Din
hija il- Liturgija ta' L-ahhar Hadd matul is-Sena bi hsibijiet min Joe Rapa.
Hieni
l-bniedem li Kristu tassew jiġi qabel kollox fil-Ħajja tiegħu! Kemm huma ftit dawn in-nies! Kemm nixtieq inkun wieħed minnhom! Din hi Grazzja kbira li ma tinkisibx minn dak
li jkun minħabba li hu “tajjeb” jew għandu xi merti minn tiegħu, imma għax hu
miktub li jkun xhud, Nisrani ta’ veru.
Kemm hawn nies ingannati fuq din il-ħaġa! Kemm hu tal-għaġeb, meraviljuż, li Kristu
jkun fiċ-ċentru tal-eżistenza tiegħek, għax jekk hu hekk, tassew li Ħajtek
għandha sens, għax Kristu biss jagħti sens lil kollox. BiH kollox hu sabiħ, anke t-tbatija fija
sens. Minn kollox joħroġ il-ġid għalik. Kollox jeżisti għalik u favur tiegħek għax
fik jgħammar bil-kotra l-Ispirtu ta’ Dak li waħdu, u Hu biss, rebaħ il-Mewt.
L-ikbar
problema li għandu l-bniedem hu li hu jrid imut u li fuq dan m’għandu l-ebda
kontroll. Int taħseb li l-problemi
tiegħek huma oħrajn: qed tistudja u għandek bżonn tgħaddi minn eżami biex issib
xogħol xieraq u li jirrendi; għad m’għandekx tfajla jew ġuvni li magħha/miegħu
tkun tista’ tibni familja u jkollok ulied bħal ħaddieħor; m’intix kuntent fuq
ix-xogħol; għandek l-inkwiet fil-familja; inkwiet ta’ flus; inkwiet ta’
saħħa... elf ħaġa tista’ ssemmi. Imma
l-ikbar problema li għandek, anke jekk għadek żagħżugħ u ma taħsibx fuqu dan,
huwa l-Mewt.
Jekk
b’xi mod tal-għaġeb jivvintaw xi ħaġa li tassigura li ħadd mhu se jmut iktar,
kollox jinbidel fid-dinja u dak li llum jidher tant serju u tqil, isir ħaġa tassew
ċkejkna, bla importanza. Huwa l-biża’
tal-Mewt li hemm fis-subkonxju tagħna li jisraq il-kulur mis-sbuħija tal-Ħajja,
għax il-Mewt fiżika hi omm ħafna mwiet oħra, imwiet psikoloġiċi li żgur ma
jmissux magħna li kieku għandna garanzija, ċertezza, li l-Ħajja hi għal
dejjem. Ngħidu kemm irridu li nemmnu li
anke jekk il-ġisem imut, il-Ħajja tkompli għax hekk għalmuna, xorta ngħixu
mħassbin, u din il-Fidi fl-eternità li ngħidu li għandna tinkines lil hemm
quddiem aħbar ħażina. Għaliex għandu
jkun hekk? Għaliex il-bniedem, ikollu
kemm ikollu, jistagħna kemm jistagħna, jakkwista kemm jakkwista, jirnexxi kemm
jirnexxi, ma jistax, waħdu, jirbaħ il-monstru tal-biża’ tal-Mewt li
jikkondizzjonah u jagħmlu egoista, jiġbed lejh minn kollox? Għaliex dawn il-firdiet kollha? Għaliex “l-ieħor” hu differenti, naħsbuh
rival, se jeħdilna xi ħaġa?
In-Nisrani
veru huwa dak il-bniedem, li, għal kuntrarju ta’ dan, rebaħ il-Mewt, jew aħjar,
il-Mewt ġiet mirbuħa għalih. Din hi
l-Glorja tal-Fidi fi Kristu. Huwa Kristu
biss li għandu s-setgħa jagħtina din ir-rebħa għax Hu biss daħal minn jeddu
fil-Mewt biex jiġġildilha u jaqsamha għalina.
Il-Fidi tassew adulta u matura fi Kristu twasslek għal dan. X’jimporta
li m’għandekx wisq flus jekk int se tgħix għal dejjem? X’jimporta li m’għamiltx suċċess minn Ħajtek
u fallew il-pjanijiet tiegħek, jekk taf b’ċertezza li din il-Ħajja hawn hi biss
qatra ilma f’oċejan enormi u etern?
X’jimporta li tinsab għaddej mill-wied tal-mard meta taf li l-marda
tiegħek, saħansitra l-Mewt fiżika tiegħek, mhix l-aħħar kelma imma għandek
Ħajja li hi n-nifs ta’ Alla nnifsu ġo fik, li tissupera dan kollu? X’jimporta minn kulma jista’ jiġri jekk
Kristu hu tassew fiċ-ċentru tal-eżistenza tagħna, Hu li miet imma li hu Ħaj
għal dejjem u Ħajjin miegħu huma dawk li twaħħdu miegħu fil-Fidi?
