Din
hija il- Liturgija tat-Tnejn u Tletin Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Qegħdin noqorbu lejn it-tmiem tas-Sena Liturġika. Ħmistax oħra jkollna s-Solennità ta’ Kristu
Sultan fuq kollox, inkluża l-Mewt li twerwer lill-bniedem. Il-Liturġija tal-Kelma li l-Knisja tippreżentalna
fl-Ewkaristija ta’ dan it-32 Ħadd Matul is-Sena iġġib quddiem għajnejna diversi
aspetti. Nistgħu nitkellmu fuq is-setgħa
li Alla għandu li jwettaq ħwejjeġ li jmorru kontra n-natura miskina tagħna, u li
aħna nsejħulhom “mirakli”. Il-Kelma se
tkellimna wkoll fuq il-ħarsa ta’ Alla li tilħaq il-ġewwieni tagħna, il-qalb
tagħna. Hi ħaġa ħafifa għal Alla li
jifli l-qalb ta’ kull bniedem. B’kulħadd
nistgħu nidħku, iżda b’Alla le! Barra
minn dawn iż-żewġ temi, l-Ittra lil-Lhud li f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet
qegħda tiġi proklamata lilna, tkomplu anke llum tpoġġi quddiemna l-Misteru
bażiku tal-Fidi tagħna: Kristu bħala s-Saċerdot li l-ħin kollu qed jidħol
għalina quddiem il-Missier, anke meta aħna midinbin, anzi iktar għax aħna
midinbin u għandna tant bżonn l-interċessjoni tiegħu.
L-Ewwel Qari
Il-qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten jippreżentalna
l-Poplu ta’ Alla għaddej minn kriżi enormi, kemm spiritwali kif ukoll
ekonomika. Il-poplu tbiegħed minn Alla
għax kien immexxi ħażin mis-slaten tiegħu.
Dawn biex jitħabbu mal-pajjiżi ġirien kienu jiżżewġu prinċipessi
mid-djar irjali tagħhom u hekk jagħmlu allejanzi. Kien intesa ż-żmien meta l-poplu u s-slaten
tiegħu, bħal David u Salamun, kienu iktar javdaw fuq il-qawwa ta’ Alla milli
fil-ħbiberiji mal-bnedmin. Dawn in-nisa
barranin ġabu magħhom l-idoli u l-kult pagan tagħhom, u l-pajjiż imtela
bl-idoli u t-tempji tax-xjaten. Dan
laħaq il-quċċata tiegħu fi żmien is-saltna ta’ Re Aħab u l-mara barranija li
żżewweġ, Ġeżabel.
Bħas-soltu, il-poplu, bħan-nagħaġ ta’ Bendu, inġarr
mill-moda tal-mument, u qalbu daret lejn dawn l-allat li kont tista’ tarahom u
li ma kinux jippretendu ħajja morali tajba, anzi, t-tempji tagħhom kienu
mimlijin b’dawk li kienu jissejħu “prostituti sagri”.
Il-poplu nesa dak li Jahweh kien għamel miegħu matul
il-ġrajja kollha ta’ Iżrael. Nesa
l-għażla u l-wegħda tal-Messija. Nesa
l-Eġittu minn fejn kien inħeles, u d-deżert li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila
jaqsam waħdu. Imma kien għad fadal
“fdal”, bħalma l-Knisja se jibqagħla “fdal” fiż-żmien li ġej, “fdal” li baqa’
fidil u li iktar kemm ħżien l-ambjent ta’ madwaru iktar iggranfa mat-Tama
fil-Mulej. L-iktar wieħed magħruf minn
dan il-fdal fidil lejn il-Mulej kien il-Profeta Elija, bniedem mimli bin-nar
taż-żelu tal-Ispirtu s-Santu. Kien jgħix
f’dan iż-żmien imqalleb meta Alla neħħa idu minn fuq Iżrael u fuq il-pajjiż
waqa’ ġuħ kbir għax għal tliet snin sħaħ xita m’għamlet xejn.
F’dan ir-rakkont se nisimgħu kif Elija sab l-għajnuna
mingħand mara barranija, għax hu kien imkeċċi mill-pajjiż. Hawn niltaqgħu mat-tema tal-mirakli. L-Iskrittura, il-Bibbja, hija mimlija
ismijiet ta’ nies; kull paġna tikkonċerna nies konkreti bħalna li magħhom Alla
mexa b’mod tal-għaġeb. Alla qatt ma
għallem lill-poplu hu min hu iżda wera ruħu b’dak li għamel. U l-għemejjel ta’ Alla dejjem issuperaw
in-natura limitata tagħna. Issa dawn
il-mirakli Alla ma jagħmilhomx qisu qiegħed jagħmel il-maġija. Il-miraklu hu dejjem limitat u meqjus, anke
fi żmien Ġesù. Hu ma kienx jagħmel
miraklu ma’ kull marid li jara. Hu ma
ġiex fid-dinja biex ineħħi s-Salib tad-dinja, imma biex isalva d-dinja
mill-“mard tal-qalb” li hu iktar serju.
