.

 

Alla huwa Sorpriża!  Dejjem oriġinali.  Qatt ma taf biex se joħroġlok.  L-Ispirtu hu bħar-riħ, la taf mnejn hu ġej lanqas fejn hu sejjer.  Min se jipprevedi biex se joħroġlok.  Illum, toħroġ tistieden lin-nies għal katekeżi ta’ daħla fil-Fidi adulta, u ħadd ma jagħti kasek.  Għax, bħalma jgħid il-Vanġelu, min se jiżżewweġ, min qed jistudja, minn xtara biċċa raba’, minn għandu l-bhejjem...  Possibbli li din l-art samma... li tinqeda bil-quddiesa tal-Ħadd biex tgħatti l-għera spiritwali tagħha... possibli li din l-art xagħrija għad twarrad b’opri li min hu xbieha ta’ Kristu biss jista’ jwettaq?  Il-Knisja għad terġa’ lura mill-Eżilju, bħal Iżrael. Imma Iżrael ma kienx jaf kemm se jdum itturrufnat, u lanqas il-Knisja.  Imma lura reġa’ ġie, u dan il-qari minn Ġeremija, jurina l-profeta jara mill-bogħod, minn ferm qabel, il-poplu ġej lura, ferħan.  Anke lilna jista’ jagħtina l-grazzja l-Mulej li naraw “mill-bogħod” Knisja mġedda li tistrieħ fuq trepied sod tal-Kelma ta’ Alla, tal-Liturġija u tal-komunjoni u l-għaqda ta’ bejn l-aħwa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  31, 7-9

 

 Dan jgħid il-Mulej: "Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus. Xandru, faħħru u niedu: 'Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-fdal ta' Iżrael. Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana, niġborhom minn truf l-art, lkoll kemm huma, l-għomja u z-zopop, in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas: kotra kbira terġa' lura hawn.  

 

Jiġu bil-biki, imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura. Immexxihom lejn l-ilma ġieri, minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux. Għax jien missier għal Iżrael, u Efrajm hu ibni l-kbir.

 

Salm Responsorjali

 

Fil-qari li qrajna tidher l-espressjoni “il-fdal ta’ Iżrael”.  Din hi frażi mportanti mmens fl-Iskrittura, għax Alla ma jimpressjonax ruħu bin-numru imma bil-Fidi tal-Fdal.  Il-Fdal dejjem hu ftit, ċkejken u dgħajjef.  Infatti l-Qari ta’ Ġeremija jsemmi li fost il-poplu li reġa’ lura spiritwalment imġedded, kien hemm iz-zopop, kien hemm in-nisa tqal u oħrajn bit-tfal imqabbdin magħhom.  Saħansitra kien hemm l-għomja!  Kollha xkiel dawn għal ġemgħa li qegħda f’Mixja, fi vjaġġ lura.  Imma Alla dejjem irid juri li l-ħwejjeġ kbar u qaddisa huwa Hu li jwettaqhom u mhux il-bniedem bl-għerf jew bil-qdusija tiegħu. 

 

Anke minn ġol-Knisja se jidher il-“Fdal”.  Dari kulħadd kien Nisrani f’pajjiżna.  Kienet tkun ħaġa ta’ barra minn hawn jekk fil-paroċċa kien ikun hemm imqar wieħed li ma jersaq qatt lejn il-knisja.  Ħafna kienu Nsara tal-isem; oħrajn kienu Nsara għax kienu jibżgħu mill-infern; oħrajn kienu Nsara midinba kbar; xi wħud kien Nsara ta’ veru.  quddiem is-sekulariżmu li Alla qed jippermetti, il-friegħi niexfa kollha nqatgħu jew qed jinqatgħu.  Għad ikun hemm “Fdal” qaddis, imsejjes fuq il-Kelma u fuq is-Sagramenti tal-Knisja.  Ekku t-trepied...  Mhux mingħajr il-Kelma.  Hija l-Kelma li tkebbes f’qalb il-bniedem Ħuġġieġa Qaddisa, ħeġġa missjunarja.  San Ġirolmu qal:  Min ma jafx l-Iskrittura lanqas jaf lil Kristu. 

 

Alla qed isawwar din il-Knisja “ġdida” imma “qadima” fl-istess ħin għax tmur lura lejn il-Knisja tal-Atti tal-Appostli u tal-ewwel sekli.  Għalhekk is-Salm li ġej jgħid: “Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!”  Il-Mulej kien kbir ma’ Iżrael, li minnu tnissel Ibnu l-Waħdieni bħala bniedem, u l-Mulej hu kbir mal-Knisja li minnha jitnissel Ibnu fid-dinja meta l-Knisja tnissel f’ġufha u twelled bnedmin bin-natura tal-Iben ta’ Alla fihom.  Il-Knisja awtentika, miżbura, umli u mġedda tagħmel preżenti lil Kristu fil-qalba tad-dinja. Għalhekk id-dinja ssalva permezz tal-istess Knisja li hi tgħajjar.  Din tkun sorpriża għad-dinja nnifisha u għalhekk is-Salm jgħid: “Imbagħad bdewjgħidu fost il-ġnus: ‘Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!’ U aħna bil-ferħ imtlejna.”  (vv. 2-3).

