Monday, 22 April 2019
           
Home arrow Home
IL-HADD FOST L-OTTAVA TAL-MILIED (2018) IL-BNIEDEM BZONN FAMILJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 30 December 2018

Din hija il- Liturgija tal-Hadd fost L-Ottava tal-Milied ( 2018 ) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 tfallel_gesu_fit-tempju.jpg

 

Fit-Tieni Kapitlu tal-ewwel ktieb tal-Iskrittura - il-Ġenesi, Alla jipproklama xi ħaġa mportanti immens dwar il-karattru tal-bniedem u tal-ħolqien kollu li hu nissel mill-Imħabba kbira tiegħU.  Hu qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu.  Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”  (Ġen. 2, 18).  Dak li ġie mnissel mill-Imħabba ma setax jgħix fis-solitudni, u dan ma jgħoddx għall-bniedem biss imma għall-ħlejjaq kollha.  Alla nnifsu ma jgħix f’solitudni għax Hu komunità, familja, Tliet Persuni, rivelazzjoni tal-għaġeb li Alla ta tiegħU innifsu u li hi l-bażi tal-Fidi Nisranija.  L-Imħabba ma tissaportix ma tgħaddix għal għand ħaddieħor.  Fejn m’hemmx dan “l-ieħor” m’hemmx Imħabba.  Din hi l-karatteristika ta’ Alla li l-ħin kollu jgħaddi għal għandi, għal għandek, għal għand “ħaddieħor”, u dan kien il-mottiv, il-prinċipju, il-bidu tal-Univers maħluq.  Alla jaqsam Imħabbtu għax l-Imħabba mhix Imħabba jekk ma tiġix maqsuma ma’ ħaddieħor, ixxerjata.  Din hija r-raġuni li Alla ħalaq kollox.

 

Għalhekk il-bniedem jinqered mingħajr kumpanija, mingħajr “l-ieħor” jew  “l-oħra”.  Għalhekk il-Familja.  U fejn ma hemmx familja fiżika, għax mhux kulħadd jiżżewweġ, il-bniedem xorta joħloq ambjent familjari għalih fost ħbiebu, fost sħabu tax-xogħol, fost dawk li jaqsmu miegħu l-istess idejat, xewqat, passatempi.  Jekk lill-bniedem iġġegħlu jgħix waħdu, toqtlu, u dan hu pruvat xjentifikament.  L-ikbar kastig li jeżisti fil-ħabsijiet huwa s-“solitary confinement”, meta bniedem jagħlquh ġo ċella, qisu ġo qabar, għal xhur sħaħ bla ma jara lil ħadd.

 

 

Dan kollu għax fil-fond, l-akbar għana li għandu l-bniedem hu t-tħannin tiegħu li jħobb, li jaqsam Imħabbtu ma’ ħaddieħor u jivvinta kollox biex jaħrab l-orrur, id-dlam tas-solitudni. Għalhekk li ċ-ċella tal-ħabs li tissakkar bi ħsejjes li jġennu u b’kaltnazzi daqshiex hija xbiha ta’ dak li l-aktar li jeqred il-personalità tal-bniedem.  Issa din iċ-ċella tista’ tkun fiżika, ċella vera tal-ħabs, imma tista’ tkun ukoll psikoloġika, spiritwali, meta bniedem mhux magħluq fiżikament imkien, imma li Ħajtu għandha biss qjies ta’ ħames passi kwadri għax limitata, bla familja, bla ħbieb, bla sħab li għal għandhom jgħaddi.

 

Għax hemm problema.  Il-bniedem għandu l-istint li jgħaddi għal għand “l-ieħor”, li jaqsam mal-“ieħor”, u dan hu istint naturali, anzi iktar minn naturali, huwa istint qaddis għax ġej minn Alla, għax hu ta’ Alla.  Imma dan l-istint hu ppersegwitat fil-bniedem u din li wieħed joħroġ minnu nnifsu biex jibni relazzjoni mal-“ieħor”, mal-“oħra”, minflok xi ħaġa naturali, faċli, ssir qisha ħmar il-lejl, diffiċli ħafna, inkubu li minnu dak li jkun ma jistax joħroġ. 

