Monday, 26 August 2019
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2018) MILL-FALLIMENTI, L-GLORJA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 December 2018

Din hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd ta' L-Avvent ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

il_madonna_u_elizabetta.jpg

 

Ta’ bnedmin li aħna, li għalina s-sentimenti u l-emozjonijiet huma tant importanti, irnexxielna nlibbsu l-Festa tal-Milied b’ħafna emozjonijiet u sentimenti li rikbuna, tant li din il-Festa hi mgħobbija drawwiet u folklor li bl-ebda mod ma jidhru li għandhom x’jaqsmu mar-rejaltà tar-rakkont li nsibu l-aktar fl-Evanġelju ta’ Luqa, u xi ftit f’Mattew.  Il-kultura Anglo-Sassona, jiġifieri Ingliża u Amerikana, ħatfet il-mentalità ta’ ħafna popli, tant li għalina l-Maltin, per eżempju, nies maħruq mix-xemx, is-silġ sar parti integrali mill-atmosfera tat-tifkira tal-Inkarnazzjoni tal-Feddej tad-dinja!  Silġ u siġra li żgur ma tikbirx f’pajjiżna, u li Ġesù qatt ma ra b’għajnejh sakemm dam idur fuq wiċċ l-Art Imqaddsa!

 

X’irrid ngħid b’dan?  Li kulħadd jistenna l-Milied, Insara u pagani, u hemm “Milied” għal kull tip ta’ bniedem, anke għal dak li bil-kemm jiftakar x’kien il-“ġenesi”, il-bidu ta’ din it-tifkira.  Mhux ta’ b’xejn li kulturalment, il-Milied sar il-festa favorita tan-nies tal-klassi tan-nofs, in-nies komda, li kapaċi tixtri r-rigali, tagħmel ikliet kbar, toqtol dundjani bl-eluf ta’ eluf, toħloq mużika u arti kollhom zokkor u ħlewwiet. 

 

Fir-rejaltà l-Milied iħabbar il-falliment ta’ Alla, wieħed mill-ħafna fallimenti ta’ Alla, imma jħabbar ukoll li Alla hu l-waħdieni li jasal għall-Glorja tiegħu permezz tal-falliment.  Għax hi sfortuna li tfajla li waslet fl-aħħar tat-tqala jkollha tivvjaġġja matul il-pajjiż kollu fuq ħmar jibandal taħtha. Xi ħaġa maret żmerċ meta tarbija titwieled f’għar tal-annimali.  Li kont jien jew int flok Ġużeppi, mfarrak bir-responsabiltà stramba tal-okkażjoni, konna nidħlu fi kriżi sewda ta’ fidi u ngergru li Alla tilef il-kontroll u ma jafx x’inhu jagħmel.

 

Hemm differenza enormi mill-esperjenza ta’ din ir-rejaltà u l-ħlewwiet “cosy” u komdi li s-soċjetà tagħna tassoċja ma’ dan iż-żmien. Naħseb li qatt ma ħsibna wisq fuq is-solitudni ta’ dan ir-raġel kwiet li martu kienet se twelled tarbija li mhix tiegħu u li kien se jiġġennen għax ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel mitluf ġo belt mimlija nies li ma jimportahomx minnu u l-problemi tiegħu. Aħna skirna b’tant gosti sbieħ bħall-presepji, kartolini, bambini gustużi u ġinġrin, teatrini tat-tfal, dwal ipetptu. 

 

Hemm Milied u hemm Milied, anke f’pajjiżna.  Hawn ħafna li kapaċi jifirħu għax jixtru, imma l-Milied li għex Alla hu ferm, ferm eqreb lejn il-Milied ta’ familji li qed jgħixu ġo xi garaxx għax sid l-appartament li kellhom għollielhom il-kera’.

 