 

Imma dan iseħħ ’il quddiem.  Bħalissa hu żmien iż-żrigħ.  Hu żmien li l-Mulej iqalleb l-għalqa, jaħraq il-ħaxix ħażin, jarmi ’l hemm il-ġebel u ż-żrar, jerġa’ jibni l-ħitan tas-sejjiegħ li ġġarfu, u l-ilqugħ għal kontra r-riħ.  Xogħol iebes!  Is-Salm jgħid:  “Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana ta’ ferħ.  Huma u sejrin, imorru jibku, iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.  Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana ta’ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom.”  (vv. 5-6).

 

Ritornell: Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

 

Salm 126

 

Meta l-Mulej reġġa' lura l-imjassra ta' Sijon,

konna qisna mitlufa f'ħolma;

mbagħad bid-daħk imtela fommna,

u bl-għajat ta' ferħ ilsienna.

 

Mbagħad bdew jgħidu fost il-ġnus:

"Kbir f'għemilu l-Mulej magħhom!"

Kbir f'għemilu l-Mulej magħna!

U aħna bil-ferħ imtlejna.

 

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ

jaħsdu bl-għana ta' ferħ.

 

Huma u sejrin, imorru jibku,

iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ.

Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b'għana ta' ferħ,

iġorru l-qatet f'idejhom.

 

It-Tieni Qari

 

Il-kariżma tal-Qassis il-Kbir kienet li jidħol għall-poplu u jiddefendih quddiem Alla nnifsu. Dan kien jidher l-aktar darba fis-sena, nhar il-festa solenni mmens tal-Yom Kippur li għadha tiġi ċċelebrata f’Iżrael f’dan ix-xahar ta’ Ottubru.  “Yom Kippur” ifisser “Jum il-Maħfra”, u fi żmien meta kienet għadha teżisti l-Liturġija tat-Tempju, il-poplu kollu, fil-bliet u l-irħula kollha, kien jieqfu u jisktu għax  kienu jafu li f’dak il-ħin il-Qassis il-Kbir kien dieħel fil-“Qaddis tal-Qaddisin”.  Din kienet karma żgħira u vojta fit-Tempju.  Kienet iċ-ċentru tat-Tempju u ċ-ċentru tal-univers kollu għax fiha kienet tgħammar il-Preżenza, ix-Xekinah ta’ Alla nnifsu.  Speċi tat-Tabernaklu tagħna.

 

F’din il-kamra qaddisa, msejħa “il-Qaddis tal-Qaddisin”, l-iktar ftit metri kwadri qaddisa u sagri fid-dinja, ħadd ma seta jidħol ħlief bniedem wieħed, u dan darba fis-sena biss.  Dan il-bniedem kien appuntu l-Qassis il-Kbir.  Kien jidħol hemm ġew bid-demm ta’ annimal li fuqu l-poplu kollu kien tefa’ d-dnubiet tiegħu ta’ sena sħiħa.  Hemm ġew kien joffri d-demm bħala tpattija għal dnub il-poplu u jgħolli talba mill-isbaħ ta’ interċessjoni.  Issa, dan kollu jixgħel bozza f’moħħ kull Nisrani.

 

Għax dan kollu, bla ma kienu jafu l-Lhud, kien xbieha minn qabel ta’ dak li kellu jwettaq Ġesù Kristu.  Huwa hu l-Qassis il-Kbir li jidħol il-ħin kollu quddiem il-Missier u jilqa’ għalina lkoll billi juriH id-demm tat-tpattija, mhux demm ta’ xi annimal b’tixbiha, imma tiegħU innifsu. U bħalissa qiegħed juri l-pjagi tiegħu b’risq il-Knisja li hi aħna. 

 

Naturalment, dan, id-dinja ma tistax tifhmu jew tikkonċepih.  Huwa bl-għajnejn tal-Fidi li tinfetaħ din ix-xena meraviljuża quddiemna.  Kif nistgħu qatt naqtgħu qalbna mis-salvazzjoni personali tagħna u mill-futur tal-Knisja meta għandna Avukat Difensur bħal dan, lil Kristu, l-Iben ta’ Alla nnifsu? Huwa hu l-Qassis il-Kbir tagħna, kif ukoll il-vittma ta’ espjazzjoni, tat-tpattija għal dnubietna kollha.  Min jemmen fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, hu ġa ġġustifikat sa minn hawn!  Aħna ġġustifikati, magħmula ġusti, mhux bit-tqanżih tagħna biex nobdu l-kmandamenti, imma bil-Fidi fit-tbatja, l-Mewt  l-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesù għalina u f’isimna.  Hi din il-Fidi, u mhux l-opri tagħna, li jniżżlu l-Ispirut s-Santu jgħammar fina.  Hu jiftħilna għajnejna u jagħtina natura ġdida, in-natura ta’ Alla nnifsu. Jagħmilna nies ġodda u nkunu kapaċi ngħixu mhux biss l-Għaxar Kmandamenti, imma d-Diskors tal-Muntanja wkoll!  Imma mhux hawn tkun il-Glorja tagħna.  Il-Glorja tagħna tinsab fil-Fidi f’Ġesù li ta ruħu għalina.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  5, 1-6

 

Kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet.  Hu dak li jista' jagħder 'il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija;  u minħabba f'hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.  