 

L-Imħabba li Alla poġġa fil-qiegħ ta’ qalb il-bniedem u li hi s-sens ta’ kollox, hi fi gwerra, taqbida kontinwa, tissara biex toħroġ u tferraħ lil ħaddieħor, imma terġa lura, telliefa, imfarrka, tistkenn fil-fosdqa, fl-għeluq tal-“Jien”, fejn dak li jkun iħossu “safe”.  Dann għax forsi l-offerta tagħna ġiet miċħuda, imkasbra, ma ġietx reċiprokata.  Dan għaddejna minnu lkoll, u għalkemm is-suġġett jidher xi ftit diffiċli biex wieħed jitkellem fuqu, fil-fatt hu konkret immens u l-esperjenza ta’ kuljum għal ħafna minna.

 

Qed nitkellmu fuq dan għax fl-għerf qaddis tagħha, il-Knisja tpoġġielna fiċ-ċentru l-Familja f’dan il-Ħadd li jaħbat fost l-Ottava, it-tmint ijiem ta’ wara l-Milied.  U jien nażżarda ngħid li l-Knisja, mhux il-Familja biss tpoġġi quddiemna, imma l-istint sħiħ tal-bniedem li jimbuttah biex jgħix mal-oħrajn, kif qal Alla: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu.”  Tassew: mhux sewwa li jien nibqa’ waħdi, li int tibqa’ waħdek.  Alla ma jridx li int tibqa’ waħdek, imma jridek tgħix mal-oħrajn f’familja, f’għaqda ta’ interessi, f’soċjetà ħajja, f’għanijiet li jagħmlu l-ġid. 

 

Imma, kulma jmiss mal-bniedem dejjem jikkomplika ruħu.  Il-bniedem jistudja ħafna dwar il-problemi u twieldu ħafna metodi xjentifiċi, bħalma huma l-psikoloġija u l-psikjatrija li għamlu ħafna ġid.  Imma, bħal dejjem, il-bniedem idur dawra kbira biex jasal għal xi verità li fil-fatt tkun taħt għajnejh il-ħin kollu, fil-qrib.  Il-Bibbja, il-Kelma li tirrivelalna kollox, tgħid ħaġa sempliċi fuq dak li jxekkel il-personalità tant sabiħa tal-bniedem u li jxekkilha milli toħroġ u tidher hekk kif inhi.  Hi tgħid li l-bniedem dineb.

 

Issa dan int tista’ tifhmu kif trid u tagħtih tifsira li tkun kredibbli għall-mod kif taħseb.  Id-“Dnub” kellu tifsiriet differenti għax kull ġenerazzjoni ħarset lejh b’mod differenti. Illum, il-Knisja titkellem ċar dwaru.  Huwa ferm iktar minn xi ħaġa morali, minn ksur ta’ Liġi.  Wara kollox, qabel dehret il-Liġi ta’ Mosè fid-dinja kien ġa jeżisti d-“Dnub”.  Id-“Dnub” huwa stat ta’ jasar li bih jitwieled il-bniedem, jirtu mingħand missirijietu.  L-Ittra lil-Lhud tgħid li l-bniedem huwa kostrett jidneb, jiġifieri mġiegħel jidneb, imġiegħel ma jħobbx anke jekk irid iħobb.  Għax wara kollox x’inhu d-“Dnub” jekk mhux nuqqas ta’ Mħabba?  Il-bniedem ġie maħluq mill-Imħabba biex iħobb u jixtieq iħobb, imma ħafna drabi jibża’ jħobb għax in-natura tiegħu hi mejta minħabba l-pesta tad-“Dnub”.  Għax id-“Dnub” huwa s-suspett dwar Alla.  Dan hu l-ġenesi, l-bidu ta’ kull dnub.  Eva tawlet idejha u wettqet dak li Alla taha l-parir ma twettaqx għax id-“Dnub” kien ġa daħal fiha minn qabel, u dan id-“Dnub” kien is-suspett li forsi Alla mhux magħha imma kontra tagħha, li Alla mhux Imħabba imma rival li jxekkel, li Alla mhux magħna u għalhekk aħna lkoll waħedna. 