Jien tolqotni ħafna l-arti ikonografika tal-Knejjes tal-Lvant.  Huma ferm iktar rejali, ikellmu ferm iktar lill-ispirtu tal-bniedem, ħafna iktar profondi mill-arti li tiksi l-ħitan u s-soqfa tal-knejjes tagħna.  L-ikona tal-Milied hi waħda mill-iktar espressivi għal min qed ifittex li jidħol dejjem iktar ’il ġewwa fit-tfittxija tat-Teżor li hu l-Misteru ta’ Kristu.  Tagħtina stampa mneżża’ mill-emozzjonijiet u sentimentaliżmi tal-bnedmin.  M’hemm ħadd għarkupptejh jagħti qima lil Alla magħmul bniedem.  Marija hi ċ-ċentru tal-ikona.  Tinsab mimduda minn tulha fl-art, għajjiena wara t-taħbit u l-uġigħ tal-ħlas.  Flok tiggosta lit-tarbija, hija tinsab b’daharha lejha, xi ħaġa li lilna taħsadna.  Waqt li sserraħ rasha fuq idha, tidher imħawda.  Min iterraq it-triq tal-Fidi, jaf x’inhu t-taħwid tar-raġuni tal-bniedem quddiem l-infinità tal-ħsieb ta’ Alla.  Kienet irċeviet aħbar mingħand messaġġier ta’ Alla u dan ma kien se jisraqulha ħadd minn ġo qalbha.  Hi kellha tkun Omm il-Messija mwiegħed.  Kif?  Din it-tarbija ġo dan il-ħmieġ?  Kif?  Alla jfalli tant li ma kienx kapaċi jivvinta xi ħaġa aħjar?  Dawn il-mistoqsijiet, b’iktar saħħa kellha terġa’ tagħmilhom, wieqfa taħt is-salib.  Kien daħaq biha l-anġlu meta wegħda li Binha kellu jkun Sid ta’ Saltna bla tmiem?  Qed imut fuq salib!  X’taqbad temmen?

 

Dawn il-mistoqsijiet nagħmluhom aħna lkoll għax ilkoll qed ngħixu Ħajja u ħadd minna mhu robot.  Mhux kwistjoni li tippjana jew tipprogramma xi ħaġa.  La int u lanqas jien ma nafu fejn tista’ teħodna l-Ħajja.  Il-Ħajja hi dejjem Misteru.  Ngħidu li l-Ħajja hi l-wirja tal-Imħabba ta’ Alla, imma kapaċi tkun strument f’id l-għadu li jibda jixli lil Alla f’widnejna.  Dan titkellem ħafna fuqu din l-ikona.  Fil-ġenb naraw lil San Ġużepp, bil-qegħda fuq ġebla, mħasseb.  Quddiemu hemm ragħaj xiħ ikellmu.  F’idejh, dan għandu għasluġ oħxon.  Qed jgħidlu: “Jista’ qatt iwarrad dan l-għasluġ niexef, bla ħajja?” 

 

Dan ir-ragħaj huwa satana li dejjem jiġi jinterpretalna l-Ħajja meta aħna ma nifhmuhiex.  Xogħolu hu li jweżweż dubji li jifnu lill-bniedem. Kif jista’ jkun li din it-tarbija...?  Marija kienet qaltlu li kienet se tkun il-Messija; imma hawn... possibbli hawn?  Il-bniedem hu l-ħin kollu maħsud mill-Istorja; ma jifhimhiex; jitħawwad; iħossu abbandunat; waħdu.  “Fejn hu Alla tiegħek?”  Hija l-mistoqsija li tinstema’ sikwit fis-Salmi.

 

Fuq kollox fl-ikoni tal-Lvant, tkellimna t-tarbija.  Messaġġ profond, ferm iktar milli kapaċi juru l-artisti tagħna.  Għax l-ikoni huma l-ħames Evanġelju, xbiha miktuba iktar milli hi mpittra, magħmula ħafna drabi minn nies ta’ Fidi kbira li jsumu u jitolbu waqt li “jiktbu”, biex ngħidu hekk, l-ikona.  It-tarbija Ġesù dejjem insibuha f’maxtura speċjali... maxtura forma ta’ sarkofagu jew qabar.  Il-ġewwieni ta’ din l-ispeċi ta’ maxtura hu iswed li jindika l-mewt.  Tarbija għadha titwieled tinsab ġo qabar imdawra bil-mewt.  Infatti hija mfisqija, imkebba f’faxex eżatt kif il-Lhud ta’ dak iż-żmien kien jkebbu u jkeffnu l-mejtin tagħhom. 

 

Aħna ttentati nistkerrħu dan kollu. F’qalbna ngħidu x’orrur.  Il-mod kif inħarsu aħna lejn il-Milied hu ferm isbaħ minn ta’ dawn in-nies li jpinġu lil Ġesù, it-tarbija ħelwa u gustusa, imkeffna bħal donnha mejta!  Dan għax il-mentalità tagħna għadha nfantili, tat-tfal fl-affarijiet tal-Fidi, jiddispjaċini ngħid.  Anke jien, iktar nitħajjar nara lil San Ġusepp u l-Madonna flimkien mar-ragħajja, kulħadd ferħan, kulħadd imbellah bil-misteru li kien qed iseħħ quddiemhom, kollha għarkupptejhom iħarsu f’estasi lejn Alla magħmul bniedem.  Anke n-ngħaġ u l-ħrief tagħna huma aktar ħelwin!

