Din
hija il- Liturgija ta' L-Eppifanija tal-Mulej (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Alla
wera ruħu lill-bniedem f’Ġesù ta’ Nazaret, il-Kristu, il-Midluk, f’Dak li sa
mill-ewwel paġni tal-Bibbja Hu wiegħed li jibgħat. Alla ma baqagħlux iktar x’juri
lill-bniedem. Min isib lill-Iben isib lill-Missier. Il-Ħajja ta’ Dejjem, is-sens kollu
tal-Istorja li kull wieħed jgħaddi minnha, l-għan tagħha hu li niskopru
l-Missier. LejH jinsab miexi l-ħolqien kollu, lejn il-Missier li hu l-għajn ta’
kollox. U l-Missier jinsab fi
Kristu. Lanqas irridu nieqfu fuq Kristu,
għax Kristu jiġi għandna biex jurina lill-Missier; Missieru u Missierna. Kristu huwa t-Triq, imma d-destinazzjoni
tagħna huwa l-Missier. Ħajjin huma biss
dawk li sabuH. L-oħrajn għadhom iltiema
u mhux veru li għandhom il-Ħajja u s-sliem.
In-Nisrani
hu dak li sab lil Kristu, imma jibqa’ jifittxu xorta waħda, għax Kristu huwa
Misteru. Meta taħseb li doqtu u skirt
bih, jaqbdek l-għatx għal aktar, u tkompli tterraq lejn il-qalba tad-Dawl, u
l-qalba tad-Dawl huwa l-Missier. Henjin
huma dawk li jinsabu f’dan il-vjaġġ.
Henjin huma dawk li rikbu l-ġemel u qed iterrqu fid-deżert. Henjin huma dawk li fid-dlam tas-solitudni,
meta kulħadd jgħidlek li inti ffissat, titla’ għalik kewkba; għax il-kewkba
tidher biss bil-lejl. Int tgħix
bil-lejl; l-oħrajn bin-nhar. Int qed
tfittex; l-oħrajn jaħsbu li sabu dak li kellhom isibu. Inti fqir, imma għani; l-oħrajn huma għonja, imma fqar.
Epifanija,
Wirja, Rivelazzjoni. Waħda mill-eqdem
ċelebrazzjoni liturġika tal-Knisja.
Il-Knisja tgħix ir-rejaltà li Alla, il-Missier li minnu ħareġ kollox,
dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx... u dak li ma jidhirx hu ferm ikbar
minn dak li jidher..., dan il-Missier, dan il-Bidu ta’ kollox, dan il-Misteru
mkebbeb fid-dlamijiet, wera ruħu, għamel Wirja, Rivelazzjoni, Epifanija tiegħu
nnifsu f’tarbija.
Tlieta
min-nies li kienu jafu ‘jaħsbu’, li kellhom kollox imma kienu vojta, bħal tant
nies, telqu l-ġid u l-għana tagħhom, lill-pajjiżhom, lill-għanqbut kollu li
kien ixejħilhom moħħhom... u saru żgħażagħ mill-ġdid. Telgħet kewkba f’qalbhom, qabel ma rawha
b’għajnejhom. Il-vojt tagħhom imtela
b’għan. Forsi lil kull bniedem jiġri
dan. Kulħadd għandu l-Istorja tiegħu
x’jirrakkonta. Xi wħud, xettiċi, ħonqu
d-Dawl li twieled fihom. Oħrajn telqu
jfittxu ħwejjeġ oħra u l-kewkba l-vera qatt ma rawha. Anke t-tlieta tal-festa tagħna, infixlu
quddiem it-tul taż-żmien, l-għejja, id-delużjoni. Bdew jaħsbu b’moħħhom; u malli bdew jaħsbu
b’moħħhom, il-kewkba għebet u sabu ruħhom fil-palazz tad-dinja fejn jgħammru
l-għedewwa ta’ Dak li kienu qegħdin ifittxu.
