Din
hija il- Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kemm
aħna xortina tajba li għandna xi ftit, almenu xi ftit Fidi fi Kristu Ġesù,
l-Iben il-Waħdieni tal-Missier, il-waħdieni li rebaħ il-Mewt! Kemm aħna xortina
tajba li ġejna mmarkati bil-Magħmudija tiegħU!
Kemm aħna xxurtjati li favur tagħna hemm jgħajtu l-merti eterni u bla
tmiem ta’ Ġesù li daħal flokna u b’risq tagħna fil-Mewt u rebħilha!
Dan
kollu jieħu sura ħafna aktar urgenti u ta’ valur kbir meta jkollna naħsbu li
l-qagħda tagħna fuq din il-pjaneta-dinja mhix għal dejjem. Aħna ġejna maħluqin mhux b’kumbinazzjoni, (xi
kruha ta’ idea!), imma ġejna maħluqa għal x’imkien ieħor. Aħna ninsabu dejjem fi vjaġġ u dan fejn qed
ngħammru bħalissa mhux pajjiżna.
Pajjiżna, il-post merfugħ għalina huwa ieħor, ħafna isbaħ, ħafna
aħjar. Tant hu isbaħ u aħjar, li min
kien jaf x’inhu jagħmel, min ġie minn hemm biex jgħammar magħna hawn, Kristu
Ġesù, ħass li kienet vallapena li jidħol f’Mewt orribbli u jindifen taħt l-art,
Hu li kien l-istess awtur tal-Ħajja, biex ikun jista’ “jixtrilna” dan il-post
li qed jistenniena.
Dari
kien jaħsbu ħafna fuq in-novissmi. Forsi
kien jesaġeraw. Ta’ tifel kont nibża’
nħares lejn it-tubru fil-knisja, u l-irjus ta’ mewt impittra. Illum, bħas-soltu, fl-għerf kbir (!) tiegħu,
il-bniedem mar in-naħa l-oħra.
Il-bniedem dejjem qisu l-pendlu tal-arloġġ! Illum il-bniedem jaljena ruħu biex ma jaħsibx
fuq il-mewt. Xi bluha! X’għerf modern! Jekk hemm problema, tiskonġraha billi tidħol
ġo fiha u ssolviha, mhux taħrabha. Min
se jsolvi l-Mewt? Ħadd, imma l-mewt ġiet
solvuta għall-bniedem li jemmen, solvuta minn Kristu.
In-Nisrani
m’għandux għalfejn jibża’ jaħseb fuq il-Mewt u l-Ħajja ta’ wara din għax
il-Fidi tagħtih garanzija li hu werriet ta’ ħwejjeġ enormi li għajn qatt ma rat
u widna qatt ma semgħet! Dan jgħidulna
mhux min hu giddieb bħal ħafna madwarna, imma Alla, u Alla ma jigdibx. Hemm is-Sema tistenniena. Hemm il-Ġenna! Hemm Ħajja bla tmiem. Hemm id-dehra ta’ Alla għax aħna nkunu
nistgħu inħarsu lejH, narawH kif inhu, u nkunu sirna, jew aħjar, ġejna magħmula
bħalu la narawH kif inhu! Għeġubijiet li
jbellhu moħħ il-bniedem. Din hi
l-istennija ta’ min għandu l-Fidi.
Għalhekk fil-bidu għidt kemm aħna hienja jekk għandna mqar il-bidu
tal-Fidi.
Dan
hu l-għana veru. Dan hu l-“account” li tassew jiswa l-biljuni ta’ biljuni
fil-bank. Il-bank kollu tagħna! Qiegħed jistenniena, anzi qed jiġbor l-imgħax
għalina, mhux għax aħna ġusti, mhux għax aħna qaddisin minna nfusna. Aħna lkoll nies dgħajfa u nitriedu quddiem
il-prova, imma dak kollu li hu ta’ Kristu hu tagħna! Il-merti tiegħu huma l-merti tagħna! Ir-rebħa fuq il-mewt tiegħu hija r-rebħa fuq
il-mewt tagħna! BiH aħna sirna ulied
is-Sultan li qed jistenniena bil-ħerqa biex ikun jista’ jdewwaqna l-veru Ferħ,
il-Ferħ tal-Ġenna.
L-Ewwel
Qari
Ħafna
jridu jafu x’se jiġri fil-futur. Jagħmlu
minn kollox biex isiru sidien tal-futur.
Bħal Eva, jtawlu jdejhom lejn is-siġra tal-“Għarfien” biex isiru bħal
Alla. Illum, is-saħħara u dawk li
jeħbru, qed jiżdiedu kuljum. Ilkoll sinjuruni!