 

Ħadd m'għandu jieħu b'idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron.

 

Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-Kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu:  “ Ibni int; illum jien nissiltek.”

U kif jgħid ukoll band'oħra:  Int qassis għal dejjem skond l-ordni ta’ Melkisedek.”

 

Evanġelju

 

Il-Knisja ġiet imqegħda fid-dinja biex, minħabba li fiha jgħammar Kristu rebbieħ fuq kull tip ta’ mewt, hi tkun Dawl li ddawwal id-dinja kollha permezz ta’ żewġ sinjali mportanti: l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa u l-Imħabba fil-qjies tas-Salib, jiġifieri lejn l-għadu.  Dawn is-sinjali kapaċi jagħtihom biss Kristu, imma billi hu poġġa l-Ispirtu tiegħu fil-Knisja, allura anke l-Knisja tagħtihom.  Din hi l-missjoni tagħha.  Mhux għax hi magħmulha minn ‘supermen’, imma għax fiha jgħammar Kristu.  U meta ngħidu “fiha” nfissru f’nies sempliċi bħalna.  Ma nitkellmux b’treoriji imma b’fatti għax id-dinja trid tara u tmiss biex temmen.

 

Imma kull Nisrani għandu responsabiltà quddiem Alla, għax jekk id-dnub jagħmih, ma jibqax jara bl-għajnejn tal-Fidi dak li jkun qed jiġri madwaru, allura jkun qed itappan id-Dawl tal-Knisja.  Kull wieħed minna jista’ jew iżid dan id-Dawl jew inaqqsu, itappnu.  Hu għalhekk li dawk involuti fit-traġedja tal-‘pedofelija’ qed jagħmlu tant ħsara lill-Knisja.  Huma saru dlam.  Huma għomja.  Tilfu d-dawl u dgħajfu d-Dawl ta’ Kristu li joħroġ mill-Knisja. Imma mhux dawn biss.  Anke jien, jekk nagħmel dnub li ħadd ma jaf bih, xorta nkun qed intappan id-Dawl ta’ Kristu.  L-istess, jekk soru, moħbija fil-kamra tal-kunvent, tinxteħet fl-art biex titlob b’qalbha kollha, mingħajr ħadd ħlief Alla mhu qed jaraha, hi tkun qed issaħħaħ id-Dawl tal-Knisja.

 

Il-Vanġelu jitkellem dwar l-agħma ta’ Ġeriko.  Hi storja ħelwa mmens u fiha katekeżi tal-għaġeb.  Infatti l-Vanġeli kollha nkitbu mill-Knisja tal-bidu bħala sistema ta’ katekeżijiet għall-katekumeni li kienu jkunu qed itħejjew għall-Magħmudija.  Għajnejn għomja huma l-għajnejn ta’ bniedem li ma jistax jara l-Imħabba ta’ Alla għalih imkien.  Huwa dlam kollu kemm hu, u jekk hu “Nisrani” qiegħed idallam ukoll lill-Knisja.  Imma hemm għomja li jafu li jeżisti d-Dawl, li teżisti l-Imħabba jekk jiskopruha.  Allura dawn jgħajtu quddiem Alla, quddiem Ġesù: “Mulej Ġesù, Iben Alla l-Ħaj, ikollok ħniena minni għax jien midneb!”  hija xi ftit jew wisq l-għajta tal-agħma ta’ Ġeriko.

 

Ġesù ma jistax ma jismagħhiex din l-għajta għad-Dawl veru.  Jista’ jkun li jdum, imma se jiġi l-waqt, u din b’garanzija, li fih Hu se jsejjaħ lil dak li qed jittallablu u jagħtih dak li jixtieq; jagħtih l-Ispirtu s-Santu li hu l-ikbar rigal li l-bniedem jista’ jirċievi.  Dan hu d-Dawl ħelu li jissorprendi lill-bniedem għax jibda jara kollox b’kuluri differenti; jibda jara dak li tassew hu mportanti għalih, u dak li hu frugħa li fuqha jkun ħela ħajtu fix-xejn.

 

Versett:  Hallelujah. Jien lill-Mulej nistenna, ruħi f’kelmtu tittama.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.  10, 46-52

 

F’dak iż-żmien:

 

Waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma' kotra kbira ta' nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb   tat-triq.   Dan, meta sama' li kien Ġesù ta' Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!"  Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" 

 

Ġesù waqaf u qal: "Sejjħulu." Huma sejjħu l-agħma u qalulu: "Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek."  Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.  U Ġesù kellmu u qallu: "Xi tridni nagħmillek?" "Li nerġa' nara, Rabbuni," wieġbu l-agħma.  "Mur," qallu Ġesù, "il-fidi tiegħek fejjqitek." U minnufih raġa' beda jara, u baqa' miexi warajh fit-triq.

 
< Prev   Next >