Din
hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd ta' L-Avvent ( 2018 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Għal ħafna tidher
mistoqsija sempliċi mmens: Fejn taħseb
li jinsab il-Ferħ? Mitt bniedem mitt
fehma u din il-mistoqsija tislet mitt risposta differenti mingħand mitt mara
jew raġel. Hawn min jemmen b’qalbu
kollha li jekk ikun sinjur kbir ikun ferħan.
Ngħiduha kif inhi, ilkoll għandna minnu dan. Ilkoll nemmnu li jekk nitilgħu f’xi lotterija
li trebbaħna l-miljuni u hekk inkunu nistgħu nixtru li rridu, insiefru kemm u
fejn irridu, nixtru popolarità, nibnu xi palazz u dar ħdejn il-baħar... dan
kollu żgur li jkattar il-ferħ tagħna; inkunu iktar kuntenti, komdi, biex ma
nsemmix li jekk ikolli bżonn xi ħaġa għal saħħti immur għand l-aqwa u l-aħjar
għall-kura.
L-Iskrittura, nfatti,
ssemmi lill-flus bħala l-oġġett li l-bnedmin l-aktar li jorbtu qalbhom
miegħu. Hemm min jemmen li l-ferħ jiġi
mill-ħajja tal-familja, għaliex le? Hemm
min jgħidlek li l-ferħ jinsab fil-pjaċir u s-sodisfazzjon ta’ kulma jitolbok
il-ġisem. Hawn jidħol il-ġenn għat-telqa f’sesswalità bla rażan, għat-tbaħrid,
għall-abbandun tal-kontrol f’kollox, inkluż il-vizzji tad-droga, xorb, logħob
tal-ażżard u vizzji oħra.
Hawn min ifittex il-ferħ
fil-poter, fis-setgħa, f’li jkun aqwa u jkollu ħafna nies taħtu u hekk iħoss li
qed joqrob lejn Alla nnifsu. Il-politika
hi tassew għajn ta’ sodisfazzjon meta wieħed jipprattikaha għall-ġid
tas-soċjetà, imma meta wieħed jużaha għal butu jew għall-fama jew għat-tkabbir
tiegħu nnifsu, allura ssir monstru li fl-aħħar teqirdu.
Dawn l-affarijiet, u ħafna
oħrajn huma idoli li f’kollha hemm id-duda tal-egoiżmu. Fuq kollox u ’l fuq minn dawn, kull bniedem
għandu l-idolu l-kbir tiegħu... hu nnifsu, il-“Jien” tiegħi u tiegħek li qatt
ma nissodisfawh... dejjem irid... jifraħ għal ftit meta nagħtuh li jrid,
imbagħad jerġa’ jibda jgerger, jitħannen għal xi ħaġa oħra. Hu bħal madmad fuq spallejna; naħsbu li jekk
nagħtuh li jrid jonqos it-toqol tiegħu, imma dejjem qiegħed hemm u aħna
milwijin tnejn bih, dejjem inħarsu lejn it-tajn tal-art, mexjin imtaqqlin
ħajjitna kollha. Kemm għarfu tajjeb dan
San Franġisk meta quddiem missieru u l-isqof u l-folla, neża’ għarwien u rema’
ħwejġu u ħalla l-“Jien” tiegħu warajh!
Quddiem dawn is-setgħat li
jikkmandawna u jikkondizzjonawna, aħna naħsbu li m’hemmx x’tagħmel... li tassew
il-ferħ u s-serħan il-moħħ jinstab f’li wieħed jissodisfahom bħalma wieħed
jissodisfa l-istonku meta jaqbdu l-ġuħ.
Dan ngħiduh għaliex għadna magħluqin ġo natura li għaliha l-materja hi
kollox; li dak li jissodisfa l-aptiti tal-ġisem biss inissel il-ferħ. Ħafna nies li kellhom intenzjoni tajba għarfu
dan l-ingann u fl-Istorja tal-bniedem insibu movimenti sħaħ ta’ bnedmin li
tawha għall-axxetika, għall-penitenza, għat-trażżin tal-“Jien” tagħhom. U dawn, ħafna minnhom kienu pagani.