Imma
sabuH. Sejba mpossibli għall-moħħ biex
jifhem. Dak li ħalaq it-trajja tal-kwiekeb, li jħalli l-imperi u l-kulturi
jikbru sakemm inissel fihom is-susa tal-qerda, dak li hu Sid ir-riefnu u
l-ħalel tal-ibħra li jibilgħu d-dinja... dan kien f’tarbija tibki għal ftit
ħalib mingħand il-bnedmin. Il-kotra
ddawwar dahra u titlaq. Il-kotra tfittex
salvatur ieħor. Dawn it-tlieta jintefgħu
fl-art, bħalma għamlu r-rgħajja qabilhom, u jagħtuh dak li kien għad
baqagħlhom, il-‘kollox’ li kellhom.
Huma
l-umli li jsibu. Huma l-umli li
jissemmgħu għat-taħbita tal-qalb iktar milli għall-ġenn tal-moħħ. Huma l-umli li jafu xi jfisser ikollok
l-intuwizzjoni li hi aqwa mill-intelliġenża.
Huma l-umli li bla ma jaraw sinjali li jimpressjonaw, jintefgħu, għax
f’qalbhom telgħet kewkba, intuwizzjoni... “għandi x’jgħidli” ngħidu
bil-Malti. Noè sema’ f’qalbu dan
il-leħen, din l-intuwizzjoni, u bena arka.
Abraham, semagħha wkoll, u xiħ, telaq pajjiżu, jimxi. Mosè ra x-xewk jaqbad u ħass li hemm kien
hemm moħbi l-‘għaġeb’, il-meravilja ta’ kollox.
Tant nies; anke tant minna, f’mument ta’ skiet stramb, ħassejna
l-intuwizzjoni, l-leħen moħbi ġo fina, “ħassejna x’jgħidilna”: intefa’ hawn,
terraq f’din it-triq. Lil Marija
imbuttatha biex tgħid: “Hawn jien il-Qaddejja tal-Mulej!”. Melchior, Gaspar u Balthassar ħallew kollox u
telqu. Għax il-leħen ta’ Alla hu aqwa
minn dak kollu li għandu l-bniedem. Huwa
f’dan il-mument solitarju li jseħħu l-konverżjonijiet.
L-Ewwel
Qari
Alla
hu dejjem Aħbar Tajba. Id-dinja togħxa
bl-aħbarijiet ħżiena. Nies id-dlam
jippreferu jisimgħu l-ikrah, il-ħażin, il-fallimenti tal-oħrajn. Hekk hi d-dinja. Dawk li jiġru wara l-istejjer jippreferu
jindagaw xi skandlu jew xi rejat, milli jistaqsu lil wieħed sempliċi, li
m’għandu xejn, għaliex hu ferħan.
Id-dinja miġnuna bid-dlam. Ma
tridx titilqu. San Ġwann jgħid: “Id-dawl
ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl.” (Ġw. 3, 19).
Se
nisimgħu qari minn Isaija, li ħafna se jisimgħuh fil-quddiesa u mhumiex se
jagħtu kasu. Ħafna ma jemmnux li l-Kelma
tiġi mxandra biex tkellimhom fuq id-dlam tagħhom, fuq l-esperjenza li jkunu
għaddejjin minnha. Din il-Kelma hija
Dawl għal dawk li xebgħu jgħixu fid-dlam.
“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal!” (v. 1).
Liema dawl? Hawn hi l-problema
tagħna. Liema dawl? Il-maġi telqu jfittxu. X’se jsibu?
X’dawl hu dan? Tgħid se nirbaħ
lotterija u nsolvi l-problemi li joħonquni kuljum malli nistenbaħ? Tgħid se nfiq? Tgħid se ngħaddi? Tgħid se niżżewweġ? Dak ix-xogħol, għalija?
Anke
l-Appostli. “X’se nieħdu?” darba staqsih
Pietru. U t-tnejn l-oħra riedu joqogħdu
maġenbu, wieħed kull naħa, fis-Saltna, deputati-kapijiet, bħalma għandhom
il-partiti tagħna. U x’Saltna hi
din? Is-Salib gerrex lil kulħadd. X’dawl
hu dan li Alla qed iwiegħed? Għaliex
għandha tifraħ Ġerusalemm, post it-taħbit, it-tilwim, it-twegħir mill-bidu
sal-lum?
