Friday, 14 December 2018
           
Home arrow Home
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2018) HSIBIJIET DWAR IT-TMIEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 18 November 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tlieta u Tletin Hadd matul is-Sena bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_l-ahhar_tad-dinja.jpg

 

Kemm aħna xortina tajba li għandna xi ftit, almenu xi ftit Fidi fi Kristu Ġesù, l-Iben il-Waħdieni tal-Missier, il-waħdieni li rebaħ il-Mewt! Kemm aħna xortina tajba li ġejna mmarkati bil-Magħmudija tiegħU!  Kemm aħna xxurtjati li favur tagħna hemm jgħajtu l-merti eterni u bla tmiem ta’ Ġesù li daħal flokna u b’risq tagħna fil-Mewt u rebħilha!

 

Dan kollu jieħu sura ħafna aktar urgenti u ta’ valur kbir meta jkollna naħsbu li l-qagħda tagħna fuq din il-pjaneta-dinja mhix għal dejjem.  Aħna ġejna maħluqin mhux b’kumbinazzjoni, (xi kruha ta’ idea!), imma ġejna maħluqa għal x’imkien ieħor.  Aħna ninsabu dejjem fi vjaġġ u dan fejn qed ngħammru bħalissa mhux pajjiżna.  Pajjiżna, il-post merfugħ għalina huwa ieħor, ħafna isbaħ, ħafna aħjar.  Tant hu isbaħ u aħjar, li min kien jaf x’inhu jagħmel, min ġie minn hemm biex jgħammar magħna hawn, Kristu Ġesù, ħass li kienet vallapena li jidħol f’Mewt orribbli u jindifen taħt l-art, Hu li kien l-istess awtur tal-Ħajja, biex ikun jista’ “jixtrilna” dan il-post li qed jistenniena.

 

Dari kien jaħsbu ħafna fuq in-novissmi.  Forsi kien jesaġeraw.  Ta’ tifel kont nibża’ nħares lejn it-tubru fil-knisja, u l-irjus ta’ mewt impittra.  Illum, bħas-soltu, fl-għerf kbir (!) tiegħu, il-bniedem mar in-naħa l-oħra.  Il-bniedem dejjem qisu l-pendlu tal-arloġġ!  Illum il-bniedem jaljena ruħu biex ma jaħsibx fuq il-mewt.  Xi bluha!  X’għerf modern!  Jekk hemm problema, tiskonġraha billi tidħol ġo fiha u ssolviha, mhux taħrabha.  Min se jsolvi l-Mewt?  Ħadd, imma l-mewt ġiet solvuta għall-bniedem li jemmen, solvuta minn Kristu. 

 

In-Nisrani m’għandux għalfejn jibża’ jaħseb fuq il-Mewt u l-Ħajja ta’ wara din għax il-Fidi tagħtih garanzija li hu werriet ta’ ħwejjeġ enormi li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet!  Dan jgħidulna mhux min hu giddieb bħal ħafna madwarna, imma Alla, u Alla ma jigdibx.  Hemm is-Sema tistenniena.  Hemm il-Ġenna!  Hemm Ħajja bla tmiem.  Hemm id-dehra ta’ Alla għax aħna nkunu nistgħu inħarsu lejH, narawH kif inhu, u nkunu sirna, jew aħjar, ġejna magħmula bħalu la narawH kif inhu!  Għeġubijiet li jbellhu moħħ il-bniedem.  Din hi l-istennija ta’ min għandu l-Fidi.  Għalhekk fil-bidu għidt kemm aħna hienja jekk għandna mqar il-bidu tal-Fidi.

 

Dan hu l-għana veru. Dan hu l-“account” li tassew jiswa l-biljuni ta’ biljuni fil-bank.  Il-bank kollu tagħna!  Qiegħed jistenniena, anzi qed jiġbor l-imgħax għalina, mhux għax aħna ġusti, mhux għax aħna qaddisin minna nfusna.  Aħna lkoll nies dgħajfa u nitriedu quddiem il-prova, imma dak kollu li hu ta’ Kristu hu tagħna!  Il-merti tiegħu huma l-merti tagħna!  Ir-rebħa fuq il-mewt tiegħu hija r-rebħa fuq il-mewt tagħna!  BiH aħna sirna ulied is-Sultan li qed jistenniena bil-ħerqa biex ikun jista’ jdewwaqna l-veru Ferħ, il-Ferħ tal-Ġenna.

