Din
hija il- Liturgija ta' L-ewwel Hadd ta' L-Avvent ( 2018 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Is-Sena t-Tajba lil kulħadd! J’Alla l-Mulej jipprovdielna Sena Liturġika
ġdida mimlija għarfien dejjem ikbar tal-Imħabba li għandu għalina u li
wrihielna meta bagħat lil Ibnu Ġesù biex jaħtafna mill-medjokrità tad-dinja u
jdaħħalna fil-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn. Dan hu l-ikbar ġid li nista’
nixtiqilkom. Huwa l-istess ġid li nixtieq
lili nnifsi. In-Nisrani hu dak li jttama
fi Kristu; li jħares lejn Kristu għal ħwejjeġ kbar, enormi. Għan-Nisrani, il-kbir għadu ġej, anke jekk hu
xiħ u jinsab fix-“xitwa” ta’ ħajtu. Dan
hu li jagħmel minn dawk li għarfu xi ftit lil Kristu nies ottimisti, nies
iħarsu ’l quddiem u mhux lura b’nostalġija falza lejn żmien li għadda.
X’qed tistenna int mingħand
il-Mulej? X’inhi t-Tama tiegħek? X’inhu dak li jimmarka t-Talb tiegħek ta’
kuljum? Ħafna u ħafna minna, anzi aħjar
ngħid ilkoll kemm aħna, għandna bżonnijiet materjali għal din il-ħajja hawn fuq
din l-art. Il-bniedem jinkwieta. Fuqhiex?
Jinkwieta fuq din il-ħajja.
Dan hu normali. Trid tagħmel bħal
Dijoġene u toħroġ f’nofs in-nhar b’fanal mixgħul f’idek biex tfittex u forsi
ssib bniedem wieħed li qed jinkwieta fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla...
jinkwieta fuq il-Fidi tiegħu li, f’għajnejh, tidher fqira... jinkwieta fuq
dnubu u kemm ftit iħobb lil Alla.
In-nies ivvintaw l-allat u
r-reliġjonijiet propju għax għandhom bżonn l-għajnuna għall-ħajja t’hawn. Malli l-avanzi tal-bniedem isolvulhom dawn
il-bżonnijiet bit-teknoloġija, bil-mediċina u bix-xjenzi kollha, in-nies tibda
taqta’ mill-knejjes, mit-tempji, mill-moskeji, mis-sinagogi u l-bqija. Dan qed narawh b’abbundanza fid-dinja
tal-punent. L-Iżlam sar vjolenti kontra
l-kultura tal-punent, propju minħabba din l-imxija ta’ bruda u kollass reliġjuż
fil-pajjiżi “avanzati”.
Dan kollu jitfa’ dawl fuq x’jittama
l-bniedem. X’inhi t-Tama
tal-bniedem? X’inhi t-Tama tigħek? Normalment il-bniedem jittama li Alla jgħinu
biex jgħix ħajja komda, anke affluwenti jekk jista’ jkun, li fiha jkollu l-ġid,
is-saħħa, l-imħabbiet, is-suċċessi, l-fama, is-serħan tal-moħħ, u fuq kollox
għomor twil. Jista’ jkun li dawn l-affarijiet
jimmarkaw it-talb tagħna, jekk nitolbu, għax illum hawn bosta li ma jitolbu
kważi qatt. Jew jitolbu sakemm ikollhom
xi kriżi, imbagħad, meta s-sħab iswed jgħaddi, jinsew lil Alla u jerġgħu
għall-ħajja “normali”.
Ħafna minn dawn ix-xewqat li
semmejna, il-bniedem qed jirnexxilu jakkwistahom bl-għerf u l-ħila tiegħu. Għal ħafna dan hu biżżejjed. Il-bniedem sar materjalista u l-preżenza ta’
Alla qed tittappan f’moħħ ħafna, waqt li l-bniedem sar alla hu, għax sar kapaċi
jipprovdi hu dak li qabel kien jistenna mingħand Alla.
Min qed jaqra jista’ jgħid: x’bidu
ottimist għal sena ġdida! Nisħaq fuq li
nisħaq li n-Nisrani hu dejjem ottimist u dejjem jistenna ħwejjeġ kbar mingħand
Alla, u dejjem għandu viżjoni, dixxerniment fuq dak li jiġri madwaru li hu
differenti minn dak li jolqot ’l għajn.
