Tuesday, 26 March 2019
           
Home
IT-TIELET HADD TAL-AVVENT (2018) FEJN TAHSEB LI JINSAB IL-FERH? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 15 December 2018

Din hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd ta' L-Avvent ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

saint_john_the_baptist_preaching-2000.jpg

 

Għal ħafna tidher mistoqsija sempliċi mmens:  Fejn taħseb li jinsab il-Ferħ?  Mitt bniedem mitt fehma u din il-mistoqsija tislet mitt risposta differenti mingħand mitt mara jew raġel.  Hawn min jemmen b’qalbu kollha li jekk ikun sinjur kbir ikun ferħan.  Ngħiduha kif inhi, ilkoll għandna minnu dan.  Ilkoll nemmnu li jekk nitilgħu f’xi lotterija li trebbaħna l-miljuni u hekk inkunu nistgħu nixtru li rridu, insiefru kemm u fejn irridu, nixtru popolarità, nibnu xi palazz u dar ħdejn il-baħar... dan kollu żgur li jkattar il-ferħ tagħna; inkunu iktar kuntenti, komdi, biex ma nsemmix li jekk ikolli bżonn xi ħaġa għal saħħti immur għand l-aqwa u l-aħjar għall-kura.

 

L-Iskrittura, nfatti, ssemmi lill-flus bħala l-oġġett li l-bnedmin l-aktar li jorbtu qalbhom miegħu.  Hemm min jemmen li l-ferħ jiġi mill-ħajja tal-familja, għaliex le?  Hemm min jgħidlek li l-ferħ jinsab fil-pjaċir u s-sodisfazzjon ta’ kulma jitolbok il-ġisem. Hawn jidħol il-ġenn għat-telqa f’sesswalità bla rażan, għat-tbaħrid, għall-abbandun tal-kontrol f’kollox, inkluż il-vizzji tad-droga, xorb, logħob tal-ażżard u vizzji oħra. 

 

Hawn min ifittex il-ferħ fil-poter, fis-setgħa, f’li jkun aqwa u jkollu ħafna nies taħtu u hekk iħoss li qed joqrob lejn Alla nnifsu.  Il-politika hi tassew għajn ta’ sodisfazzjon meta wieħed jipprattikaha għall-ġid tas-soċjetà, imma meta wieħed jużaha għal butu jew għall-fama jew għat-tkabbir tiegħu nnifsu, allura ssir monstru li fl-aħħar teqirdu.

 

Dawn l-affarijiet, u ħafna oħrajn huma idoli li f’kollha hemm id-duda tal-egoiżmu.  Fuq kollox u ’l fuq minn dawn, kull bniedem għandu l-idolu l-kbir tiegħu... hu nnifsu, il-“Jien” tiegħi u tiegħek li qatt ma nissodisfawh... dejjem irid... jifraħ għal ftit meta nagħtuh li jrid, imbagħad jerġa’ jibda jgerger, jitħannen għal xi ħaġa oħra.  Hu bħal madmad fuq spallejna; naħsbu li jekk nagħtuh li jrid jonqos it-toqol tiegħu, imma dejjem qiegħed hemm u aħna milwijin tnejn bih, dejjem inħarsu lejn it-tajn tal-art, mexjin imtaqqlin ħajjitna kollha.  Kemm għarfu tajjeb dan San Franġisk meta quddiem missieru u l-isqof u l-folla, neża’ għarwien u rema’ ħwejġu u ħalla l-“Jien” tiegħu warajh!

 

Quddiem dawn is-setgħat li jikkmandawna u jikkondizzjonawna, aħna naħsbu li m’hemmx x’tagħmel... li tassew il-ferħ u s-serħan il-moħħ jinstab f’li wieħed jissodisfahom bħalma wieħed jissodisfa l-istonku meta jaqbdu l-ġuħ.  Dan ngħiduh għaliex għadna magħluqin ġo natura li għaliha l-materja hi kollox; li dak li jissodisfa l-aptiti tal-ġisem biss inissel il-ferħ.  Ħafna nies li kellhom intenzjoni tajba għarfu dan l-ingann u fl-Istorja tal-bniedem insibu movimenti sħaħ ta’ bnedmin li tawha għall-axxetika, għall-penitenza, għat-trażżin tal-“Jien” tagħhom.  U dawn, ħafna minnhom kienu pagani. 