 

L-Ewwel Qari

 

Ħafna jridu jafu x’se jiġri fil-futur.  Jagħmlu minn kollox biex isiru sidien tal-futur.  Bħal Eva, jtawlu jdejhom lejn is-siġra tal-“Għarfien” biex isiru bħal Alla.  Illum, is-saħħara u dawk li jeħbru, qed jiżdiedu kuljum. Ilkoll sinjuruni!  Hemm dinja kontra Alla mmexxija minn mutur li ma jisħonx u ma jgħejjiex u dan il-mutur jismu “flus”.  Għall-flus il-bniedem jagħmel kollox għax mingħalih bil-flus ikollu sur qawwi mibni b’ħafna saffi li jagħlaqlu barra l-Mewt!

 

Dan qed ngħidu, għax lil-profeti ġieli  Alla kien jurihom il-futur b’risq il-poplu tiegħu.  Dan li tagħraf il-futur hu kariżma ta’ wġigħ immens.  Fil-qari tal-lum Danjel jiġi mgħarraf minn xhiex se jgħaddi l-poplu ta’ Alla u jibda jibki kemm jiflaħ.  Il-Papa qaddis San Pawlu VI ra minn qabel x’kien se jiġri fil-kultura tal-punent minħabba r-rivoluzzjoni sesswali tas-sittinijiet u l-użu bla rażan tal-kontraċettivi.  Hu kien qal li dan kollu se jwassal għall-qerda ta’ nazzjonijiet sħaħ u dan illum hu konfermat minn studji xjentifiċi dwar il-fertilità tal-pajjiżi li darba kienu l-iktar b’saħħithom.  Miskin il-profeta li waħdu, waħdu jkun qed jara x’se jiġri.  Hu jħambaq għal xejn għax il-merħla tibqa’ sejra tiġri, wieħed wara l-ieħor, waħda wara l-oħra lejn l-abbiss li ħadd mhu jarah.

 

Imma l-profeta jiġi muri wkoll il-ħniena ta’ Alla li finalment issalva lill-“Fdal” li jemmnu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.  12, 1-3

 

 F'dak iż-żmien, jien Danjel, bdejt nibki, u smajt lill-Mulej jgħidli: “F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il- prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Mbagħad jiġi żmien ta' għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb.  U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab ta' l-art jistenbħu, min għall-ħajja ta' dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.

 

Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu 'l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta' dejjem.

 

Salm Responsorjali

 

Il-bniedem ġust, il-bniedem tal-Fidi, ikun imdawwar kemm ikun bil-għawġ, xorta jibqa’ jittama fil-Mulej, u dan iservi ta’ sur għalih.  Miegħu idur l-Ispirtu s-Santu kif dar ma’ dawk it-tliet żgħażagħ fil-ħuġġieġa tan-nar; ikun bħal żiffa ħelwa waqt li madwar hemm in-nirien jagħtu u jogħlew.  Dan il-bniedem għandu ċertezza waħda f’qalbu: il-Mewt hi mirbuħa, Hallelujah!  Jista’, ma’ San Pawl ikanta: “Inbelgħet il-Mewt fir-rebħa!  Fejn hi ja Mewt ir-rebħa tiegħek? Fejn hi ja Mewt in-niggieża tiegħek? (1 Kor. 15, 54-55).

 

Is-Salmista hawn jifraħ għax isib kenn fil-Mulej.  Hemm tama għall-bniedem “tajjeb”, jiġifieri dak li jemmen li lilu Alla ħabbu hekk kif inhu dgħajjef u miskin.  Is-Salm hu Salm paskwali għax jitkellem fuq it-trijonf tal-Għid fil-Ħajja, mhux ta’ Kristu biss, imma ta’ dawk kollha li jemmnu fil-Misteru tal-Għid tiegħU.  Għax is-Salm jgħid: “Tifraħ għahekk qalbi u tithenna ruħi, u ġismi jistrieħ bil-kwiet.  Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet, ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.  Int turini t-triq tal-ħajja…”  (S. 16, 9-11).

 

Ritornell: Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.

 

Salm 16

 

 Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f'idejk xortija.

Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

It-Tieni Qari

 

Illum naqraw l-aħħar silta mill-Ittra lil-Lhud, ittra mill-isbaħ li akkompanjatna f’dawl l-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika.  Din l-Ittra tkompli tisħaq fuq il-Misteru meraviljuż ta’ Kristu l-Qassis ta’ Dejjem li waħdu u Hu biss jista’ tassew jidħol għalina l-midinbin quddiem il-monstru tal-Mewt u jaħtafna għal quddiem Alla Missierna. 