Tip ta’ nies li kienu
jemmnu li l-ferħ u l-kisba tal-milja tal-ħajja jinsab fit-trażżin tal-ġisem,
kienu l-Fariżej fi żmien Kristu. Huma
mlew ħajjithom b’mijiet ta’ preċetti u liġijiet li kienu jordnawlhom ħajjithom
kollha, anke kif indaddfu mneħirhom. Nhar ta’ Sibt kienu jgħoddu l-passi li ma
jmorrux jimxu iktar milli kienet tgħid il-Liġi għal dak il-jum. Wieħed minn dawn kien Nikodemu. Baqa’ miblugħ b’dak li sema’ mingħand Ġesù li
wrieh fejn tassew jinsab il-ferħ. Inuti
t-tqanżiħ tal-bniedem bil-penitenzi u l-isforzi tiegħu u l-kontrolli tiegħu
kollha jekk xorta jibqa’ bl-istess natura li twieled biha. Din in-natura li
lkoll uritna minn Adam, natura mħassra u miżżewġa lill-mewt, ma tista’ qatt
toffri ferħ lill-bniedem. Pjaċiri iva;
aljenazzjoni iva; ħolm iva. Imma ferħ u
l-milja tal-ħajja, le. In-natura li
għandna tinsab fuq id-“death row” tistenna li tasal is-siegħa tagħha. Dan hu li
jimmarka s-subkonxju tagħna u nagħmlu ħilitna kollha biex dan ninsewħ għax jekk
le, niġġennu.
Lil Nikodemu, bil-ġustizzja
kollha tiegħu, bit-tjieba li kellu, bl-għatba tat-Tempju li kien jiekol kuljum,
Kristu qallu ħaġa sempliċi imma li Alla biss jista’ jagħmilha. Qallu: “Int trid titwieled mill-ġdid!” (Ġw. 3, 3).
Kristu deher fid-dinja biex jagħti natura ġdida lili, lilek u lil dawk
kollha li jemmnu fiH. Għalhekk dehret
tarbija ċkejkna, vulnerabbli, bżonn ta’ kollox f’Bethlehem tal-Lhudija. Din in-natura ġdida, differenti minn dik li jitwieldu
biha l-bnedmin, ħadd qatt ma kellu qabel, la l-patrijarki, la l-profeti, la
n-nies ġusti, la l-imperaturi u ħadd.
Kulħadd kellhom in-natura li tibda tmut malli titwieled u għalhekk hi
dgħajfa u egoista, dejjem tiġri wara l-karrotta tal-ferħ. Fejn hu dan il-ferħ, kulħadd jistaqsi.
Imma f’Betlehem dehret natura ġdida li kellha tinagħta
lil kull min xtaqha, anke lill-midinbin kbar u lil dawk li sallbuha ma’
salib. Bil-mewt u l-qawmien tiegħu,
jiġifieri bil-Misteru tal-Għid tiegħu, Kristu sar Spirtu Ħaj għal Dejjem li
jinagħta lil kull min jemmen fih. Imma
hemm proċess u dan il-proċess tal-għoti ta’ din in-natura ta’ Alla li hi
eterna... dan il-proċess, għandu isem: il-Magħmudija. Għalhekk Kristu jgħid: “Tassew tassew
ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol
fis-Saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled
mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.” (Ġw. 3, 5-6).
Imma hawn tqum
problema. Aħna naħsbu li l-Magħmudja hi
biss dak ir-rit tat-trabi li rċivejna darba.