 

Tip ta’ nies li kienu jemmnu li l-ferħ u l-kisba tal-milja tal-ħajja jinsab fit-trażżin tal-ġisem, kienu l-Fariżej fi żmien Kristu.  Huma mlew ħajjithom b’mijiet ta’ preċetti u liġijiet li kienu jordnawlhom ħajjithom kollha, anke kif indaddfu mneħirhom.  Nhar ta’ Sibt kienu jgħoddu l-passi li ma jmorrux jimxu iktar milli kienet tgħid il-Liġi għal dak il-jum.  Wieħed minn dawn kien Nikodemu.  Baqa’ miblugħ b’dak li sema’ mingħand Ġesù li wrieh fejn tassew jinsab il-ferħ.  Inuti t-tqanżiħ tal-bniedem bil-penitenzi u l-isforzi tiegħu u l-kontrolli tiegħu kollha jekk xorta jibqa’ bl-istess natura li twieled biha. Din in-natura li lkoll uritna minn Adam, natura mħassra u miżżewġa lill-mewt, ma tista’ qatt toffri ferħ lill-bniedem.  Pjaċiri iva; aljenazzjoni iva; ħolm iva.  Imma ferħ u l-milja tal-ħajja, le.  In-natura li għandna tinsab fuq id-“death row” tistenna li tasal is-siegħa tagħha. Dan hu li jimmarka s-subkonxju tagħna u nagħmlu ħilitna kollha biex dan ninsewħ għax jekk le, niġġennu.

 

Lil Nikodemu, bil-ġustizzja kollha tiegħu, bit-tjieba li kellu, bl-għatba tat-Tempju li kien jiekol kuljum, Kristu qallu ħaġa sempliċi imma li Alla biss jista’ jagħmilha.  Qallu: “Int trid titwieled mill-ġdid!”  (Ġw. 3, 3).  Kristu deher fid-dinja biex jagħti natura ġdida lili, lilek u lil dawk kollha li jemmnu fiH.  Għalhekk dehret tarbija ċkejkna, vulnerabbli, bżonn ta’ kollox f’Bethlehem tal-Lhudija.  Din in-natura ġdida, differenti minn dik li jitwieldu biha l-bnedmin, ħadd qatt ma kellu qabel, la l-patrijarki, la l-profeti, la n-nies ġusti, la l-imperaturi u ħadd.  Kulħadd kellhom in-natura li tibda tmut malli titwieled u għalhekk hi dgħajfa u egoista, dejjem tiġri wara l-karrotta tal-ferħ.  Fejn hu dan il-ferħ, kulħadd jistaqsi.

 

Imma f’Betlehem dehret natura ġdida li kellha tinagħta lil kull min xtaqha, anke lill-midinbin kbar u lil dawk li sallbuha ma’ salib.  Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, jiġifieri bil-Misteru tal-Għid tiegħu, Kristu sar Spirtu Ħaj għal Dejjem li jinagħta lil kull min jemmen fih.  Imma hemm proċess u dan il-proċess tal-għoti ta’ din in-natura ta’ Alla li hi eterna... dan il-proċess, għandu isem: il-Magħmudija.  Għalhekk Kristu jgħid: “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla.  Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.”  (Ġw. 3, 5-6).

 

Imma hawn tqum problema.  Aħna naħsbu li l-Magħmudja hi biss dak ir-rit tat-trabi li rċivejna darba.  Is-Sagrament dejjem huwa sinjal minn barra ta’ dak li jkun qed jitnissel fil-bniedem minn Alla.  Il-Magħmudija hija l-għarqa tal-bniedem il-qadim, il-mewt tan-natura l-qadima, u t-twelid ta’ bniedem ieħor, bniedem ġdid, xbiha ta’ Kristu nnfisu.  Dan ma jseħħx f’sekonda, imma dan kollu, dan l-għaġeb kollu inżera’ fina dak in-nhar li ġejna mgħammda.  Imma l-Knisja minn dejjem pretendiet li din il-Magħmudija kellha tikber, din iż-żerriegħa kellha ssir siġra enormi.  Għalhekk dari kienu tant importanti l-parrini, anke fil-Knisja tal-bidu.  Il-parrini kienu jgħinu lill-Knisja u lill-ġenituri biex ikabbru din iż-żerriegħa li ndifnet fit-tarbija.  Illum il-parrini m’għadhomx iktar sinjal u ma jistgħux jagħtu milli m’għandhomx għax anke huma għandhom problema b’Magħmudija għadha żerriegħa jew forsi pjanta ckejkna mmens.