Madwarna qed naraw il-kollass mhux tal-Kristjaneżmu, mhux tal-Knisja, mhux
tal-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, iżda l-kollass tar-reliġjożità, li hi
xi ħaġa ferm differenti. Ir-reliġjożità
tinqeda b’Alla biex ineħħi s-salib mill-Ħajja, u meta din il-ħaġa l-bniedem
jidhirlu li qed jirnexxilu jagħmilha hu bil-ħiliet dejjem ġodda tiegħu, allura
minn għandu bżonn Alla? Alla sar hu.
Ġesù Kristu ma ġiex biex ineħħi
s-Salib mill-Istorja tal-bniedem imma biex idawwalulu u jagħmilulu
glorjuż. Din hi l-Aħbar li Hu qed
joffri. Din hi li tagħmel lil
Kristjaneżmu mhux reliġjon, almenu fil-mod kif inħarsu lejn ir-reliġjonijiet.
L-Aħbar ta’ Kristu tindirizza l-ħerqat profondi, u ħafna drabi moħbija,
tal-bniedem... xewqat li jgħammru f’qalbu li anqas hu ma jifhimhom. Kristu jxandar Rebħa fuq il-Mewt! Din l-“Halleluja!” l-materjaliżmu qatt ma
jista’ jagħtihielek. Dan hu l-ferħ
veru. Dan hu l-ungwent li jfejjaq u
jnixxef il-ġrieħi tal-qalb li jagħmlu minna lkoll egoisti, dejjem imġewħin għal
xi ħaġa oħra.
Għalhekk, in-Nisrani jaf li l-Aħbar
ta’ Kristu ma tista’ qatt tinegħleb jew tinqered minn wiċċ l-art. Ir-reliġjożità, iva. Imma l-Fidi fi Kristu le. Il-bniedem li jittama ħwejjeġ spiritwali
jħares madwaru u jara lil Alla jiżbor lill-Knisja tiegħu minn tant u tant
friegħi niexfa ta’ reliġjożità li daħlet inkiss inkiss fiha u li għamlet minn
Kristu “reliġjon oħra” meta fil-fatt Hu ġie biex jagħlaq iż-żmien
tar-reliġjonijiet. Għax dak li għandu
bżonn il-bniedem, dak li għandna bżonn jien u int, mhux li jkollna karozza
sabiħa, jew villa babaw, jew li kulma mmissu jsirilna deheb, iżda ċ-ċertezza
ta’ Ħajja għal dejjem li tibda minn hawn.
Il-bniedem għandu bżonn “jgħaddi għall-Ħajja” ġa minn hawn, kif jgħidina
b’tant qawwa San Ġwann l-Evanġelista fl-Ewwel Ittra tiegħu. Din hi bomba, imma huma dawk li jittamaw fi
ħwejjeġ kbar mingħand Alla, li jirċevuhom.
L-Ewwel Qari
Ġeremija għex fi żminijiet tassew
imqallba, kemm fuq livell reliġjuż kif ukoll fuq dak politiku. Sekli qabel, il-poplu ta’ Alla kien inqasam
f’żewġ stati: ir-renju ta’ fuq bl-isem ta’ Iżrael, u dak ta’ isfel bl-isem ta’
Ġuda (jew Ġudea, bil-Latin). Is-saltna
ta’ fuq, fi żmien Ġeremija kien ilħa li sparixxiet, meta l-biċċa l-kbira
tal-poplu kien meħud fl-eżilju tal-Assirja (Ninwe), minn fejn qatt iktar ma
rritornaw. Il-fdal, is-saltna ta’ Ġuda
(Ġerusalemm) damet tirreżisti għall-pressjoni militari ta’ pajjiżi aqwa għal
ġenerazzjonijiet oħra, imma issa Ġeremija kien jaf li t-tmiem kien wasal. Ġerusalemm kienet assedjati mill-forzi għal
kollox superjuri tal-Babilonja, u għall-profeta kien ċar li r-Rieda ta’ Alla
kien li l-poplu tiegħu joħroġ tellief għax kien tħassar bħalma tħassret kienet
is-saltna l-oħra.
Il-profeta prova jdawwar ir-rotta
tal-Istorja billi talab lill-mexxejja ta’ pajjiżu, biex iċedu minn jeddhom u
jagħmlu paċi mal-għedewwa, imma kelmtu ma kinitx fdata. Ix-xewqat u l-ambizzjonijiet tal-poplu u
l-mexxejja tiegħu kienu laħqu tbegħdu wisq minn dawk ta’ Alla. Ġerusalemm
waqgħet u ġiet meqruda għal kollox, bit-Tempju b’kollox. Araw kif Alla, anke r-reliġjożità jqaxxar
minn wiċċ l-art jekk ikun hemm bżonn! Araw,
fejn iġibuna ħafna drabi l-ambizzjonijiet materjalisti tagħna.