 

Imma dak li jħares bl-għajnejn tal-fidi lejn l-ikona, jħoss qalbu taqbeż bil-ferħ, għax hi tkellmu fuq ħajtu, fuq it-tama li għandu, fuq l-Aħbar it-Tajba li rċieva u li ġegħlet lil Alla jinkarna ruħu f’dan l-għar.  Għax jekk Ġesù ġa hu mkeffen u ġa mmarkat mill-qabar li kien qed jistennih, dan jipponta lejn l-aqwa Misteru, l-ikbar ġrajja, l-ogħla rigal li Alla ta lill-bniedem: il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  L-Ikona tal-Milied issejħilna biex ma nifqux biss fuq il-ġrajja, ħelwa kemm hi ħelwa, tal-Milied, imma tipproklama li Alla gie biex ibati, imut u jirbaħ il-Mewt għalija u għalik, u Aħbar iktar ta’ ferħ minn din, il-bniedem ma jista’ qatt, qatt jirċievi.  Jekk ma taqbilx miegħi fuq dan il-punt, ifisser li għandek bżonn timmatura ħafna fil-Fidi, bħalma għandi bżonn jien.  X’inhu, wara kollox, il-Milied jekk mhux biss ġrajja li kellha sseħħ fit-triq lejn l-Għid?  Għax hu fl-Għid li ntrebbħu l-problemi kollha tal-bniedem.

 

U mill-ġdid niftakru fl-għasluġ li r-ragħaj juri lil Ġużeppi.  Jurih lilna wkoll f’dan il-punt.  Kif ngħidu li Kristu xejjen il-problemi kollha, saħansitra l-ikbar waħda li hi l-Mewt, bl-esperjenza tal-Għid tiegħu, meta aħna lkoll imdawrin bil-problemi.  Id-dinja hi mgħarrqa fil-problemi.  Tant inkwiet, mard, moħqrija, qtil, egoiżmi.  Bħalma kienu kantaw il-Beatles: “War is over: another one has just begun!”  Dan hu l-għasluġ xott bla ħajja li jippreżentalna x-xitan.  Jista dan l-għasluġ mejjet inissel il-Ħajja?  Tista l-Ħajja toħroġ mill-Mewt?  Fatti, mhux teoriji!

 

X’tirrispondi l-Fidi?  Għal Alla kollox jista’ jkun.  Hu appuntu għax id-dinja m’emmnitx l-Aħbar li hi għadha fil-jasar.  Inutli ngħidlek li int writt biljun ewro li qegħdin il-bank jistennewk, jekk int tibagħtni nixxejjer għax taħsibni qed niċċajta.  Il-bank qatt ma mort, u l-flus baqgħu hemm, u int bqajt fqir.  Din hi t-traġedja tad-dinja.  Għal ħafna l-għasluġ ma jwarradx, imma għal dawk li jemmnu, iwarrad u jnissel Ħajja ta’ Dejjem.  Il-Milied ta’ dawn hu ferm differenti minn tad-dinja.

 

L-Ewwel Qari

 

Għidna li l-Mulej joħroġ Glorja u rebħa mill-fallimenti.  Din il-ħaġa jixhed għaliha kull min hu Nisrani tassew.  L-għasluġ iwarrad!  Fi żmien il-profeta Mikea, Betlehem kienet belt ta’ ftit li xejn importanza.  Kienet magħrufa għax Rut għexet hemm u hemm kellu jitwieled David, bin it-tifel tagħha.  Araw kif il-bniedem hu dejjem mistieden jagħmel qabża ta’ Fidi.  Il-Messija kellu jitwieled f’raħal ċkejken ta’ bla mportanza, li sekli qabel kien issemma biss għax fih twieled is-Sultan David.  Alla dejjem jissorprendi. 

 

Din il-profezija li se tinqara, u li għal Iżrael kienet importanti ħafna għax kienet l-uniku għajdut tal-profeti li jsemmi l-post fejn kellu jitwieled il-Messija... din il-profezija hija mgeżwra bi kliem misterjuż.  Hu jgħid li għal żmien twil il-Mulej jitlaq lill-poplu tiegħu sakemm ’l dik li se teħles titweldilha t-tarbija tagħha.  Għal żmien twil Iżrael karab quddiem il-Mulej, għax siktu l-profeziji u issa kienu ġa għaddew sekli mill-mewt tal-aħħar wieħed, Malakija. 