 

Din hi “l-kontro-Mħabba”, id-“Dnub”.  Mill-ewwel jitwieled l-egoiżmu.  Jekk jien waħdi, jien nibża’.  Jekk jien nibża’, jien naħseb għal rasi.  Jekk naħseb għal rasi, waqa’ l-pont, il-bridge, li jgħaqqadni mal-ieħor.  Jekk għandi problemi ngħaddi għal għand “l-ieħor”, allura l-ieħor huwa rival. Huwa minħabba dan li wieħed mill-profeti tal-paganiżmu, il-filosofu Franċiż Sartre jasal biex jgħid li l-“ieħor” huwa l-“infern”.  “Hell is  in ‘Hello’” tgħid kalzunetta li kienet popolari xi żmien ilu.

 

Dan kollu ssibuh fir-rakkont tal-għaġeb li huwa l-istorja ta’ Adam u Eva.  Il-Knisja tgħid li m’hemmx għalfejn wieħed jemmen li din il-ġrajja ġrat storikament, ġrat hekk fil-fatt, imma tonqos fil-Fidi jekk int ma temminx f’dak li jgħid dan ir-rakkont, f’dak li jimplika, għax hu l-ġabra tal-esperjenza ta’ poplu li rċieva r-rivelazzjoni waħdanija ta’ Alla.  U jekk int taqrah bil-għaqal tara li dan kollu li fuqu qegħdin nitkellmu joħroġ minn hemm.  Din l-Istorja hija kapolavur psikoloġiku fuq il-qagħda tal-bniedem.

 

L-Imħabba hi riskju u l-bniedem miġrugħ sar jibża’ jirriskja, llum iktar minn qabel.  L-Imħabba kapaċi tweġġa mmens, anzi m’hemmx uġigħ ikbar minn dak ta’ qalb maqsuma.  Qabel, is-soċjetà kienet tgħin lill-bniedem jirriskja u dan kienet tagħmlu b’ħafna modi, xi wħud minnhom jidhru negattivi għalina.  U bħalma dejjem jagħmel il-bniedem, meta ra l-ilma maħmuġ irmigħ bit-tarbija b’kollox, jgħidu l-Ingliżi.  Illum is-soċjeta għaddiet għan-naħa l-oħra.  Flok tgħin lill-bniedem jirriskja b’mod pożittiv, qed tgħidlu biex ma jirriskja xejn u l-kultura dominanti tal-lum, il-“ħsieb” li hu tant popolari, hu dak individwalista.  Għandek il-flus, għandek il-kumditajiet, għandek appartament, għandek il-passatemp... mela għandek kollox.  X’tambi familja?  U mur ’l hemm.  Familja = inkwiet.  Taħsibx f’ħaddieħor.  Kun indipendenti.  Hekk tkun iktar ħieles tagħmel li trid bi flusek, b’ħinek, b’kollox.

 

Din hija l-mewt tal-Imħabba.  Aħna ngħiru għall-ġnus tal-punent u nixtiequ nikkuppjawhom għax għadna bil-mentalità kolonjalista.  Ħakmuna l-barranin għal ħafna sekli għax kienu b’saħħithom iktar minna, allura naħsbu li dak li jagħmlu huma hu aħjar minn tagħna.  Ngħaddu liġijiet “progressivi” li jidhru li jagħtu dejjem iktar ħelsien lill-bniedem.  Fil-fatt il-bniedem qed jibni ċella għalih fejn ikun “safe” li ma jirriskjax.  L-Imħabba qegħda tmut.  Fuq it-T.V. m’għadekx tara wisq reklami fuq affarijiet tat-trabi imma tara ħafna fuq ikel u kura tal-annimali għax flok ‘babies’ ħafna nisa moderni fl-Ewropa u fl-Amerika għandhom il-poodle.  Intilfet il-fertilità għax l-Imħabba hi riskju u dan hu ġenn għall-bniedem tal-lum.  Kemm konna aħjar meta konna agħar!

 

Imma hemm tama, għax Alla qatt ma jħalli l-poplu tiegħu għal riħu.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Ewwel Qari minn Bin Sirak hu sempliċi u jagħfas fuq ir-Raba’ Kmandament tal-Ħajja dwar ir-rispett li l-ulied għandhom ikollhom lejn il-ġenituri tagħhom.  Dan ir-rispett dejjem kien il-bażi tal-kultura domestika tagħna.  Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, pajjiżna gawda minn sens qawwi ta’ Familja u dan li se nisimgħu hawn dejjem kien minqux f’qalb il-Maltin u l-Għawdxin.