Dan
mhux paroli. Dan lanqas mhu “reliġjon”.
Dawn fatti konkreti. Bil-Fidi,
Kristu jagħtina Ħajja li ħadd ma jista’ jisraqhielna; jagħtina għana li jisboq
kulma d-dinja għandha l-ħila tagħtina; jagħmilna werrieta ta’ xi ħaġa li lanqas
il-biljuni ta’ biljuni ta’ karti tal-flus ma jistgħu jixtru... Ħajja għal
dejjem... Ħajja mhux li tibda wara l-Mewt, imma tibda issa stess jekk nemmnu
dan. Iseħħ dak li Ġwanni l-Evanġelista jgħid: “Nafu li għaddejna mill-mewt
għall-ħajja!” (1 Ġw. 3, 14). U kif inkunu nafuh dan? “Dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma
jħobbx jinsab fil-mewt.” (1 Ġw. 3, 14).
Min għandu din il-Ħajja kapaċi jħobb saħansitra lill-għadu tiegħu. Għalhekk Kristu jissejjaħ is-Sultan
tal-Ħolqien kollu. FiH u fiH biss hemm rebħa ċerta fuq dak kollu li
jeqridna.
L-Ewwel
Qari
Danjel
jara lil Kristu, lil Ġesù l-Iben il-Waħdieni tal-Missier. Ma kienx jafu. Rah ġej minn ġod-dlam tal-lejl mimli setgħa u
qawwa li bihom ġie mlibbes mill-Missier.
Kellu xeħta ta’ bniedem, imma ma kienx bniedem. Kulma hu ta’ Alla kien fih. Fih kien hemm l-essenza ta’ dak kollu li hu
Alla. Li kellek tagħsar lil Alla u tieħu
l-essenza tiegħu, din kienet tinsab f’Bin il-Bniedem li l-Profeta jara riesaq
lejh. U l-essenza ta’ Alla hi l-Imħabba
għall-għadu, u taf għaliex Alla jħobb b’dan il-mod? Għax hu Ħaj għal dejjem. F’Alla qatt ma jista’ jkun hemm il-biża’
tal-Mewt għax il-mewt ma tmissx miegħu u hu għalhekk li m’għandu bżonn ħadd, li
qatt ma jista’ jkun egoista; Hu jħobb biss, jagħti biss, joħloq biss. Fejn hemm
il-Mewt m’hemmx l-Imħabba bla limiti; imma fejn hemm il-Ħajja għal dejjem hemm
din l-Imħabba li tkeċċi ’l barra kull biża’.
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Danjel. 7, 13-14
"U
billejl deherli qiegħed nara
bħal
iben
ta' bniedem,
ġej
mis-sħab tas-sema,
li
baqa' sejjer sax-Xiħ fl-għomor
u
ressquh quddiemu.
U
tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex
lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu
ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u
saltnatu li ma tinqeridx.
Salm
Responsorjali
Dan
is-Salm jitkellem il-ħin kollu fuq l-eternità ta’ Alla, fuq il-Ħajja għal
Dejjem Ii hemm fiH. Din hija l-Glorja
tiegħu: kollox jgħaddi ħliefU; kollox jintemm ħlief Alla. Hu biss hu għal dejjem. Imma din il-Grazzja enormi, dan ir-Rigal bla
limiti, dan il-wirt li jġennen lil min jaf jaħseb, Hu ma żammux għalih, għax hu
Mħabba u l-Imħabba trid biss taqsam ma’ ħaddieħor. L-Imħabba qatt u qatt ma tista’ tkun waħedha,
imma trid taqsam u tinqasam għall-maħbub.
Għalhekk dan is-sens etern, din ir-rebħa fuq il-Mewt li twieldet
mid-dnub, Alla jrid u jixxennaq li jgħaddih lilna wkoll biex hekk insiru
bħalu!
U
dan Hu għamlu meta bagħat lil Ibnu fid-dinja.
Meta l-Iben libes laħam bħal tagħna, u bil-ġisem li jmut daħal fil-mewt
biex jirbħilha b’ġisem bħal tagħna, seħħet tassew it-tieni “Big Bang”, ikbar
mil-ewwel waħda. Għax dan il-ħolqien
ġdid hu aqwa mill-ewwel wieħed. L-ewwel
ħolqien hu suġġett għall-Mewt, imma t-tieni ħolqien fi Kristu hu etern, hu għal
dejjem.
Ritornell: Il-Mulej isaltan, il-kobor libes.
Salm
93
Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa.
Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Mwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn
dejjem;
minn dejjem ta' dejjem int.
Jgħollu x-xmajjar, Mulej,
jgħollu x-xmajjar leħinhom,
jgħollu x-xmajjar il-ħsejjes
tagħhom.
Aqwa mill-ħsejjes ta' l-ilma kotran,
aqwa mill-imwieġ tal-baħar,
qawwi l-Mulej fl-għoli.
Il-kmandamenti tiegħek ta' min joqgħod
fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sa kemm itul iż-żmien.