Hemm
Dawl li ma jdawwalx lill-bniedem minn barra imma minn ġewwa. Il-profond tal-bniedem, is-subkonxju tiegħu,
il-ġewwieni tal-bniedem hu ferm ikbar minn dak li naraw minn barra. Huwa d-Dawl li jinfed s’hemm ġew li hu l-veru
Dawl. Huwa dan id-Dawl li jferraħ
lill-bniedem. U x’jurih lill-bniedem dan
id-Dawl? Li Alla jeżisti. Li Alla jħobbu. Li hu se jgħix għal dejjem, għax Alla jħobb
għal dejjem. Dan hu d-Dawl li ġab
Kristu. Dan hu li qalilna dwar
il-Missier. Il-problemi jkomplu jduru
madwarna minn barra, imma min iġorr id-Dawl fih, dan ma jinħaraqx.
U
fuq Ġerusalemm, li hi l-Knisja, Isaija jgħid ħwejjeġ meraviljużi li diġa ġraw,
imma li għad iridu jiġru, għax il-Kelma ta’ Alla hi dejjem misterjuża... isseħħ
f’kull ġenerazzjoni. Hawn nies li
qalbhom imnikkta għax qed jaraw iż-żminijiet jinbidulu u jħossu f’laħamhom it-theddid
kontra l-Knisja. M’għandhomx għalfejn
isewdu qalbhom, lanqas jisfar wiċċhom bl-inkwiet, għax ara x’jgħid il-Profeta:
“Il-ġnus għad jimxu fid-Dawl tiegħek u s-slaten fid-dija ta’ sebħek. Imbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u
timtela qalbek.” (vv. 3 u 5). Mhux
il-Knisja d-Dawl, imma hi ġġorr id-Dawl fl-irkejjen kollha tal-art, u dan
id-Dawl huwa Kristu. U f’kull
ġenerazzjoni l-ġnus jindunaw li Dak li tradew hu d-Dawl waħdieni. L-għedewwa tal-Knisja jinġemgħu tassew, imma
Dak li hu Sid l-Istorja jdawwar kollox għall-ġid tal-Għarusa tiegħu.
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. 60, 1-6
Qum! Ħa
jiddi wiċċek, Ġerusalemm!
Id-dawl
tiegħek wasal!
Jiddi
fuqek sebħ il-Mulej!
Ara
d-dlamijiet jiksu l-art,
u
sħab iswed il-popli:
iżda
fuqek jiddi l-Mulej,
u
sebħu jfiġġ fuqek.
Il-ġnus
għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u
s-slaten fid-dija ta' sbiħek.
Għolli
u dawwar għajnejk madwarek u ara:
lkoll
miġbura ġejjin għandek.
Uliedek
ġejjin mill-bogħod,
u
bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Mbagħad
tħares u wiċċek jiddi,
u
tħabbat u timtela qalbek,
għax
fuqek taqa' l-kotra tal-ġid ta' l-ibħra,
u
l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Mrieħel
ta' iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla
żgħar ta' Midjan u Għefa;
lkoll
minn Seba jiġu,
mgħobbija
bid-deheb u l-inċens,
u
jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Salm
Responsorjali
Jekk
Kristu huwa d-Dawl li l-Knisja ġġorr bix-xhieda awtentika tagħha, Huwa
jiġġudika li kull bniedem bis-sewwa.
B’liema Ħaqq jiġġudikana l-Mulej?
Mistoqsija mportanti, għax dan hu d-Dawl li Kristu jġib fid-dinja. Għax dehru ħafna personaġġi li kien qishom
Dawl imma ħallew dlam iktar sfieq minn dak li sabu. B’liema Ħaqq jiġġudika lill-midneb, il-Mulej
Ġesù? Billi jmut għalih! Dan hu l-għaġeb tal-Ġustizzja
tal-Missier! Dan hu li jkexkex lil
satana bis-sorpriża mmensa tiegħU.
Kristu
ma ġiex biex iwaqqaf xi liġi ġdida, iktar perfetta u iktar diffiċli minn dik
ta’ Mosè. Hu ġie biex iħallas id-dejn
ta’ kull wieħed minna; Hu ġie biex dak li titlob il-liġi tal-Qdusija li jseħħ
fuqna, jieħdu Hu biex jiffrankah lilna;
Hu ġie biex imut Hu ħalli aħna, midinbin di natura, jkollna l-“jedd”,
iva l-“jedd” li ngħixu għal dejjem, ġusti u safja quddiem Alla. Minn fejn ġiena dan il-“jedd”? Mill-ubbidjenza tal-Iben t’Alla. Mid-Demm tiegħu mormi fl-art tal-Kalvarju;
id-Demm ta’ Alla nnifsu. Kbar huma
l-merti tagħna! Mhux dawk li naħsbu li
niksbu aħna bl-opri msejkna tagħna, imma dak li kiseb Alla nnifsu
f’isimna. Imbierek ikun Ismu!