 

Ir-Raba Kmandament hu l-waħdieni li Alla żejjen b’wegħda għal min jobdih għax l-Eżodu jgħid: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.”  (Eż. 20, 12).  Issa, dak iż-żmien Alla kien għadu ma rrivelax il-Ħajja ta’ Dejjem, l-eternità, in-natura divina li dawk li jemmnu fiH kellhom jirċievu b’rigal, ħaġa li ġiet ipproklamata mad-dehra tal-Messija.  Il-poplu ta’ żmien Mosè, din li “jitkattru jiemek” kienu jifhmuha biss għall-Ħajja fuq din l-art għax b’dik biss kienu jafu.  In-Nisrani jaqra hawn wegħda ta’ Ħajja bla tmiem għal min iġib rispett lill-ġenituri tiegħu.  Dan juri l-importanza li l-familja għandha f’għajnejn il-Mulej.

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  3, 2-6, 12-14

 

Għax il-Mulej għolla l-missier fuq it-tfal,

u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied.

Min jibża' minn missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu,

u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma' f'teżor.

 

Min jibża' minn missieru jifraħ b’uliedu,                           

u meta jitlob jinstama'.

Min iweġġaħ 'il missieru jkollu għomor twil,

u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma' mill-Mulej.

 

Ibni, ieqaf ma' missierek fi xjuħitu,

u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu.

Ukoll jekk moħħu jeħfief, għadru,

u tonqsux mill-ġieħ meta għadek b'saħħtek,

għax il-ħniena ma' missierek ma tintesiex,

imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.

 

Salm Responsorjali

 

Dan li ġej hu tassew Salm sabiħ li jispiċċa bil-Kliem : “Ibierkek il-Mulej minn Sijon!  Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm tul il-jiem kollha ta’ ħajtek!”  (v. 5).  Il-ġid ta’ Ġerusalemm huwa l-ġid tal-Knisja, u l-ġid tal-Knisja huwa l-Ispirtu s-Santu li jgħarrfek l-Imħabba li hemm għalik fi Kristu.  Din il-wegħda li jispiċċa biha Salm 128, is-Salm tat-tiġijiet, Alla jagħmilha lil min jgħix il-Ħajja tal-Familja skont ir-Rieda tiegħU. 

 

Il-Familja Nisranija bil-mod il-mod qegħda ssir dawl għad-dinja mdallma, midfuna fis-solitudni.  Kemm tbiegħed il-bniedem illum mill-Familja ideali li temmen fiha l-kultura Ġudeo-Kristjana!  X’ġirja spettakulari għamilna f’dawn l-aħħar ħamsin/sittin sena minn dak li dejjem kien hekk għażiż għall-missirijietna!  Iż-żagħżagħ tal-lum lanqas biss jifhmu x’irid jgħid vers 3 ta’ dan is-Salm, meta jgħid: “Martek tkun bħal dielja għammiela ’l ġewwa f’darek; uliedek bħal xitel taż-żebbuġ madwar il-mejda tiegħek.”  (v. 3).  Għall-mara moderna u progressiva tal-lum, dan il-vers hu ta’ insult għaliha.  Hi ġġieldet biex tikseb l-indipendenza tagħha għax hu wisq għall-bniedem tal-lum li jirriskja fl-Imħabba.  Riskju kbir wisq!  Għalhekk il-mara ċediet il-post tagħha ta’ Reġina tad-dar u saret bħar-raġel: skorfina fil-magna tad-dris li hi l-ekonomija tal-pajjiż.  Hija biegħet ruħha, biegħet il-maternità tagħha għall-flus, għall-kumditajiet, u fuq kollox għall-indipendenza minn żewġha għax ħadd m’għadu jafda fl-Imħabba ta’ ħadd.  X’jiem koroh dawn!  Ħadd m’għadu jafda lil ħadd u l-għajat tat-tfal jilagħbu barra siket.  Jien niftakar Triq Ħamri mimlija kollha tfal filgħaxija jilagħbu l-ballun, qabel ma Dun Karm irranġalna l-ground.  Dik kienet soċjetà tassew ħajja kapaċi tnissel tfal għall-Ħajja ta’ Dejjem.