 

Iżrael kien jinfixel meta ma jkollux profeta f’nofsu.  Mingħajr id-dawl tal-Kelma kien ikun bħal agħma li jteftef mal-ħajt, qisu dejjem bil-lejl.  Kull bniedem jgħaddi minn din l-esperjenza.  Anke l-ġusti jgħaddu minnha.  Għandna kitbiet kommoventi ta’ qaddisin kbar li jitkellmu dwar dan il-lejl mudlam li, fl-għerf tiegħu, Alla jippermetti li jgħaddi minnu l-qaddej tiegħu.  Imma huwa f’dan il-lejl li l-bniedem jiskopri Fidi aqwa.  Ġużeppi għadda mill-esperjenza tal-lejl mudlam u ħareġ minnu aktar sod fit-twemmin tiegħu fil-Misteru enormi li kien qed iseħħ fil-familja umli tiegħu.

 

Imbagħad il-profeta jilmaħ ġnus sħaħ li jgħaġġlu biex jidħlu fil-merħla ta’ dan l-Imbierek li twieled minn dik li sa fl-aħħar ħelset.  Il-lejl għadda u issa kien sebaħ il-jum tal-Knisja, il-jum tal-Ġemgħa Mqaddsa li tħaddan nies minn kull ġens u kulur li jinagħtaw mill-Missier il-Grazzja li jemmnu fl-Iben.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea.  5, 1-4a

 

Dan igħid il-Mulej: Int, Betlehem ta' Efrata,

ċkejkna fost il-familji ta' Ġuda,

minnek għad joħroġli

dak li jkun prinċep f'Iżrael;

hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem,

sa minn dejjem ta' dejjem.

 

Għalhekk il-Mulej jitlaqhom waħedhom lil niesu

sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;

mbagħad il-bqija ta' ħutu jerġgħu lura

fost ulied Iżrael.

 

U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu

bil-qawwa tal-Mulej,

bil-glorja ta' isem il-Mulej, Alla tiegħu.

U huma jgħammru fiż-żgur,

għax issa tkun kbira setgħetu,

sa trufijiet l-art.

 

U dan ikun is-sliem!

 

Salm Responsorjali

 

Iżrael kien mgħobbi b’esperjenzi li fihom hu ra l-għasluġ niexef u mejjet, jagħti l-ħajja.  Mill-falliment, il-Glorja.  Dan hu l-mod kif Alla jaħdem, biex ħadd ma jkun jista’ jgħid, “Idejja wettquhom dawn l-għeġubijiet” u hekk tinsteraq il-Glorja tiegħU.  Il-Bibbja hi mimlija ismijiet ta’ nies bħalna, propju għax Alla jħobb jaħdem fil-Ħajja ta’ nies dgħajfa bħalna. 

 

X’inhi l-Fidi, wara kollox?  Hi li jkollok x’tirrakkonta dwar Alla minn Ħajtek stess.  Għax jekk jiġi xi ħadd jiżżufjetta bil-Fidi tiegħek, int tkun tista’ tagħlaqlu ħalqu bl-esperjenza li hu m’għandux, għax għalik l-għasluġ ikun tassew warrad.  Il-poplu ta’ Alla kien sikwit isib ruħu wiċċ imb’ wiċċ ma’ sitwazzjonijiet impossibbli... ekku kif l-esperjenza tal-Għid tirrepeti u tirrepeti ruħha ’l hawn u ’l hinn.  Is-Salmista jitlob bil-ħniena u bil-Fidi biex Alla ma jibqax sieket, jagħti widen, iqajjem il-qawwa tiegħu u jiġi jsalva l-poplu.  Din it-talba kienet laħqet l-aqwa tagħha fiż-żmien meta bla ħadd ma nduna, Alla ġie.  Bla ħadd ma nduna, beda l-ikbar intervent ta’ Alla fl-Istorja, ikbar mill-ħolqien, ikbar mill-Eżodu tal-Eġittu, ikbar mill-għeġubijiet kollha flimkien li d-dinja tħobb tirreġistra f’kotba biex ma jintesewx.