Imma
din l-opra ta’ Ħniena li tibqa’ taħsad kull ġenerazzjoni, titlob minna li
nqimuha u nirrispettawha almenu billi nemnuha.
Aħħħ x’dieqa meta naraw li anke mill-Kristjaneżmu, anke mill-Aħbar
it-Tajba, għamilna “reliġjon” oħra meta r-“reliġjon” qegħda f’irtirata
fis-soċjetà tagħna. Ħafna nies ma jemmnux fil-Grazzja tal-Misteru tal-Għid ta’
Kristu għax ġew mitmuha ħajjithom kollha l-messaġġ “faċli” u naturali
tar-reliġjożità u tal-Liġi li tpoġġi lill-bniedem u l-imġieba tiegħu fiċ-ċentru
tal-opra tas-Salvazzjoni. Int trid tkun,
jgħidu. Skont kif tgħix issib wara.
Jekk
dan hu veru, inkunu sinċiera u nistaqsu: x’ċans għandna aħna? Ilkoll gdibna; ilkoll stmerrejna; ilkoll
żnejna; ilkoll qtilna b’ilsienna; ilkoll xlejna lil Alla quddiem l-Istorja;
ilkoll tradejna l-ġenituri tagħna meta ħassejna li kienu nġusti magħna; ilkoll
sraqna; ilkoll tajna l-qima li tixraq lil Alla waħdu lill-idoli tad-dinja;
ilkoll bagħadna lil min għamlilna d-deni; ilkoll għirna u xtaqna għalina dak li
hu tal-proxxmu; iva, ilkoll għamilnih
dan! Id-differenza bejna u bejn
il-midneb li kien imsallab ma’ Kristu u li
salva mhux bl-opri tiegħu imma bil-Fidi tiegħu fi Kristu, hija li dan
l-imsejken kien jaf il-għoli, il-fond u l-wisgħa ta’ dnub, waqt li aħna naħsbu
li aħna ġusti.
Is-Salm
li ġej iħabbar minn qabel, li l-ġnus jinġibdu lejn Kristu, il-Mibgħut
tal-Missier. Il-ġnus kollha, mhux Iżrael
biss. Dan iseħħ mhux għax Kristu hu
“reliġjon” oħra, Liġi oħra, imma għax hu Aħbar Tajba. Id-Dawl ġdid ta’ Kristu hu dan: li hu
lilek iħobbok hekk kif int, midneb. Imma
Hu jobgħod id-dnub li lilek qed joqtlok.
Iħobbok hekk kif int biex int ma tibqax hekk kif int imma ssir ħolqien
ġdid, għax trid int u mhux bil-fors, kif dejjem pridkat ir-reliġjon.
U
għaliex int tkun trid li ssir ġdid u tagħmel ir-Rieda tal-Missier
f’kollox? Għax tkun ġejt mgħaddas
fl-ilmijiet tal-Ħajja li hi l-Imħabba.
X’għatx kbir għandna biex inkunu maħbuba! Dan kollu jinqata’ bi Kristu. L-ewwel il-Fidi fil-Ħaruf li miet minflokok,
imbagħad wara l-opri morali tajbin.
L-ewwel iż-żiemel, imbagħad il-karru.
Mhux l-opri Ii jsalvawk, imma l-opri huma l-frott tal-fatt li int diġa
salv, li int diġa fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.
F’dan
ix-xenarju, il-Ħaqq fl-aħħar jum ikun jekk int tajtx importanza lid-Demm ta’
Kristu jew inkella ħsibt li l-isforżi tiegħek, il-qdusija tiegħek, l-opri
tiegħek huma aqwa minnu. Fi kliem
sempliċi, il-ġudizzju jkun dwar jekk int emmintx fi Kristu jew fik innifsek.