 

L-għaxqa tal-missier Lhudi kienet li jħares madwar il-mejda tal-ikel u jara lil uliedu miġbura wieħed ħdejn wieħed, waħda ħdejn waħda, kollha jieklu, kollha qed jikbru b’saħħithom.  Dan kien l-ors ta’ missirijietna wkoll.  Il-ġenerazzjoni tiegħi tiftakru dan.  Illum sparixxa kollox.  sparixxa f’daqqa waħda.

 

Ritornell: Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!

 

Salm 128

 

Hieni kull min jibża' mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta' idejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb!

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta' darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek.

 

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem

li jibża' mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta' Ġerusalemm

tul ħajtek kollha!

Jalla tara wlied uliedek!

Sliem għal Iżrael!

 

It-Tieni Qari

 

In-nies ta’ Kolossi ma kinux differenti minna.  Kellhom il-problemi ta’ kuljum bħalna; bħalna kienu jsibuha diffiċli jaċċettaw lill-“ieħor” hekk kif inhu.  Imma meta wasal l-Appostlu għandhom, huma emmnu l-Aħbar tal-Mulej Ġesù.  Kull wieħed minnhom kellu n-natura midinba li għandna aħna u kollha għarfu l-verità tal-predikazzjoni dwar il-ħtija tal-bniedem, il-ġibda li għandu lejn il-ħażen, u l-biża’ tal-mewt li tagħmlu egoist iffissat fih innifsu.  Imma lkoll ferħu meta ddawlu bil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  L-Aħbar li d-dejn ta’ dnubiethom kien tħallas għamlet minnhom nies ġodda, imwielda mill-ġdid, bnedmin għonja fil-Grazzja.

 

Dawn in-nies, bħalna llum, kellhom il-problemi fil-familji tagħhom, u żgur li xi wħud minnhom xi darba rmew barra fir-raba’ xi tarbija mhix mixtieqa, għax dan kien il-mod tagħhom kif jagħmlu l-abort.  Quddiem problema kbira, kienu jaqtgħu għad-dritt kif jaqbel lilhom.  Imma l-predikazzjoni ta’ Pawlu bidlithom u bdew jgħixu kultura ġdida.  Dan mhux għax kienu ħafna bravi huma, imma bis-saħħa tal-Grazzja li rċivew.

 

Biex ngħixu Ħajja qaddisa għandna bżonn il-Grazzja.  Il-Qdusija hi ta’ Alla waħdu.  Huwa Hu biss li hu l-Qaddis, imma Hu jrid li jagħtina sehem min-natura dejjem Ħajja tiegħU biex aħna nkunu wkoll kapaċi ngħamlu Opri tal-Ħajja ta’ Dejjem. Mingħajr Alla xejn ħlief egoiżmi.  B’Alla kollox jista’ jkun! 

 

Is-silta titkellem xi ftit fuq il-Ħajja miżżewġa tan-Nisrani.  Hu ovvju li dan mhux kmandament.  L-Imħabba qatt mhi kmandament.  L-Imħabba hi ħielsa.  Ma tistax tisforza lil ħadd iħobbok u ħadd ma jista’ jġegħlek tħobbu.  Huwa Alla li jbiddel il-qlub.  Familja tassew Nisranija tixrob il-ħin kollu mill-Grazzja, inkella torqod Nisranija u tqum pagana. Il-Knisja minn dejjem għallmet li hemm tliet artali, mhux wieħed, għall-Familja Nisranija.  L-artal tal-Ewkaristija, li naturalment smajna fuq li smajna dwaru.  Kif jista’ wieħed iżomm il-Grazzja taż-Żwieġ jekk ma jgħix l-Ewkaristija fil-milja tagħha u ma jitmantniex bil-Ġisem, id-Demm u l-istess Natura ta’ Kristu? 