 

Is-sagrifiċċji u dak kollu li nistgħu nivvintaw aħna, ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet, għalkemm, naturalment, il-Mulej irid jara l-indiema tagħna u anke l-isforzi msejkna tagħna biex inpattu għall-iżbalji li aħna lkoll nagħmlu.  Imma d-dnubiet tad-dinja jinħafru biss bis-sagrifiċċju tal-Ħaruf ta’ Alla, li bl-ubbidjenza tiegħu rebaħ għalina merti enormi li qatt ma stajna noħolmu li nakkwistaw aħna.  Din hi l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù.  Hu huwa l-Qassis li mhux biss jilqa’ u jinterċiedi għalina, imma ta’ Ħajtu u Demmu kollu.  Hu jidħol għal dejjem bid-Demm għażiż tiegħu quddiem il-Missier u dan id-Demm, anke qatra waħda biss minnu, huwa biżżejjed biex jaħsel il-ħażen tad-dinja kollha.

 

Imma hemm kundizzjoni.  Bħal meta wieħed jiġi mogħti ċekk jiswa l-biljuni u jaħseb li din xi ċajta.  Ma jemminx li din ix-xorti messet lilu.  Għalhekk jarmi dik il-biċċa karta u jxengel rasu u jibqa’ sejjer.  Qatt ma mar il-bank jiġbed it-Teżor tiegħu!  U dawk il-merti ta’ Kristu jibqgħu hemm moħbja u magħluqa għal dawk li ma jemmnux.  Għal dawn Kristu miet għalxejn!  Din hija d-dieqa eterna ta’ Alla.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  10, 11-14. 18

 

 Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġa' joffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet.  Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta' Alla,  fejn qiegħed  jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. 

 

Għax hu b'offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

 

Evanġelju

 

Kulma ġara fl-Istorja tal-bniedem... kulma hemm miktub fil-Bibbja... kollox jipponta lejn Kristu s-Salvatur tal-umanità.  Fuqu wkoll waqgħet id-dieqa tal-profeta li jaf x’se jiġri u jipprova jsalva lil kull min jista’, imma l-Kelma tiegħu ma titwemminx u ma jagħtux kasha.  Ix-xorti li messet lil kull profeta fit-Testment l-Antik kienet xbiha ta’ dak li kellu jgħaddi minnu l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.

 

Ġeremija beka għax kien jaf li Ġerusalemm kienet se tinqered.  Eżekjel beka meta ra l-Glorja tal-Preżenza ta’ Alla titlaq minn fost Iżrael għax il-poplu ma kienx fidil.  Danjel beka, kif rajna fl-ewwel qari.  Hosegħa beka meta nduna li t-tradimenti ta’ martu kienu biss xbieha tat-tradimenti ta’ Iżrael kontra l-Għarus tagħha Jahweh.  Kristu beka fuq Ġerusalemm.  Kristu beka u għaraq l-għaraq tad-demm fil-Ġetsemani meta ra kemm bnedmin kienu se jiġu jaqgħu u jqumu mis-sagrifiċċju tal-biża’ li kien se jidħol għalih f’isimhom.  Din hija x-xorti tal-Profeta.

 

Lill-Appostli Ġesù jgħidilhom kollox, imma x’setgħu fehmu jew emmnu dawn?  Hu jġibilhom l-eżempju tas-siġra tat-tin.  Il-bniedem jifhem ħafna fin-natura u kapaċi jaqra s-sinjali fis-sema li jgħidulu jekk hux ġej il-bnazzi jew il-maltemp.  Illum aħna mmorru fl-ispazji nfiniti u ilu li  nżilna nippassiġġaw fuq il-qamar, imma s-sinjali li jibagħtilna Alla, kemm fil-ħajja personali tagħna, kemm fil-ħajja tal-Knisja u kemm fil-ħajja tad-dinja, dawn min jagħrafhom?  Il-bniedem jibqa’ miexi rasu ’l isfel iħares lejn l-art... miexi lejn it-tarf... u jibqa’ joħlom.

 

Versett: Hallelujah. Ibqa’ fidil sal-mewt, igħid il-Mulej, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta San Mark.  13, 24-32

 

F’dak iż-żmien : Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "Imma f'dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu,  il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema.  Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b'qawwa kbira u bi glorja.  U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

 

"Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib.  Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.  Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu.  Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

 

"Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

 

 
< Prev   Next >