Is-Sagrament dejjem huwa sinjal minn barra ta’ dak li jkun qed jitnissel
fil-bniedem minn Alla. Il-Magħmudija
hija l-għarqa tal-bniedem il-qadim, il-mewt tan-natura l-qadima, u t-twelid ta’
bniedem ieħor, bniedem ġdid, xbiha ta’ Kristu nnfisu. Dan ma jseħħx f’sekonda, imma dan kollu, dan
l-għaġeb kollu inżera’ fina dak in-nhar li ġejna mgħammda. Imma l-Knisja minn dejjem pretendiet li din
il-Magħmudija kellha tikber, din iż-żerriegħa kellha ssir siġra enormi. Għalhekk dari kienu tant importanti
l-parrini, anke fil-Knisja tal-bidu.
Il-parrini kienu jgħinu lill-Knisja u lill-ġenituri biex ikabbru din
iż-żerriegħa li ndifnet fit-tarbija.
Illum il-parrini m’għadhomx iktar sinjal u ma jistgħux jagħtu milli
m’għandhomx għax anke huma għandhom problema b’Magħmudija għadha żerriegħa jew
forsi pjanta ckejkna mmens.
Imma hemm nies li fihom
din il-Magħmudja tikber u tikber, u tibqa’ tikber sal-aħħar nifs. Il-bniedem il-ġdid huwa dak li ġie mfejjaq
minn ġewwa mill-Kelma, mill-Aħbar it-Tajba, mill-Fidi li bdiet tikber fih,
mill-balzmu tas-Sagramenti, mill-esperjenzi ta’ Alla fl-Istorja tiegħu. Malli l-bniedem jitfejjaq minn Kristu minn
ġewwa, allura tiġri xi ħaġa enormi ġewwa fih: ma jibqax egista iktar. Lil Alla Adam qallu: “Il-mara li tajtni int
għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”
(Ġen. 3, 12). Din hi n-natura li
biha twelidna: iġbed lejk, iddefendi ruħek għax ħadd ma jiddefendik, ibża’,
waħħal fl-oħra anke jekk hi martek. Din
in-natura tilfet il-kapaċità li tħobb lil hinn mill-mewt mad-dnub li qatilha. “Oqtol lilha jekk trid, basta ngħix
jien!”
Kellu raġun Kristu lil
Nikodemu jgħidlu li kull bniedem għandu bżonn jitwieled mill-ġdid? Malli l-bniedem jitlef il-ħtieġa li jaħseb
għalih l-ewwel u qabel kollox meta hemm il-mewt imdendla, hu jkun sab il-ferħ. Jinduna li l-ferħ mhux fil-flus, lanqas
fil-pjaċiri sesswali u oħrajn, mhux fil-vizzji, mhux fil-fama... imma f’li
tinagħta għall-ieħor, f’li tħen, tagħder, tgħin, taħseb fl-ieħor. Dan hu l-ferħ; li toħroġ minnek innifsek u
ssir Kristu ieħor li jinsa lilu nnifsu.
Din hi l-qdusija, din hi l-Ħajja vera.
Din hi r-risposta tassew. U dan
mhux xogħol tagħna imma xogħol Alla meta jitħalla jaħdem fina.
L-Ewwel Qari
Se tiġi moqrija, anzi
proklamata, poeżija meraviljuża mill-Profeta Sofonija, ftit vrus mimlijin ferħ
u radd il-ħajr lil Alla. Ġerusalemm hi
mwegħda ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ enormi.
Hija mħajra ttajjar minnha l-biża’ darba għal dejjem u l-qtigħ
il-qalb. Żminijiet ġodda kienu resqin
lejha, tiġdid tal-għaġeb.
Imma, ngħid jien, din
il-Kelma seħħet? Għax Ġerusalemm aktarx
li hi l-iktar belt li rat gwerer, tixrid ta’ dmija, traġedja, qerda. Hu veru li hi tqum u terġa’ tqum matul
l-Istorja kollha, imma għal sekli sħaħ wara Kristu ma kinitx ħlief raħal iċken
minn tagħna, u sal-lum hi sinjal ta’ kontroversja, inkwiet, rabja, taqbid u
gwerer. Ġnus kbar issieltu għaliha biex
jaħkmuha u nbidlu sidienha bil-gżuż.