Is-Salm
jgħid: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken bla għajnuna ta’
ħadd. Iħoss għall-magħkus u għall-fqir,
u l-ħajja tal-fqar isalva.” (vv. 12 u
13). Il-fqir u l-magħkus huwa l-midneb
li jaf hu min hu u m’għandu l-ebda tama oħra ħlief fis-sagrifiċċju li Kristu
wettaq għalih. Għal dan twieled Ġesù, u
għal dan ġie muri lill-ġnus.
Ritornell: Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.
Salm
72
O Alla, agħti lis-sultan
il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek
lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu
tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin
tiegħek.
Tħaddar f'jiemu
l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma
jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa
baħar,
u mix-Xmara sa truf l-art.
Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet
iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu
jaqdu.
Għax hu jeħles
lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li
m'għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin
isalva.
It-Tieni Qari
San Pawl kien il-ħin kollu jitkellem fuq
Kristu Dawl għall-ġnus minħabba l-Aħbar it-Tajba li l-Missier tana biH. Il-Kerigma kienet il-mod tal-predikazzjoni
tiegħu, kull fejn mar. U mhux tiegħu biss
imma tal-Appostli kollha, tant li fil-bidu, tela’ Ġerusalemm ifittex lil Pietru
u l-mexxejja tal-Knisja biex jaċċerta ruħu li dak li bih kien imnebbaħ minn
Kristu nnifsu kienx dak li qed ixxandar il-Knisja, jew inkella xi ġennata ta’
moħħu.
Din l-Aħbar it-Tajba ma teskludix dak li
tipproponi l-Liġi u lanqas l-opri tajba, għax hi mhix Aħbar sterili li ma
tagħtix frott. L-Aħbar ta’ Kristu
tgħidilna li ħadd ma jista’ jagħmel l-Opri ta’ Alla ħlief min jemmen tassew li
Alla ħabbu fil-qies tas-Salib ta’ Ibnu.
U dawn l-Opri mhux li wieħed jagħmel xi karità ’l hemm u ’l hawn, jew
ikun benefattur u kulħadd jitkellem
tajjeb fuqu. Dan anke l-pagani
jagħmluh. L-opri tassew qaddisa li
n-Nisrani veru biss għandu l-Ispirtu li jagħmel issibhom imniżżla fid-Diskors
tal-Muntanja. Aqrawh tajjeb, imbagħad
naraw min minna jaħseb li minnu nnifsu għandu s-saħħa li jwettqu!
Il-Grazzja hi kollox. San Pawl se jgħid li Kristu hu Misteru moħbi
f’kull ġenerazzjoni, imma li jiġi muri, jinkixef għal dawk li jixtiquH tassew. Din l-Aħbar hi dejjem Epifanija,
Rivelazzjoni, Wirja. Mhux għax jgħidilek
xi ħadd. Inti ma temminx fil-Misteru
tal-Għid għax tisma’ b’widnejk lil xi ħadd jitkellem fuqu. Inti temmen għax l-Ispirtu s-Santu jmisslek
qalbek u int tiddawwal, u dak li qabel kien imdallam, dak li qabel kien biss
gozz zkuk niexef ta’ tagħrif u tagħlim, f’daqqa waħda jsir Ħuġġieġa Nar iħeġġeġ
f’qalbek. Kulħadd jinduna mill-ewwel
meta l-Ispirtu s-Santu jmisslu qalbu.
Din hi l-Grazzja l-Kbira tal-Missier.
Għal din il-Grazzja jmissna nitolbu kuljum!
U dan kollu hu miftuħ għal kulħadd: tajbin u
ħżiena; mgħammdin u pagani; suwed u bojod; Lhud u Griegi. Din hi l-Epifanija.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin. 3, 2-6
Ħuti:
jekk, kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja
li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri,
li permezz ta' rivelazzjoni għarrafni l-misteru, bħalma ġa ktibtilkom
fil-qosor, minn dak li qrajtu tistgħu
tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalb tal-misteru ta' Kristu. Dan
hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf
lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u
lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri,
li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri ta'
l-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz ta'
l-Evanġelju.