 

Imma hemm ukoll il-mejda tas-sodda taż-żwieġ.  Dan forsi jissorprendi, imma missirijietna kien jafu biha din, tant li s-sodda taż-żwieġ kienu jagħmlulha bħal baldakkin, donna artal.  Għax fiha il-ġenituri jissieħbu ma’ Alla fl-akbar att ta’ Mħabba li juri Alla, dak ta’ meta joħloq bniedem.  Il-ġenituri huma ħielsa li dan ma jagħmluhx, bħalma ħafna ma jagħmluhx illum.  Imma hi Grazzja, anzi tinagħta l-Grazzja taż-żwieġ meta l-miżżewġin jingħaqdu mal-Mulej u jagħtuh il-permess tagħhom li joħloq ħlejqa ġdida.  Dawn huma affarijiet tal-għaġeb tafux.  Inkunu nafu kemm huma kbar meta mmorru d-dinja l-oħra. Ħafna familji sfrattaw għax ingħalqu għall-Ħajja.  Sikwit dan mhu tort ta’ ħadd.  Alla jaf kollox, u jaf it-tbatija li qed tizdied, mhux tonqos, fuq il-bniedem tal-lum.

 

It-tielet mejda hija dik li semma s-Salm tal-lum: il-mejda tal-ikel.  Il-fatt li l-familja tinġabar flimkien biex tiekol, huwa att qaddis.  Mhux ta’ b’xejn li l-ikbar mument ta’ Mħabba li Kirstu wera lid-dixxipli tiegħu u lill-Knisja li kellha titwieled kien waqt Ikla meta waqqaf l-Ewkaristija.  Għax l-ikla hi dejjem il-ħin ta’ rilassiment, għaqda, koinonia, tisħiħ tar-relazzjonijiet fil-familja.  Illum, il-kultura ġdida anke dan serqitilna.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.  3, 12-21

 

 Intom il-magħżulin ta' Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta' ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.  Stabru b'xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma' ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.  

 

U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni.  Ħalli s-sliem ta' Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejjħa biex issiru ġisem wieħed. U ta' dan roddu ħajr lil Alla.  

 

Ħalli l-kelma ta' Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b'salmi u innijiet u b'għana spiritwali, u b'radd il-ħajr kantaw f'qalbkom innijiet lil Alla.  Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej.  Intom imbagħad, irġiel miżżewwġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom.

 

Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f'kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej.  Intom, missirijiet, la ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.

 

Evanġelju

 

Dan ir-rakkont inkwetanti tat-telfien tat-tfajjel Ġesù fit-Tempju, ifakkarna malajr malajr fil-Misteru tal-Għid li kellu jgħix.  Imma din id-darba l-Misteru tal-Għid għexuh il-ġenituri tiegħu: l-inżul fid-dlam tal-kriżi, tal-inkwiet, tat-tbatja, tar-ritorn weħedhom lura lejn Ġerusalemm bla ma jafu x’se jsibu, u wara tlett ijiem, iva wara tlett ijiem, isibuH ħaj, lilU li kien bħal sparixxa minn ħajjithom.  Din kienet tassew esperjenza qawwija għal Marija, u nissuspetta iktar għal Ġużeppi li f’idu kien fdalu t-tfajjel Alla l-Imbierek. 

 

Imma dan ir-rakkont jurina li l-Ħajja hi mimlija esperjenzi tal-Għid... esperjenzi iebsa li bħal donnhom għandhom is-setgħa joqtluna.  Imma fil-milja tal-esperjenza dejjem ifeġġ l-Għid, iż-żerniq ta’ jum ġdid aktar għani fil-Fidi u l-Fiduċja f’Alla.  Ħarsu lura lejn l-Istorja tagħkom u araw jekk hix immarkata minn sensiela twila ta’ ġrajjiet li dehru sfidiet li jheddu, problemi kull tant ikbar minna.  Imma liema waħda minn dawn qatlitna?  L-ebda waħda.  Kull ġrajja waslitna lejn l-Għid, lejn il-Qawmien, lejn il-ħelsien.  Din hi l-Istorja tal-Familji kollha. Kuraġġ.  Alla hu aqwa minn dak kollu li nistgħu niltaqgħu miegħu.

 

Versett: Hallelujah.  Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlbukom; ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  2, 41-52

 

Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid.  Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa.  Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.  Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom,  ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

 

Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom;  u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.  Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma!"  U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?"  Iżda kliemu ma fehmuhx.  Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn  il-ħwejjeġ kollha.  U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Last Updated ( Sunday, 30 December 2018 )
 
< Prev   Next >