Kaldin, Assirjani, Babiloniżi, Griegi, Rumani, Misilmin, Kruċjati ilkoll
ħallew demmhom fuq swarha, għaffġu fuqha u telqu biex ġie ħaddieħor jaħkimha.
Allura din il-Kelma li se
nisimgħu ma seħħitx? Il-Profeta qed
jilmaħ riesqa mill-bogħod Ġerusalemm ġdida, poplu b’natura mġedda, nies li
kisbu dak li kulħadd ifittex: il-ferħ.
Din hi Ġerusalemm il-ġdida, il-poplu ġdid miksub minn Kristu
b’Demmu. Huma ġemgħa enormi ta’ nies
mifdija, imfejqa minn ġewwa, mimlija Mħabba għall-proxxmu. Dak li Alla kien wiegħed lil Abraham
fiż-żerniq tal-Fidi iseħħ f’din il-ġemgħa qaddisa ta’ nies mibdula mhux
bl-isforzi tagħhom imma bi Grazzja, b’rigal, biex ikunu dawl, melħ u ħmira
għad-dinja li ssalva permezz tagħhom.
Din l-opra jwettaqha Kristu u Alla jifraħ, jgħidilna l-Qari, Alla jifraħ
u jagħmel festa għad-dehra ta’ dan l-għaġeb: il-bniedem jitwieled mill-ġdid
għax kien hemm Wieħed li ħallaslu dejnu kollu u kisiblu wirt li hu l-wirt ta’
Alla nnifsu, jiġifieri Ħajja li ma tispiċċa qatt.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Sofonija. 3, 14-18a
Għajjat bil-ferħ ta'
qalbek, bint Sijon,
Iżrael, samma' leħnek!
Infexx fl-hena u ifraħ
b'qalbek kollha,
bint Ġerusalemm!
Neħħa l-Mulej minn fuqek
is-sentenza
li kellek kontrik,
keċċa l-għedewwa tiegħek.
Is-sultan t'Iżrael,
il-Mulej, hu f'nofsok;
ma jkollokx iżjed ħsara
minn xiex tibża'.
Dakinhar jgħidu lil
Ġerusalemm:
"Tibżax, Sijon,
tħallix idejk jintelqu:
il-Mulej, Alla tiegħek,
qiegħed f'nofsok,
gwerrier li jsalva;
Minħabba fik jithenna
b'hena kbir,
fi mħabbtu jġeddek,
jinfexx minħabba fik
f'għajat ta' ferħ,
bħalkieku f'jum ta' festa.
Salm Responsorjali
Dan is-Salm ma nsibuhx
fil-Ktieb tas-Salmi mas-Salmi sħabu imma sab ruħu fil-Ktieb ta’ Isaija
l-Profeta li aktarx mhux l-awtur tiegħu.
Il-bniedem li kiteb din l-għanja żgur kellu esperjenza ta’ Alla għax
fit-tiġrib tiegħu hu ġarrab qawwa u setgħa li ma kinux tiegħu u għalhekk
jgħid : “Alla
hu s-salvazzjoni tiegħi, jien nittama u ma jkollix minn xhiex nibża’. Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej, għalija
sar is-salvazzjoni.” (v. 2). Huwa bniedem li dineb u ġibed fuqu l-għadab
ta’ Alla għax kull min jidneb iduq il-mewt.
Id-dnub u l-mewt huma magħqudin ma’ xulxin u waħda timxi awtomatikament
wara l-ieħor. Imma l-ferħ ta’ dan
il-bniedem hu li flok qerdu, Alla farrġu, ġie jiltaqa’ miegħu u talbu jħallih
jidħol għandu biex jaqsam miegħu l-ikel tal-Ħajja tiegħu. Mhux hekk jagħmel magħna wkoll? Kemm-il darba fraħna għax ħassejna ruħna
maħfurin, imġedda, rikonċiljati miegħU?