Għaliex Alla jwettaq il-miraklu sal-ġurnata tal-lum? Biex il-Kelma tiegħu titwemmen. Hija l-Kelma l-iktar importanti u l-Fidi li
hi tqanqal fil-bniedem. Meta l-Kelma ma
tkunx emmnuta, Alla jgħin lill-bniedem biex jemmen billi jwettaq
il-miraklu. Għalhekk il-miraklu dejjem
hu iktar minn att ta’ ħniena min-naħħa ta’ Alla. L-ikbar ħniena li Alla jista’ juri magħna hu
li jagħtina l-grazzja enormi li nemmnu tassew il-Kelma tiegħu speċjalment
l-Aħbar it-Tajba ta’ Ibnu li bil-merti tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu għamilna
qaddisin.
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten. 17, 10-16
F’dak
iż-żmien: Il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb
il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejjħilha u
qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f'bieqja belgħa ilma
x'nixrob.”
Hi
u sejra, Elija raġa’ sejjħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok,
kisra ħobż f'idek.” Hija
wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma
għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f'ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli.
Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u
mbagħad nikluha u mmutu.”
Elija
wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma
qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Mbagħad agħmel għalik u għal
ibnek. Għax din hi
l-kelma tal-Mulej, Alla ta' Iżrael:
Il-ġarra
tad-dqiq ma tintemm qatt,
u l-kus taż-żejt ma jitbattalx,
sa dak in-nhar li l-Mulej
jibgħat
ix-xita
fil-pajjiż.”
U
dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u
darha kollha. U
l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal
il-Mulej permezz ta' Elija.
Salm
Responsorjali
Dan
is-Salm jigglorifika lil Alla għall-mod meraviljuż li Hu jieħu ħsieb iż-żgħar
tiegħu, l-anawim, il-Fdal li dejjem
jibqa’ fidil miegħu f’kull ġenerazzjoni. Alla jagħraf lil dawk li huma tassew
tiegħu għax Hu jaqra l-qalb. Hu jaf min
hu umli u min hu supperv; min hu sinċier miegħU u min jimxi b’żewġt iqlub. Il-Fdal tal-Mulej, l-umli, huma dejjem
imwarrbin u mgħajra mis-soċjetà. Ma
jinagħtawx privileġġi u titli dawn in-nies, u lanqas ma jpoġġuhom fl-ewwel
postijiet. Imma hu bihom li Alla jaħdem
il-konverżjoni tal-popli għax Hu jagħmilhom melħ li jagħtu togħma lid-dinja,
dawl li jdawwal id-dlamijiet tal-ħażen u l-ħmira li tgħolli l-għaġna biex
il-bniedem jissaħħaħ fit-tajjeb.
Dawn
in-nies, il-Fdal ta’ Alla, huma dejjem moħbija.
Waħda minnhom tista’ tkun ġara tiegħek li fis-skiet ilha snin twal tieħu
ħsieb żewġha marid bid-dimenzja jew bil-parkinson. Oħrajn joħorġu jiddevertu jew iqattgħu il-ħin
barra, imma hi dejjem ġewwa, dejjem taqdi, dejjem fidila mingħajr ma tgerger
għax f’qalbha għandha l-paċi li tiġi mill-Imħabba. Ħadd ma jaf kemm sofriet biex tħobb, mara
bħal din. Imma Alla jaf għax Hu waħdu
jaqra l-qlub. Bħall-mara li rriskjat
ħajjitha u ħajjet binha għax emmnet b’sempliċità l-Kelma li taha Elija; jew
l-armla tal-Vanġelu tal-lum li tefgħet kulma kellha f’ħoġor il-Mulej. Dawn huma għemejjel ta’ Fidi sigrieti li ma
jiġbdux fuqhom il-prosit tan-nies għax ħadd ma jaf bihom. Imma Alla jaf u Hu jgħaġġel biex iwettaq
l-għeġubijiet li jisiltu d-dmugħ minn għajnejn dawn iċ-ċkejknin, kif se jgħid
Salm 146.
Ritornell: Faħħar, ruħ tiegħi, ’il-Mulej.
Salm
146
Il-Mulej iżomm kelmtu għal
dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż
lill-imġewwħin.