 

Imma hemm nies li fihom din il-Magħmudja tikber u tikber, u tibqa’ tikber sal-aħħar nifs.  Il-bniedem il-ġdid huwa dak li ġie mfejjaq minn ġewwa mill-Kelma, mill-Aħbar it-Tajba, mill-Fidi li bdiet tikber fih, mill-balzmu tas-Sagramenti, mill-esperjenzi ta’ Alla fl-Istorja tiegħu.  Malli l-bniedem jitfejjaq minn Kristu minn ġewwa, allura tiġri xi ħaġa enormi ġewwa fih: ma jibqax egista iktar.  Lil Alla Adam qallu: “Il-mara li tajtni int għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”  (Ġen. 3, 12).  Din hi n-natura li biha twelidna: iġbed lejk, iddefendi ruħek għax ħadd ma jiddefendik, ibża’, waħħal fl-oħra anke jekk hi martek.  Din in-natura tilfet il-kapaċità li tħobb lil hinn mill-mewt mad-dnub li qatilha.  “Oqtol lilha jekk trid, basta ngħix jien!” 

 

Kellu raġun Kristu lil Nikodemu jgħidlu li kull bniedem għandu bżonn jitwieled mill-ġdid?  Malli l-bniedem jitlef il-ħtieġa li jaħseb għalih l-ewwel u qabel kollox meta hemm il-mewt imdendla, hu jkun sab il-ferħ.  Jinduna li l-ferħ mhux fil-flus, lanqas fil-pjaċiri sesswali u oħrajn, mhux fil-vizzji, mhux fil-fama... imma f’li tinagħta għall-ieħor, f’li tħen, tagħder, tgħin, taħseb fl-ieħor.  Dan hu l-ferħ; li toħroġ minnek innifsek u ssir Kristu ieħor li jinsa lilu nnifsu.  Din hi l-qdusija, din hi l-Ħajja vera.  Din hi r-risposta tassew.  U dan mhux xogħol tagħna imma xogħol Alla meta jitħalla jaħdem fina.

 

L-Ewwel Qari

 

Se tiġi moqrija, anzi proklamata, poeżija meraviljuża mill-Profeta Sofonija, ftit vrus mimlijin ferħ u radd il-ħajr lil Alla.  Ġerusalemm hi mwegħda ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ enormi.  Hija mħajra ttajjar minnha l-biża’ darba għal dejjem u l-qtigħ il-qalb.  Żminijiet ġodda kienu resqin lejha, tiġdid tal-għaġeb.

 

Imma, ngħid jien, din il-Kelma seħħet?  Għax Ġerusalemm aktarx li hi l-iktar belt li rat gwerer, tixrid ta’ dmija, traġedja, qerda.  Hu veru li hi tqum u terġa’ tqum matul l-Istorja kollha, imma għal sekli sħaħ wara Kristu ma kinitx ħlief raħal iċken minn tagħna, u sal-lum hi sinjal ta’ kontroversja, inkwiet, rabja, taqbid u gwerer.  Ġnus kbar issieltu għaliha biex jaħkmuha u nbidlu sidienha bil-gżuż.  Kaldin, Assirjani, Babiloniżi, Griegi, Rumani, Misilmin, Kruċjati ilkoll ħallew demmhom fuq swarha, għaffġu fuqha u telqu biex ġie ħaddieħor jaħkimha.

 

Allura din il-Kelma li se nisimgħu ma seħħitx?  Il-Profeta qed jilmaħ riesqa mill-bogħod Ġerusalemm ġdida, poplu b’natura mġedda, nies li kisbu dak li kulħadd ifittex: il-ferħ.  Din hi Ġerusalemm il-ġdida, il-poplu ġdid miksub minn Kristu b’Demmu.  Huma ġemgħa enormi ta’ nies mifdija, imfejqa minn ġewwa, mimlija Mħabba għall-proxxmu.  Dak li Alla kien wiegħed lil Abraham fiż-żerniq tal-Fidi iseħħ f’din il-ġemgħa qaddisa ta’ nies mibdula mhux bl-isforzi tagħhom imma bi Grazzja, b’rigal, biex ikunu dawl, melħ u ħmira għad-dinja li ssalva permezz tagħhom.  Din l-opra jwettaqha Kristu u Alla jifraħ, jgħidilna l-Qari, Alla jifraħ u jagħmel festa għad-dehra ta’ dan l-għaġeb: il-bniedem jitwieled mill-ġdid għax kien hemm Wieħed li ħallaslu dejnu kollu u kisiblu wirt li hu l-wirt ta’ Alla nnifsu, jiġifieri Ħajja li ma tispiċċa qatt.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija.  3, 14-18a

 

Għajjat bil-ferħ ta' qalbek, bint Sijon,

Iżrael, samma' leħnek!