Imma f’dan id-dlam ċappa (ekku
l-ottimiżmu tal-bniedem t’Alla!), Ġeremija jħabbar ġejjieni meraviljuz!! Iżrael terraq lejn l-Eżilju, imma kien riesaq
iż-żmien li hu jwettaq il-Missjoni Kbira li għalih Alla għażel lil dan il-poplu
minn fost il-popli kollha tad-dinja. U
din il-Missjoni kienet li jwelled, jagħti lid-dinja l-Messija tant mistenni. Is-siġra kienet imqaċċta u maħruqa, imma
mill-fdal tagħha li kien għad għandu l-Ħajja fih, ekku “f’dawk il-jiem u f’dak
iż-żmien intella’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel
il-ġustizzja u s-sewwa fuq l-art.” (v.
15).
Il-Knisja llum, bħal Iżrael dak
in-nhar, tħossha mħabbta u kollha keded.
Imma l-profeta jgħid li f’dan il-post imħarbat u bla nies, imfarrak
mill-gwerer, għad jixxettlu mergħat mill-aqwa fejn ħafna, ħafna ragħajja
jgħaġġlu bl-imrieħel tagħhom biex iserrħuhom u jmantnuhom hemm. (ara Ġer. 33, 12).
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija. 33, 14-16
"Ara,
għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda l-ġid li
wegħedthom. F'dawk
il-jiem u f'dak iż-żmien intalla' min-nisel ta' David rimja tas-sewwa, bniedem
li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. F'dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar
b'moħħha mistrieħ, u għalhekk isejjħulha: 'Il-Mulej is-sewwa tagħna.'”
Salm Responsorjali
F’Salm 25 insibu lis-Salmista mdawwar bit-twegħir iżda ma
jitħawwadx għax hu jġorr ġa esperjenzi mill-imgħoddi li fihom il-Mulej qatt ma
abbandunah. Hu jixtieq ikun jaf
il-mogħdijiet tiegħU. Tafu xi jfisser
dan? Irid ikun jaf x’inhi r-Rieda ta’
Alla għalih fuq livell personali. Hawn
għandna bniedem, għaref biżżejjed, imdawwal biżżejjed li ma jafdax lilu nnifsu
u l-proġetti tiegħu. Hu jaf li l-ferħ
jinsab biss fir-Rieda ta’ Alla. Alla jaf
kollox. Hu Missierek. Intelaq f’idejH f’dak kollu li tkun se
tagħmel. Għidlu jdawlek, jagħtik
dixxerniment biex tara jekk dak li jidher tajjeb u jlellex f’għajnejk hux
fil-fatt ir-risposta vera għall-vojt tiegħek.
Min ma jafdax lilu nnifsu u l-ħsibijiet ta’ moħħu, huwa
bniedem li għandu l-biża’ ta’ Alla, u dan is-Salm jgħidilna li l-Mulej hu
twajjeb ma’ bnedmin bħal dawn u jurihom triqatu u dejjem fidil magħhom. “Il-Mulej hu ta’ ġewwa ma’ min jibża’ minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.” (v.
14).
Ritornell:
Lejk, Mulej, jiena nerfa’ ruħi.
Salm 25
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta' dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.
It-Tieni Qari
Jekk
it-tema tal-Liturġija tal-lum hi t-Tama tagħna fil-Mulej, hu mportanti naraw
jekk it-Tama tagħna hix tiegħU ukoll, taqbilx mal-Pjan li fassal għalina sa
minn qabel ma nħalqet id-dinja. Ħafna drabi nħossu li Alla ma jismax talbna,
jew jekk nitolbuH ħaġa jagħtina oħra.
Alla mhux il-qaddej tiegħek jew tiegħi!
Nippretendu li aħna Aladdin u kulma għandna x’nagħmlu hu li nħokku
l-lampa bid-talb tagħna u nistennew li Alla jaqdina f’kollox. Ir-rejaltà mhix din. Alla għandu Pjan u int tista’ taqbel miegħu jew
ma taqbilx, imma Alla mhux se jbiddel dan il-Pjan, la għalik u lanqas
għad-dinja kollha.