Fuq Alla hu mportanti mhux
li nisimgħu biss imma li jkollna esperjenza tiegħu. Għandek int x’tirrakkonta fuqu minn ħajtek
stess? Għax hu minn hawn li tinbet
l-eżultanza tar-radd il-ħajr. “Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael!”
(v. 6).
Ritornell: Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.
Is. 12, 2-6
Ara, Alla s-salvazzjoni
tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix
mniex nibża'.
Għax qawwieti u għanjieti
hu l-Mulej,
għalija sar
is-salvazzjoni."
Kollkom ferħana timlew
l-ilma
mill-għejun
tas-salvazzjoni.
F'dak il-jum għad tgħidu:
"Roddu ħajr
lill-Mulej,
sejjħu ismu,
għarrfu lill-ġnus
bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa
fl-għoli.
Għannu lill-Mulej għax
għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf ma'
l-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f'Sijon,
għax kbir hu f'nofsok
il-Qaddis ta' Iżrael!"
It-Tieni Qari
Il-Mulej qorob! Mhux qed ngħidu għall-Milied hawn! In-nies ta’ Filippi, li lilhom kienet
indirizzata din l-Ittra ta’ Pawlu, kienu nies ta’ Fidi mħeġġa, nies li twieldu
mill-ġdid mill-ilma u l-Ispirtu fil-Magħmudija.
Kienu Insara tassew, tant li kienu l-ferħ ta’ Pawlu għax x’ħin kien jara
lilhom kien jara xbihat ta’ Kristu fil-qjies li l-bniedem jista’ qatt ikun
xbieha ta’ Kristu.
Dawn in-nies kienu
konvinti li l-Mulej ma kienx fil-bogħod. U min jista’ jgħid li ma kellhomx
raġun. Jekk ma rawx lill-Mulej ġej lura
fil-Parusija tiegħu fl-aħħar Jum, huma rawĦ ġej mimli mħabba fil-mewt fiżika
tagħhom. Kienu mxew il-mixja tal-Fidi. Kienu twieldu mill-ġdid. Issa, l-ferħ tagħhom kien li jiltaqgħu ma’
Dak li tahom kollox u li fiH emmnu.
Aħna wkoll nistgħu ngħidu
li l-Mulej hu fil-qrib, u mhux aħna biss li qed nixjieħu. Kemm tista’ tkun twila l-Ħajja? Sebgħin,
tmenin sena? X’inhuma dawn ħdejn
il-Ħajja għal dejjem, ħdejn il-miljuni ta’ snin li għandha d-dinja? Il-Mulej hu fil-qrib, għalhekk l-unika ħaġa
li tagħmel sens hu li aħna niskopruH, nittamaw fiH, nitolbuh biex jagħmilna
ġodda, biex ikabbar fina s-siġra tal-Magħmudija biex din tagħmel frott ta’
għemejjel qaddisa. Li kieku jseħħ dan,
aħna nidħlu fil-ferħ li f’dan il-Ħadd il-Knisja qegħda tkellimna tant fuqu, u
flok ma nistennew bi tregħid u bil-biża’ t-tluq tagħna minn hawn, inħarsu ’l
quddiem b’antiċiċpazzjoni, b’kurżità qaddisa, bi tħannin għal dak il-waqt li
għajnejna jaqgħu fuq Dak li ħabbna tant u jiltaqgħu ma’ għajnejn Kristu!
Qari mill-Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Filippin. 4, 4-7
Ifirħu dejjem fil-Mulej;
nerġa' ngħidilkom, ifirħu.
Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu
jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob. Tħabbtu
raskom b'xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn,
u iżżuh ħajr. U
s-sliem ta' Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista' jifhem, iżommilkom
qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.