Infexx fl-hena u ifraħ b'qalbek kollha,

bint Ġerusalemm!

Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza

li kellek kontrik,

keċċa l-għedewwa tiegħek.

 

Is-sultan t'Iżrael, il-Mulej, hu f'nofsok;

ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża'.

Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:

"Tibżax, Sijon,

tħallix idejk jintelqu:

il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f'nofsok,

gwerrier li jsalva;

 

Minħabba fik jithenna b'hena kbir,

fi mħabbtu jġeddek,

jinfexx minħabba fik f'għajat ta' ferħ,

bħalkieku f'jum ta' festa.

 

Salm Responsorjali

 

Dan is-Salm ma nsibuhx fil-Ktieb tas-Salmi mas-Salmi sħabu imma sab ruħu fil-Ktieb ta’ Isaija l-Profeta li aktarx mhux l-awtur tiegħu.  Il-bniedem li kiteb din l-għanja żgur kellu esperjenza ta’ Alla għax fit-tiġrib tiegħu hu ġarrab qawwa u setgħa li ma kinux tiegħu u għalhekk jgħid : “Alla hu s-salvazzjoni tiegħi, jien nittama u ma jkollix minn xhiex nibża’.  Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej, għalija sar is-salvazzjoni.”  (v. 2).  Huwa bniedem li dineb u ġibed fuqu l-għadab ta’ Alla għax kull min jidneb iduq il-mewt.  Id-dnub u l-mewt huma magħqudin ma’ xulxin u waħda timxi awtomatikament wara l-ieħor.  Imma l-ferħ ta’ dan il-bniedem hu li flok qerdu, Alla farrġu, ġie jiltaqa’ miegħu u talbu jħallih jidħol għandu biex jaqsam miegħu l-ikel tal-Ħajja tiegħu.  Mhux hekk jagħmel magħna wkoll?  Kemm-il darba fraħna għax ħassejna ruħna maħfurin, imġedda, rikonċiljati miegħU?

 

Fuq Alla hu mportanti mhux li nisimgħu biss imma li jkollna esperjenza tiegħu.  Għandek int x’tirrakkonta fuqu minn ħajtek stess?  Għax hu minn hawn li tinbet l-eżultanza tar-radd il-ħajr. “Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!”  (v. 6).

 

Ritornell:  Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. 

 

Is. 12, 2-6

 

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża'.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni."

 

Kollkom ferħana timlew l-ilma

mill-għejun tas-salvazzjoni.

F'dak il-jum għad tgħidu:

"Roddu ħajr lill-Mulej,

sejjħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf ma' l-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f'Sijon,

għax kbir hu f'nofsok il-Qaddis ta' Iżrael!"

 

It-Tieni Qari

 

Il-Mulej qorob!  Mhux qed ngħidu għall-Milied hawn!  In-nies ta’ Filippi, li lilhom kienet indirizzata din l-Ittra ta’ Pawlu, kienu nies ta’ Fidi mħeġġa, nies li twieldu mill-ġdid mill-ilma u l-Ispirtu fil-Magħmudija.  Kienu Insara tassew, tant li kienu l-ferħ ta’ Pawlu għax x’ħin kien jara lilhom kien jara xbihat ta’ Kristu fil-qjies li l-bniedem jista’ qatt ikun xbieha ta’ Kristu. 

 

Dawn in-nies kienu konvinti li l-Mulej ma kienx fil-bogħod. U min jista’ jgħid li ma kellhomx raġun.  Jekk ma rawx lill-Mulej ġej lura fil-Parusija tiegħu fl-aħħar Jum, huma rawĦ ġej mimli mħabba fil-mewt fiżika tagħhom.  Kienu mxew il-mixja tal-Fidi.  Kienu twieldu mill-ġdid.  Issa, l-ferħ tagħhom kien li jiltaqgħu ma’ Dak li tahom kollox u li fiH emmnu.