Evanġelju
Biex naqbad ma’ dak li għadna kif smajna minn San
Pawl, dawn l-Efesin ma kienu għamlu xejn li xejn biex tistħoqqilhom il-Grazzja
tal-Fidi fi Kristu. Inagħtat lilhom totalment
bħala rigal gratis, b’xejn. Huma ma
kinux Lhud li kienu jafu x’inhi l-Qdusija, ir-Rieda ta’ Alla u kienu sfurżaw u
ppruvaw jobduha. Huma kienu minn
twelidhom, pagani, imdorrijin fit-tajn u l-oxxenitajiet tas-soċjetà pagana
tagħhom. Biex insemmu fatt li qed jibda
jċaqċaq f’pajjiżna: kienet soċjetà abortiva.
Kienu jwettqu l-abort bl-addoċċ.
U iktar minn hekk, il-liġi u d-drawwiet tagħhom kienu jippermettulhom li
t-tarbija li titwieled setgħet tintrema’ fir-raba’ mat-twelid jekk tinstab li
kellha xi difett, jew agħar, minħabba l-ġeneru tagħha, l-aktar jekk tkun tifla
u l-ġenituri riedu tifel għall-bżonnijiet tal-finanżi tal-famija. Meta soċjetà tidħol fil-paganiżmu, għal
kollox tasal, bħalma qed naslu, bil-mod il-mod, aħna wkoll.
Minn dawn kienu n-nies li saru Qaddisin f’Efesu,
f’Korintu, f’Tessalonika, f’Kolossi, f’Ruma... u anke f’Malta. Ma kellhom l-ebda merti minn tagħhom,
anzi. Imma d-dnub ovvju tagħhom
tefagħhom f’riġlejn Kristu mxandar lilhom bħala tpattija u fidwa mill-jasar
tagħhom. Huma emmnu li d-Demm ta’ Kristu
kien prezzjuż biżżejjed biex imqar qatra waħda tnaddaf id-dinja kollha! Huma ggranfaw ma’ dan u twieldu mill-ġdid
għax bdew jgħixu moralità Nisranija li qabel kienu jitqażżu minnha. Mill-ġdid intennu: iż-żiemel quddiem il-karru
u mhux il-karru quddiem iż-żiemel.
Baltassar, Melkjor u Gaspar lemħu dan kollu
fit-tarbija meta fl-aħħar sabu dak li kienu jfittxu? Ma nafux.
Jista’ jkun, għax kollox hu Grazzja.
Imma quddiem it-tarbija, id-dinja kollha, pagana u mhix, inxteħtet tqim
il-Misteru tas-Salvazzjoni fil-persuna ta’ dawn it-tliet barranin. Kellhom
Storja ferm interessanti, dawn it-tlieta.
Hija l-Istorja ta’ kull wieħed minna, jekk nifluha sew.
Lili tolqotni ħafna l-aħħar frażi tar-rakkont
tagħhom: “u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.” (v. 12).
Dawn is-seba’, tmien kelmiet kienu jsewduli qalbi, għax donnu li
l-Milied kien jagħlaq bihom, għadda kollox, inżarmaw kollox, spiċċaw il-vaganżi...
“u reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.”
Anke Marija u Ġużeppi telqu mill-għar bit-tarbija tagħhom, u telqu
f’daqqa, maħruba. U l-għar reġa lura
għal li kien, fil-kwiet u bla mportanza, kenn għal xi ragħaj waqt ix-xita.
Imma din id-dieqa ġejja mill-ispirtu pagan li hu
mkaħħal magħna lkoll, bħas-sikrana fl-għalqa tal-Mulej. J’Alla dis-sena l-Milied jimlina b’ferħ
ġewwieni li joktor u mhux jonqos u hekk ikun tassew esperjenza Nisranija
awtentika.
Versett: Hallelujah. Rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant, u ġejna
nqimu l-Mulej. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew. 2, 1-12
Meta
twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi
mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: "Fejn hu dak li twieled
sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna
nqimuh." Is-sultan Erodi sama' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm
kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba
kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled
il-Messija. U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija,
għax hekk inkiteb mill-profeta:
'U int, Betlehem, art ta'
Ġuda,
le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet
il-kbar ta' Ġuda
għax minnek joħroġ mexxej
li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'
Erodi
mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom
iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom:
"Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien
ukoll niġi nqimu."
Dawk,
wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet
miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm
it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ kbir
tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija,
nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u
mirra.
Mbagħad,
billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura
lejn arthom minn triq oħra.
|