Il-Mulej li jeħles
lill-imjassrin’
Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa'
lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb
lill-ġusti;
Il-Mulej li jħares lill-barranin.
Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal
dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn
nisel għal nisel.
It-Tieni Qari
Hemm min jgħid li Alla ħalaq id-dinja billi
ordna l-“Big Bang”. Għad jiġi żmien meta
din id-definizzjoni tinbidel u jsibu oħra...
“Big Bang” ikbar mill-istess ħolqien tad-dinja seħħet elfejn sena ilu,
f’data storika, ħdejn il-belt ta’ Ġerusalemm fil-Ġudeja, provinċja tal-Imperu
Ruman... anzi lanqas ma kienet provinċja imma parti mill-provinċja
tas-Sirja. Fuq għolja ċkejkna maġenb
il-belt, bniedem ġie mneħħi bil-forka tas-Salib wara li kien sar ħaqq fuqu
quddiem il-gvernatur Ruman.
Kif qatt jista’ jkun li wieħed jista’ jsejjaħ
dan il-fatt bħala l-“Big Bang” tal-ħolqien kollu, aqwa mill-bidu stess
tal-eżistenza tiegħu? Għax fuq dik
l-għolja, sar fatt li ħalaq mill-ġdid lill-bniedem u ġedded il-ħolqien kollu! Alla niżel f’laħam dan il-bniedem ikkundannat
u intreħa f’idejn il-ħolqien tiegħu li dendlu bl-imsiemer mal-forka
tal-mewt. Il-bniedem qatel il Alla li
ħalqu!! Imma Alla kien qed jgħaddi minn
dan kollu b’risq il-bniedem li kien qed isallbu! Alla qatt ma seta’ jidħol fil-Mewt biex ikun
il-velenu tagħha, għax Hu ma setax imut.
Biex jidħol fil-Mewt kellu jsir suġġett għaliha u dan seħħ meta hu sar
bniedem dgħajjef bħall-bnedmin l-oħra.
Imma l-Mewt ma setgħetx iżżommU maħkum
minnha. Hu sploda l-Mewt li kienet tiddomina l-ħolqien kollu u nibbet il-Ħajja
ta’ Dejjem f’kull min jemmen dan il-Misteru li kien twettaq. Fejn qabel kienet issaltan il-Mewt, issa
bdiet issaltan Ħajja li ma tispiċċa qatt.
Din il-“Big Bang” għadha tibgħat l-imwieġ ta’ gravitazzjoni sal-lum u
tilħaq lilna kull darba li nisimgħu l-Aħbar tagħha.
It-Tieni Qari qed iwasslilna dan il-fenomenu
ikbar mill-qawwa li tmexxi l-kwiekeb.
L-Ittra lil-Lhud turina l-verità ta’ Kristu l-Qassis il-Kbir, il-Qassis
Waħdieni li jista jiddefendina quddiem Missieru, anke jekk aħna lkoll
midinbin. Hu qiegħed bħalissa, waqt li
int qed taqra dan, jinterċiedi għalik billi juri l-pjagi tiegħu lill-Missier u
jgħid: “Jien għal dan, għal din, tajt Ħajti, inagħtajt kollni kemm jien fuq dik
l-għolja biex il-merti tiegħi ikunu l-merti tiegħu/tagħha; l-ubbidjenza tiegħi
tkun l-ubbidjenza tiegħu/tagħha; il-ġustizzja tiegħi tkun il-ġustifikazzjoni
tiegħu/tagħha. Min jemmen fil-Misteru
tal-Għid ta’ Kristu jitlibbes bil-qdusija ta’ Kristu. Bil-Fidi aħna salvi! Dan hu l-Ferħ tal-Aħbar ta’ Kristu. Hu rebaħ kollox għalina. Hemm ‘account’ enormi, etern fil-bank ta’
Alla jgħajjat lil isimna. Għaliex? Għax ħdimna għalih aħna? Le. Hu
mpossibli li niksbu dan bil-merti tagħna.
Dan l-għana kollu kisbu Kristu għalina u jibda jgħodd f’isimna malli
nemmnu tassew fil-ġenerożità ta’ barra minn hawn li Alla wera magħna, midinbin,
f’Ibnu msallab u mqajjem mill-Mewt għalina. Din hi l-Fidi tal-Knisja. Dan hu l-faraġ tal-“Fdal” tal-Mulej.
Qari mill-Ittra lil-Lhud.
9, 24-28
Kristu ma daħalx f'santwarju magħmul b'idejn il-bnedmin li hu biss xbieha
tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem
Alla. U daħal hemm
mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir
jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien
ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja
taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub
għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra
lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġa' jidher
darb'oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin
jistennewh bil-ħerqa.