 

Id-dielja, li kienet il-poplu, kienet dbielet u mietet bil-għatx wara stennija tant twila.  “Ejja u żur lil din id-dielja” jgħajjat il-bniedem tat-talb.  Fl-intimità li kellu ma’ Alla, hu jgħidlu x’għandu jagħmel: “Ħu ħsieb dak li ħawlet il-leminija tiegħek, ir-rimja li kabbart għalik!”  Donnu jrid jgħidlu: “Xi trid tgħid bija din l-Istorja, xi trid tgħid bih dan il-falliment totali li qed ngħixu?” 

 

Min jinsab f’din il-qagħda, meta jħares madwaru u ma jara xejn li jagħmillu kuraġġ, meta Ħajtu donnha daħlet fi sqaq minn fejn ma jistax joħroġ, u l-Istorja tiegħu donnha qżież; meta jħares lejn l-oħrajn u jarahom aħjar minnu... ħa jkun jaf li fih qed jaħdem Alla.  Iktar kemm hu iswed il-lejl iktar jiddi u jgħammex id-dawl tas-sebħ li Alla jtella fuq dawk li jittamaw fiH għax m’għandhomx aktar f’min jittamaw.

 

Ritornell:  Reġġagħna għal li konna, Mulej.

 

Salm 80

 

O Ragħaj ta' Iżrael, agħti widen,

int li tmexxi bħal merħla 'l Ġużeppi.

Int li qiegħed fuq il-kerubini,

iddi quddiem Efrajm, Benjamin u Manassi.

Qajjem il-qawwa tiegħek,

u ejja ħa ssalvana.

 

Erġa' ejja, Alla ta' l-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur 'il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawwlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik.

 

 Ħa tkun idek fuq il-bniedem ta' lemintek,

fuq il-bniedem li int saħħaħt għalik.

Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejjħu ismek.

 

It-Tieni Qari

 

Iktar kemm naqraw il-Kelma ta’ Alla iktar nindunaw li l-Milied, bħal kull ħaġa oħra li tfakkar u terġa’ tgħix il-Knisja, jieħu s-sens tiegħu mill-Għid.  Jiddawwal mid-Dawl jgħammex li joħroġ mill-esperjenza ta’ Kristu li sar il-Ħaruf li jmut biex tgħix għal dejjem il-merħla.  Hu jmut biex ngħix jien.  Imut biex tgħix int.  Hu l-iljun ta’ Ġuda li sar Ħaruf biex ibati, biex id-Demm tiegħU isir id-dota li biha rebaħ lill-Għarusa tiegħU.  Min tassew jemmen, jimtela’ bil-ferħ anke meta xi ħadd ifakkru f’dan. 

 

L-Ittra lil-Lhud, li silta minnha tippreżentalna l-Knisja f’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, titkellem mill-bidu sal-aħħar fuq is-Saċerdozju qaddis ta’ Kristu adult.  Il-Missjoni li għaliha twieled Kristu fl-għar ta’ Betlehem kienet li jitqabad mal-Mewt li lilna ġġagħalna nkunu egoisti u nidinbu anke bla ma nafu.  Din it-taqbida ta’ interċessjoni favur tagħna, għalhekk Saċerdozju, lil Kristu swietlu kollox.  Hu li kien Alla tneżża minn kollox, u Hu li minnU tnixxi l-Ħajja tal-univers kollu, miet.  Imma bil-mewt tiegħU, qatel il-Mewt tiegħek u tiegħi u bil-Qawmien tiegħu kexkex l-univers kollu b’tiġdid meraviljuż: Ħajja għal Dejjem.  Waqt li qabel kollox kien miexi lejn il-Mewt sa mit-twelid, issa jinsab f’Ħajja bla tmiem minħabba Kristu.

 

Il-vittmi u s-sagrifiċċji kollha li Mosè kien ikkmanda lil-Lhud biex jagħmlu kuljum għal sekli sħaħ, kienu biss xbieha ta’ sagrifiċċju wieħed li mhux bniedem kellu jwettaq, imma Alla nnifsu.  Lil Alla, is-sagrifiċċji ta’ qabel qatt ma għoġbuH u lanqas setgħu jogħġbuH, anke jekk ordnahom Hu.  Imma Hu kien jaf li kien riesaq is-sagrifiċċju waħdieni, is-sagrifiċċju veru li jpatti għad-dnubiet kollha, is-sagrifiċċju li Hu biss seta’ jwettaq, f’Ibnu.

 

Għalhekk jifraħ in-Nisrani bil-Milied, għax fl-għar bdiet tinħadem is-salvazzjoni tiegħu.