It-Tieni Qari
Kristu huwa s-Sultan il-Kbir, anzi s-Sultan waħdieni
li maġenbu dawk li għamlu isem fost il-bnedmin huma frugħa, irmixk, nies li
qatt ma daqu r-rebħa fuq il-Mewt.
Għalija, u għalik, ħija, oħti, dan hu l-Uniku li jgħodd, il-Waħdieni li
jista’ jagħtina dak li jimla l-qalb minn tarf sal-ieħor tagħha. Kollox, imma kollox, jgħaddi. Kemm dehru nies kbar… kollha mietu. Kemm inbnew imperi tal-biża’ li fi żmienhom
dehru eterni u ħadd ma jista’ għalihom… illum issibhom biss fil-paġni mejta
tal-Istorja. Kemm passjonijiet, kemm
stagħnar, kemm imħabbiet li jgħaddu, kemm stejjer… kollox trab imtajjar
miż-żmien.
Kristu biss huwa dak li kien, li hu, u li ġej. Lilu se
naraw fl-aħħar jum tagħna, li għalina jkun l-aħħar tad-dinja, anke jekk
id-dinja tkompli ddur. Fuq wiċċU għad
iħarsu għajnejna fi tmiem l-eżistenza tagħna hawn u fiH għad ninħatfu f’Ħajja
bla tmiem, fejn ma jkunx hemm iktar dmugħ jew Mewt, jew tbatija, jew egoiżmu,
jew biża’… għax issa jkun hemm biss
Ħajja ta’ Dejjem fi Kristu.
Qari
mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu. 1, 5-8
Ġesù
Kristu hu x-xhud fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten
tad-dinja.
Lil
Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta' demmu, u li
għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa
għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Arawh,
ġej fis-sħab,
u l-għajnejn kollha jarawh,
ukoll dawk li kienu nifduh;
u r-razez kollha ta' l-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba
fih. Iva.
Amen.
"Jiena
huwa l-Alfa u l-Omega", jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad
irid jiġi, Dak li jista' kollox.
Evanġelju
Il-Vanġelu
ta’ din is-Solennità li ġġib fi tmiemha s-Sena Liturġika tal-Knisja, tpoġġi
quddiem xulxin żewġ qawwiet : dik tad-dinja u dik ta’ Alla. Quddiem Pilatu, Kristu jagħmel l-istqarrija
bla biża’ li hu mhux biss Sultan, imma Sultan ta’ kollox għax iħabbar li
Saltnatu hi Saltna mhux limitata bħalma hu limitat kulma hu tad-dinja, imma hi
bla fruntieri, bla limiti, bla kejl, bla tmem.
Fil-Pretorju
ta’ Ġerusalemm iltaqgħu wiċċ imb’wiċċ il-Mewt u l-Ħajja. Pilatu kien, bħall-bnedmin kollha, magħdud
mal-mejtin. Kellu ġisem li kien qed
jistenna l-Mewt u joqrob lejha l-ħin kollu.
Kien liebes « poter » għax il-bniedem jogħxa jaħbi l-verità u
jaljena ruħu mill-miżerja tiegħu.
Kristu
tkellem bla ma ddefenda ruħu, u dan jgħaġġeb lill-bniedem li għalkemm kellu
setgħa politika ma kellux ħelsien mill-biża’ tal-Mewt. Ġesù kien jaf li Hu kien qed jgħix il-Misteru
tal-Għid li hu l-Misteru tar-Rebħa fuq il-Mewt.
Pilatu ma kellu xejn minn dan. Hu
kien biss bħall-annimali li jiddefendu Ħajjithom bi snienhom, b’idejhom,
bis-saħħa kollha tagħhom, għax dik il-Ħajja biss għandhom. Għalhekk Kristu, li kien f’xifer mewt
orribbli, kien il-bniedem ħieles, waqt li l-imħallef li seta’ jeħilsu, kien
l-ilsir. Dan hu l-Misteru, din hi
l-kontradizzjoni li timmarka kulma aħna.
Kristu huwa s-Sultan tassew għax rebaħ il-Mewt, iżda mhux għaliH innifsu
biss, iżda fuq kollox għalina li nixxennqu għal Fidi dejjem ikbar fiH.
Versett :
Hallelujah. Imbierek minn ġej f’isem
il-Mulej ! Imbierka s-Saltna ta’
David missierna li ġejja !
Hallelujah.
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. 18, 33-37
Pilatu raġa' daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu:
"Inti s-sultan tal-Lhud?" Ġesù wieġeb: "Dan
qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan
fuqi?" Pilatu wieġeb: "Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu
tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f'idejja. X'għamilt?"
Ġesù wieġeb: "Is-saltna tiegħi m'hijiex ta' din id-dinja. Li
kieku saltnati kienet ta' din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma
ningħatax f'idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m'hijiex ta'
hawn." Pilatu qallu: "Mela int sultan?" U Ġesù
wieġeb: "Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u
għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità
jisma' leħni."
|