Hemm dinja kontra Alla mmexxija minn mutur li ma jisħonx u ma jgħejjiex
u dan il-mutur jismu “flus”. Għall-flus
il-bniedem jagħmel kollox għax mingħalih bil-flus ikollu sur qawwi mibni
b’ħafna saffi li jagħlaqlu barra l-Mewt!
Dan
qed ngħidu, għax lil-profeti ġieli Alla
kien jurihom il-futur b’risq il-poplu tiegħu.
Dan li tagħraf il-futur hu kariżma ta’ wġigħ immens. Fil-qari tal-lum Danjel jiġi mgħarraf minn
xhiex se jgħaddi l-poplu ta’ Alla u jibda jibki kemm jiflaħ. Il-Papa qaddis San Pawlu VI ra minn qabel
x’kien se jiġri fil-kultura tal-punent minħabba r-rivoluzzjoni sesswali
tas-sittinijiet u l-użu bla rażan tal-kontraċettivi. Hu kien qal li dan kollu se jwassal
għall-qerda ta’ nazzjonijiet sħaħ u dan illum hu konfermat minn studji
xjentifiċi dwar il-fertilità tal-pajjiżi li darba kienu l-iktar
b’saħħithom. Miskin il-profeta li waħdu,
waħdu jkun qed jara x’se jiġri. Hu
jħambaq għal xejn għax il-merħla tibqa’ sejra tiġri, wieħed wara l-ieħor, waħda
wara l-oħra lejn l-abbiss li ħadd mhu jarah.
Imma
l-profeta jiġi muri wkoll il-ħniena ta’ Alla li finalment issalva lill-“Fdal”
li jemmnu.
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Danjel. 12, 1-3
F'dak iż-żmien, jien Danjel, bdejt nibki, u
smajt lill-Mulej jgħidli: “F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il- prinċep il-kbir, dak
li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Mbagħad jiġi żmien ta' għawġ, li qatt ma
jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun
żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba
fil-ktieb. U ħafna
minn dawk li huma rieqda fit-trab ta' l-art jistenbħu, min għall-ħajja ta'
dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.
Il-bnedmin
bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu 'l
ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta' dejjem.
Salm Responsorjali
Il-bniedem ġust, il-bniedem tal-Fidi, ikun imdawwar
kemm ikun bil-għawġ, xorta jibqa’ jittama fil-Mulej, u dan iservi ta’ sur
għalih. Miegħu idur l-Ispirtu s-Santu
kif dar ma’ dawk it-tliet żgħażagħ fil-ħuġġieġa tan-nar; ikun bħal żiffa ħelwa
waqt li madwar hemm in-nirien jagħtu u jogħlew.
Dan il-bniedem għandu ċertezza waħda f’qalbu: il-Mewt hi mirbuħa,
Hallelujah! Jista’, ma’ San Pawl ikanta:
“Inbelgħet il-Mewt fir-rebħa! Fejn hi ja
Mewt ir-rebħa tiegħek? Fejn hi ja Mewt in-niggieża tiegħek? (1 Kor. 15, 54-55).
Is-Salmista hawn jifraħ għax isib kenn fil-Mulej. Hemm tama għall-bniedem “tajjeb”, jiġifieri
dak li jemmen li lilu Alla ħabbu hekk kif inhu dgħajjef u miskin. Is-Salm hu Salm paskwali għax jitkellem fuq
it-trijonf tal-Għid fil-Ħajja, mhux ta’ Kristu biss, imma ta’ dawk kollha li
jemmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħU. Għax
is-Salm jgħid: “Tifraħ għahekk qalbi u tithenna ruħi, u ġismi jistrieħ
bil-kwiet. Għax inti ma tħallix lil ruħi
fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir. Int turini t-triq tal-ħajja…” (S. 16, 9-11).
Ritornell:
Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
Salm
16
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u
r-riżq tiegħi,
inti żżomm f'idejk xortija.
Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.
It-Tieni Qari
Illum naqraw l-aħħar silta mill-Ittra lil-Lhud, ittra
mill-isbaħ li akkompanjatna f’dawl l-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika. Din l-Ittra tkompli tisħaq fuq il-Misteru
meraviljuż ta’ Kristu l-Qassis ta’ Dejjem li waħdu u Hu biss jista’ tassew
jidħol għalina l-midinbin quddiem il-monstru tal-Mewt u jaħtafna għal quddiem
Alla Missierna.