Evanġelju
Id-dixxerniment huwa don, rigal kbir tal-Ispirtu s-Santu. Ma jeżistix Nisrani veru li m’għandux dan
id-don. Id-dixxerniment huwa l-għerf
mill-Ispirtu li jdawlek fuq dak kollu li jiġri lilek u li jiġri lil kull min
jiġi jiftaħ qalbu miegħek. In-Nisrani
“jara” bl-għajnejn tal-Ispirtu ħwejjeġ li bniedem normali ma joħlomhomx. Huwa jaf li Alla l-ħin kollu jkellem
lill-bniedem dwar is-Salvazzjoni tiegħu ħafna drabi bil-ġrajjiet li jkun
għaddej minnhom. Imma bosta lil Alla ma
jisimgħuhx. Id-dnub tarraxhom; u lanqas
jaraw l-għemejjel ta’ Alla għax id-dnub jagħmi wkoll.
Naturalment, Ġesù Kristu kien imburġat bid-dixxerniment. Kien “jaqra” lil kull min kien imur
għandu. Il-poplu ma kellux dan
id-don. Fil-Fariżej kien jara nies li
tilgħin u neżlin it-Tempju, nies ta’ talb, jagħtu l-karità, kienu jsumu ħafna
iktar mill-appostli ta’ Ġesù. Għalhekk
in-nies kienu jimpressjonaw ruħhom, kienu jqimuhom, jirrispettaw il-kelma
tagħhom, jagħtuhom il-postijiet ta’ ġieħ fil-laqgħat u l-pranzijiet
tagħhom. Imma Gwanni l-Għammiedi kien
jaf x’qed jara quddiemu kull meta kienu jersqu lejh. Hu kien jgħajjarhom: “Ja nisel il-lifgħat!”
(Mt. 3, 7), u kien jheddidhom li l-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra biex
jekk ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat (ara Mt. 3, 10). Ara kif min ikun mimli bl-Ispirtu ta’ Alla ma
jibża’ minn ħadd u jiġi jaqa’ u jqum mill-“political correctness” li tesiġi
l-kultura ta żmienna.
Bħal Ġwanni, anzi aktar minnu, Kristu kellu ħafna kumbattimenti
mal-Fariżej, wieħed minnhom fil-Vanġelu tal-lum. Jekk Ġwanni kellu ħafna dixxerniment, u kien
“jara” dak li l-poplu ma kienx “jara”, Kristu kien id-“Dixxerniment”
ippersonifikat. Kien jaf xi tfisser
is-suppervja reliġjuża. Imma l-Fariżej
kienu u spiċċaw. Illum hawn aħna, u
kapaċi mmens nagħmluha ta’ Fariżej, niggustaw li nidhru “tajbin”, ibda
minni. Il-bniedem il-qadim tagħna qatt
mhu sodisfatt u dejjem bil-għatx għall-“prosit” ta’ ħaddieħor. Kemm hu tqil ikollna intenzjoni retta, kif
kif jgħid San Gorg Preca, u nagħmlu xi ħaġa totalment għall-glorja ta’ Alla!
Xi mkien ieħor il-Vanġelu jġib lil Kristu jgħid ħwejjeġ terribbli lil dawk
l-“Insara” li mingħalihom li huma għall-Ġenna dritt u jsibuha faċli jiġġudikaw
lil ħaddieħor. “F’dak il-jum ikun hemm
ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek
keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’ Imbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma
kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom
li tagħmlu l-ħażen!” (Mt. 7,
22-23). Min se jħossu komdu li dan
il-kliem żgur li mhux se jisimgħu hu f’Jum il-Ħaqq? Huwa kliem misterjuż. Għandna bżonn tunnellata dixxerniment
mingħand l-Ispirtu s-Santu biex ngħarfu l-verità tagħna, aħna min aħna, u
l-verità tagħmilna umli u żgħar.
Umli u żgħar bħall-armla li kienet “kbira” f’għajnejn Ġesù u t-tliet
milleżmi tagħha quddiem Alla swew iktar minn blokk flats jew torri ta’ erbgħin
sular!
Versett: Hallelujah. Ishru, u itolbu
l-ħin kollu, biex dtieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.
12, 38-44
F’dak
iż-żmien: Ġesù, Hu u jgħallimhom qal ukoll: "Iftħu għajnejkom
mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min
isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta'
quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid
ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna
aktar iebsa."
Kien
qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta
għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet
biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. Hu sejjaħ id-dixxipli
tiegħu u qalilhom: "Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet
iktar minn dawk kollha li tefgħu
fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi,
fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix."
|