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.  10, 5-10

 

Ħuti :Għalhekk Kristu meta daħal fid-dinja qal:

 

     “Sagrifiċċju  u offerta int ma ridtx,

     imma ġisem int ħejjejt għalija;

     vittmi  maħruqa  u  vittmi   għad-dnubiet  lilek

     ma għoġbukx.

     Jien  imbagħad  għedt: 'Hawn  jien,  ġejt   biex

     nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla, kif fil-ktieb hemm miktub

     fuqi.”

 

L-ewwel qal: "Sagrifiċċji u offerti, vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk", għalkemm dawn titlobhom il-Liġi. Mbagħad qal: "Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek." B'hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji ta' l-ewwel biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta' din ir-rieda aħna konna mqaddsin, permezz ta' l-offerta tal-ġisem ta' Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

 

Evanġelju

 

Malli daħal Kristu għand Eliżabetta, f’ġuf Marija, Eliżabetta għajtet għajta kbira ta’ ferħ, ferħ ta’ barra minn hawn.  Imtliet bl-Ispirtu s-Santu, jgħidilna l-qari, u għalhekk indunat, għarfet, ġie muri lilha x’kien qed jiġri.  Dak li kien ilu tant jistenna Iżrael, kien wasal, kien daħal għandha, kien f’ġuf qaribtha!  Infexxet f’għajta kbira!  Dan huwa x-xogħol tal-Ispirtu s-Santu.  Malli jdawwal, u l-bniedem jinduna b’dak li qabel kien moħbi minnu, kbir ikun il-ferħ tiegħu, ikbar minn kull ħaġa oħra li tista’ tferrħu.  Hu dan il-ferħ li jżomm il-Knisja ħajja minn ġenerazzjoni għall-oħra, minn seklu għall-ieħor. 

 

Jien niftakar meta f’żogħżiti kulma kellu x’jaqsam mal-Knisja ftit kien jagħmel sens.  Xi bluha, l-bniedem!  Kien jagħmel ħafna iktar sens li taħdem u tagħmel il-flus, li tiżżewweġ, li tadura l-idolu tal-passatemp.  Imma jekk biss imisslek qalbek l-Ispirtu s-Santu, kemm kemm imisslek qalbek, tinduna f’daqqa waħda li f’li wieħed jagħraf lil Kristu hemm is-sens ta’ kollox.

 

Ferħ kbir jiġi wara li tkun ilek tistenna, tittama, titħannen għal xi ħaġa prezzjuża.  Il-Profeta Isaija, f’poeżija meraviljuża mnebbħa mill-Ispirtu, f’Kapitlu 45, jesprimi fi kliem emozjonanti ħafna dak li n-nies ġusti kien ilhom iħossu.  Kienu jafu li salvazzjoni mmensa kienet riesqa, imma kienu jafu wkoll li din is-salvazzjoni huma ma kellhomx u aktarx ma kinitx se sseħħ fi żmienhom.  Il-Profeta jgħid:

 

“Smewwiet, qattru mill-għoli; o sħab ibgħat il-Qaddis. Ja art, infetaħ ja art u jinbet il-Feddej.  Għax aħna x-xagħri, aħna n-nixfa: Ejja Mulej!  Maran atha!  Aħna r-riħ, ħadd ma jismagħna; aħna d-dlam, ħadd ma jmexxina.  Ejja Mulej!  Maran atha!  Aħna l-ktajjen, ħadd ma jħollna; aħna l-kesħa, ħadd ma jgħattina; aħna l-ġuħ, ħadd ma jitmagħna; aħna d-dmugħ, ħadd ma jixxuttana.  Ejja Mulej!  Maran atha!  Aħna l-uġigħ, ħadd ma jilmaħna.  Ejja Mulej!  Maran atha!”  (ara Is. 45, 8w).

 

Hawn jinsab is-sens veru tal-Ħajja.  Jekk f’tarbija ġo għar, imnebbħin bħal Eliżabetta, naraw il-bidu ta’ dan kollu, ikollna għax nistagħġbu u nifhmu l-għala l-antenati tagħna kienu jpoġġu pastur qisu iblah, mistagħġeb b’dak li kien qed jara.

 

Versett: Hallelujah.  Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek! Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  1, 39-45

 

F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt tal-Lhudija.  Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. 

 

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;  u nfexxet f'għajta kbira u qalet: "Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!  U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?  Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.  Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!"

 

 
< Prev   Next >