Is-sagrifiċċji u dak kollu li nistgħu nivvintaw aħna,
ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet, għalkemm, naturalment, il-Mulej irid jara
l-indiema tagħna u anke l-isforzi msejkna tagħna biex inpattu għall-iżbalji li
aħna lkoll nagħmlu. Imma d-dnubiet
tad-dinja jinħafru biss bis-sagrifiċċju tal-Ħaruf ta’ Alla, li bl-ubbidjenza
tiegħu rebaħ għalina merti enormi li qatt ma stajna noħolmu li nakkwistaw
aħna. Din hi l-Aħbar it-Tajba ta’
Ġesù. Hu huwa l-Qassis li mhux biss
jilqa’ u jinterċiedi għalina, imma ta’ Ħajtu u Demmu kollu. Hu jidħol għal dejjem bid-Demm għażiż tiegħu
quddiem il-Missier u dan id-Demm, anke qatra waħda biss minnu, huwa biżżejjed
biex jaħsel il-ħażen tad-dinja kollha.
Imma hemm kundizzjoni.
Bħal meta wieħed jiġi mogħti ċekk jiswa l-biljuni u jaħseb li din xi
ċajta. Ma jemminx li din ix-xorti messet
lilu. Għalhekk jarmi dik il-biċċa karta
u jxengel rasu u jibqa’ sejjer. Qatt ma
mar il-bank jiġbed it-Teżor tiegħu! U
dawk il-merti ta’ Kristu jibqgħu hemm moħbja u magħluqa għal dawk li ma
jemmnux. Għal dawn Kristu miet
għalxejn! Din hija d-dieqa eterna ta’
Alla.
Qari
mill-Ittra lil-Lhud. 10, 11-14. 18
Kull qassis ieħor
imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa' joffri l-istess
sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed
għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta' Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma
l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh.
Għax hu b'offerta waħda
għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra
tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.
Evanġelju
Kulma
ġara fl-Istorja tal-bniedem... kulma hemm miktub fil-Bibbja... kollox jipponta
lejn Kristu s-Salvatur tal-umanità. Fuqu
wkoll waqgħet id-dieqa tal-profeta li jaf x’se jiġri u jipprova jsalva lil kull
min jista’, imma l-Kelma tiegħu ma titwemminx u ma jagħtux kasha. Ix-xorti li messet lil kull profeta
fit-Testment l-Antik kienet xbiha ta’ dak li kellu jgħaddi minnu l-Iben
il-Waħdieni ta’ Alla.
Ġeremija
beka għax kien jaf li Ġerusalemm kienet se tinqered. Eżekjel beka meta ra l-Glorja tal-Preżenza ta’
Alla titlaq minn fost Iżrael għax il-poplu ma kienx fidil. Danjel beka, kif rajna fl-ewwel qari. Hosegħa beka meta nduna li t-tradimenti ta’
martu kienu biss xbieha tat-tradimenti ta’ Iżrael kontra l-Għarus tagħha
Jahweh. Kristu beka fuq Ġerusalemm. Kristu beka u għaraq l-għaraq tad-demm
fil-Ġetsemani meta ra kemm bnedmin kienu se jiġu jaqgħu u jqumu mis-sagrifiċċju
tal-biża’ li kien se jidħol għalih f’isimhom.
Din hija x-xorti tal-Profeta.
Lill-Appostli
Ġesù jgħidilhom kollox, imma x’setgħu fehmu jew emmnu dawn? Hu jġibilhom l-eżempju tas-siġra
tat-tin. Il-bniedem jifhem ħafna
fin-natura u kapaċi jaqra s-sinjali fis-sema li jgħidulu jekk hux ġej il-bnazzi
jew il-maltemp. Illum aħna mmorru
fl-ispazji nfiniti u ilu li nżilna
nippassiġġaw fuq il-qamar, imma s-sinjali li jibagħtilna Alla, kemm fil-ħajja
personali tagħna, kemm fil-ħajja tal-Knisja u kemm fil-ħajja tad-dinja, dawn
min jagħrafhom? Il-bniedem jibqa’ miexi
rasu ’l isfel iħares lejn l-art... miexi lejn it-tarf... u jibqa’ joħlom.
Versett:
Hallelujah. Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna
tal-ħajja. Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta San Mark. 13, 24-32
F’dak
iż-żmien : Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "Imma f'dawk il-jiem,
wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija
tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema. Mbagħad jaraw lil
Bin il-bniedem ġej fis-sħab b'qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad
jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn
tarf l-art sa tarf is-sema.
"Mis-siġra
tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq,
intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri,
kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix
dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma
kliemi ma jgħaddix.
"Dwar
dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u
anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.
|