Evanġelju
Il-Vanġelu tal-lum hu
wieħed mill-iktar Vanġeli prattiċi li nistgħu niltaqgħu magħhom. Ġwanni l-Battista kien bniedem prattiku
mmens, u l-karattru tiegħu joħroġ minn dan il-qari. Jitkellem fuq il-karità ta’ min għandu
ż-żejjed; fuq il-ġbir tat-taxxi; fuq il-ġustizzja. Tant impressjona Ġwanni lin-nies ta’ żmienu
li ħafna ħasbuh il-Messija mistenni.
Kien hemm tensjoni u ansjetà fost il-poplu. Kienu jħossu li ż-żmien kien
wasal biex itemm l-istennija ta’ Iżrael li kienet ilha sekli sħaħ.
Imma Ġwanni jirtira lura
quddiem din il-figura li ma kienx. Anke
Ġwanni jitkellem fuq Magħmudija. Kemm hi
mportanti! Il-Ferħ jitwieled mill-Magħmudija! Qatt ħsibna ftit fuq dan? Taf int id-data li fiha ġejt mgħammed u
nżera’ ġo fik il-proċess ta’ twelid ġdid għax it-twelid tal-ġisem minn
missierek u ommok (u kulħadd jafha din id-data!) ma kienx biżżejjed biex int
idduq il-ferħ etern? Ġwanni wkoll kien
jgħammed imma hu lemaħ minn qabel Magħmudija ġdida, l-għemil tal-għaġeb ta’
Alla fil-bniedem. Ġwanni kien jaħsel
il-ġisem tan-nies fil-Ġordan b’tixbiha mal-ħasil tal-ispirtu tal-bniedem
mill-ħmieġ tad-dnub jekk ikun hemm l-indiema.
Imma l-Magħmudija ta’ Ġwanni ma kinitx tibdel in-nies. Kienet tnaddafhom, imma wara ftit jerġgħu
jibdew jitħammġu.
Il-Magħmudija ta’ Kristu
hi xi ħaġa enormi, bil-wisq ikbar. Tant
hi kbira li ma setgħetx isseħħ qabel ma Kristu kellu jitgħammed hu l-ewwel,
mhux fl-ilma tal-Ġordan imma fil-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-Magħmudija l-ġdida Kristu xtrahielna bi
prezz tant ogħli li l-għana tal-univers kollu ma jlaħħaqx miegħu. Din il-Magħmudija, meta tilħaq il-milja
tagħha skont kemm irid Alla, tibdel in-natura u tagħti natura ta’ Alla
minflokha. Insiru ulied Alla bl-istess
natura tiegħU. Nobogħdu d-dnub bħalu u
nħobbu l-qdusija bħalu. Din hi
Magħmudija tal-Ispirtu u n-Nar jgħid Ġwanni.
Int li qed tisma’ qed
tasallek l-Aħbar it-Tajba ta’ x’irid jagħmel Alla f’ħajtek. Tkomplix tfittex il-ferħ tiegħek fejn hemm
il-mewt u l-vistu. Għax hemm bnedmin li
huma tiben, u hemm bnedmin li huma qamħ. Nawgura lili u lilek li nkunu fost
dawn tal-aħħar.
Versett: Hallelujah. L-Ispirtu tal-Mulej fuqi: bagħatni nwassal il-Bxara t-Tajba
lill-fqajrin. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’
San Luqa. 3, 10-18
F’dak iż-żmien:
In-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: "Mela x'għandna
nagħmlu?" U huwa kien iweġibhom: "Min għandu
żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol jagħmel
l-istess."
Resqu wkoll xi pubblikani
biex jitgħammdu u qalulu: "Mgħallem, x'għandna nagħmlu
aħna?" U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom
taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu."
Staqsewh ukoll xi suldati
u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu
lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li
għandkom."
Il-poplu kien qiegħed
jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu
l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien,
ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma
jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu
u n-nar. Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor
il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma
jintefiex." U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu
l-bxara t-tajba.
|