 

Aħna wkoll nistgħu ngħidu li l-Mulej hu fil-qrib, u mhux aħna biss li qed nixjieħu.  Kemm tista’ tkun twila l-Ħajja? Sebgħin, tmenin sena?  X’inhuma dawn ħdejn il-Ħajja għal dejjem, ħdejn il-miljuni ta’ snin li għandha d-dinja?  Il-Mulej hu fil-qrib, għalhekk l-unika ħaġa li tagħmel sens hu li aħna niskopruH, nittamaw fiH, nitolbuh biex jagħmilna ġodda, biex ikabbar fina s-siġra tal-Magħmudija biex din tagħmel frott ta’ għemejjel qaddisa.  Li kieku jseħħ dan, aħna nidħlu fil-ferħ li f’dan il-Ħadd il-Knisja qegħda tkellimna tant fuqu, u flok ma nistennew bi tregħid u bil-biża’ t-tluq tagħna minn hawn, inħarsu ’l quddiem b’antiċiċpazzjoni, b’kurżità qaddisa, bi tħannin għal dak il-waqt li għajnejna jaqgħu fuq Dak li ħabbna tant u jiltaqgħu ma’ għajnejn Kristu!

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.  4, 4-7

 

Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa' ngħidilkom, ifirħu.

 

Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob.  Tħabbtu raskom b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.  U s-sliem ta' Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu tal-lum hu wieħed mill-iktar Vanġeli prattiċi li nistgħu niltaqgħu magħhom.  Ġwanni l-Battista kien bniedem prattiku mmens, u l-karattru tiegħu joħroġ minn dan il-qari.  Jitkellem fuq il-karità ta’ min għandu ż-żejjed; fuq il-ġbir tat-taxxi; fuq il-ġustizzja.  Tant impressjona Ġwanni lin-nies ta’ żmienu li ħafna ħasbuh il-Messija mistenni.  Kien hemm tensjoni u ansjetà fost il-poplu. Kienu jħossu li ż-żmien kien wasal biex itemm l-istennija ta’ Iżrael li kienet ilha sekli sħaħ.

 

Imma Ġwanni jirtira lura quddiem din il-figura li ma kienx.  Anke Ġwanni jitkellem fuq Magħmudija.  Kemm hi mportanti!  Il-Ferħ jitwieled mill-Magħmudija!  Qatt ħsibna ftit fuq dan?  Taf int id-data li fiha ġejt mgħammed u nżera’ ġo fik il-proċess ta’ twelid ġdid għax it-twelid tal-ġisem minn missierek u ommok (u kulħadd jafha din id-data!) ma kienx biżżejjed biex int idduq il-ferħ etern?  Ġwanni wkoll kien jgħammed imma hu lemaħ minn qabel Magħmudija ġdida, l-għemil tal-għaġeb ta’ Alla fil-bniedem.  Ġwanni kien jaħsel il-ġisem tan-nies fil-Ġordan b’tixbiha mal-ħasil tal-ispirtu tal-bniedem mill-ħmieġ tad-dnub jekk ikun hemm l-indiema.  Imma l-Magħmudija ta’ Ġwanni ma kinitx tibdel in-nies.  Kienet tnaddafhom, imma wara ftit jerġgħu jibdew jitħammġu. 

 

Il-Magħmudija ta’ Kristu hi xi ħaġa enormi, bil-wisq ikbar.  Tant hi kbira li ma setgħetx isseħħ qabel ma Kristu kellu jitgħammed hu l-ewwel, mhux fl-ilma tal-Ġordan imma fil-mewt u l-qawmien tiegħu.  Il-Magħmudija l-ġdida Kristu xtrahielna bi prezz tant ogħli li l-għana tal-univers kollu ma jlaħħaqx miegħu.  Din il-Magħmudija, meta tilħaq il-milja tagħha skont kemm irid Alla, tibdel in-natura u tagħti natura ta’ Alla minflokha.  Insiru ulied Alla bl-istess natura tiegħU.  Nobogħdu d-dnub bħalu u nħobbu l-qdusija bħalu.  Din hi Magħmudija tal-Ispirtu u n-Nar jgħid Ġwanni.

 

Int li qed tisma’ qed tasallek l-Aħbar it-Tajba ta’ x’irid jagħmel Alla f’ħajtek.  Tkomplix tfittex il-ferħ tiegħek fejn hemm il-mewt u l-vistu.  Għax hemm bnedmin li huma tiben, u hemm bnedmin li huma qamħ. Nawgura lili u lilek li nkunu fost dawn tal-aħħar.

 

Versett: Hallelujah.  L-Ispirtu tal-Mulej fuqi:  bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  3, 10-18

 

 F’dak iż-żmien: In-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: "Mela x'għandna nagħmlu?"  U huwa kien iweġibhom: "Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol jagħmel l-istess."  

 

Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: "Mgħallem, x'għandna nagħmlu aħna?"  U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu."  

 

Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom."

 

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.  Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor  il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex."  U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu  l-bxara t-tajba.

 

 
< Prev   Next >