Il-Pjan
ta’ Alla hu li jien u int nidħlu sa ġol qiegħ tal-Patt li għamel magħna f’Ibnu
Ġesù Kristu. Hu pjan meraviljuż! Hu pjan li fih int se tkun mgħarraf b’mod ċar
li int maħbub minn Alla mhux meta tipprova tkun tajjeb biss, imma anke meta
minnek joħorġu opri tal-mewt, mibegħda u egoiżmu. Alla jħobbok hekk kif int! Min jemminha din? Alla jħobbik hekk kif int, iħobb lili hekk
kif jien, qiesni wieħed minn dawk li sammruH mal-forka tas-Salib. Imma Hu jrid li aħna ngħarfu dan mhux biex
nibqgħu għedewwa tiegħu imma biex is-Sorpriża stupenda ta’ din l-Imħabba
għall-midneb, tikkonvertina, u nitwaħħdu miegħU is-Salvatur tagħna.
Dan
Hu jixtiequ minna mhux għax għandu bżonna.
Alla m’għandu bżonn ħadd u jekk lanqas jibqa’ wieħed, li hu wieħed,
fid-dinja kollha li jemmen fl-Isem ta’ Ġesù, hu kapaċi mill-ġebel stess tal-art
inissel popli sħaħ li jemmnu fiH! Dan
qal Ġwanni l-Battista mhux jien. Hu ma
jridniex nidinbu iktar, u jixtieq jgħarrafna Mħabbtu biex ma nidinbux aktar
għax id-dnub joqtol u Hu ma jridx jara l-maħbub tiegħu (jien jew int!) mejjet
għal dejjem.
X’jiġri
minn dak li jiskopri l-Imħabba ta’ Kristu?
Isir huwa wkoll Imħabba.
X’meravilja. Dan bi Grazzja u mhux bit-tqanżiħ tagħna biex nobdu erba’
kmandamenti. Min jibda’ jħobb isir adult
u l-Imħabba nnifisha tgħidlu x’għandu jagħmel, u m’għandux iktar bżonn
kmandamenti u preċetti biex jagħmel it-tajjeb.
It-tajjeb isir naturali għalih.
Din hija t-Tama ta’ Alla. Tgħid
hi tagħna wkoll?
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin. 3, 12
– 4, 2
Ħuti : Jalla
l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd,
l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli
jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal
meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!
Fl-aħħar, ħuti, intom
tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq
qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f'Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi
ħaġa iżjed. Tafu
x'tagħlim tajniekom permezz ta' Sidna Ġesù.
Evanġelju
Kollox
għad irid jintemm. Jekk dan aħna ma
nilħquhx għax immutu qabel, xorta kollox għad irid jintemm għalina, u l-Aħħar
tad-Dinja jkun il-Jum tal-Mewt fiżika tagħna. Dak in-nhar id-dinja taqa’
quddiemna. Imma għal dawk li jħobbu
tassew lil Ġesù għax Hu ħabbhom l-ewwel, din il--Ġrajja tremenda ma tkunx waħda
ta’ biża’. L-Imħabba tkeċċi l-biża’ ’l
barra, tgħid l-Iskrittura. Min jgħammar
fl-Imħabba ta’ Kristu ma jibżax mill-Ħaqq u lanqas mill-Parusija
ta’ Kristu li hi t-Tieni Miġja Tiegħu.
Id-dixxiplu
ta’ Kristu ma jibżax mill-Ħaqq għax hu ma jistrieħx fuq dak li għamel hu,
lanqas fuq il-merti li seta’ ġemma’ hu, imma ħarstu hija ffissata fuq il-Merti
eterni u bla tmiem li Kristu rebaħ għalih bil-Misteru tal-Għid tiegħu. Din hi l-bażi tal-Fidi Nisranija. Huwa Kristu li jsalvana u mhux aħna li
nsalvaw lilna nfusna. Hadd minna mhu
kapaċi jsalva bl-isforżi tiegħu, anke jekk ikollu intenzjoni tajba kemm
trid. Hu Kristu, u Kristu biss
is-Salvatur ta’ kull bniedem li jgħix.
Versett : Hallelujah. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek u
s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 21, 25-28,
34-36
F’dak iż-żmien :
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu : "U jkun hemm sinjali fix-xemx u
l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b'qalbhom ittaqtaq, ma jafux x'jaqbdu
jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u ta' l-imwieġ; in-nies ruħhom
ħierġa bil-biża' billi jobsru x'ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet
tas-smewwiet jitqallbu. Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi
sħaba, b'qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu
qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib."
"Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u
x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib
għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal
għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa' bħal nassa fuq kull min
jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin
il-bniedem."
|