Thursday, 24 January 2019
           
Home
IL-MAGHMUDIJA TAL-MULEJ (2019) NIFFESTEGGJAW IL-MAGHMUDIJA TAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 12 January 2019

Din hija il- Liturgija  tal-Maghmudija tal-Mulej (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

-stained-glass-the-baptism-of-our-lord-jesus-christ-.jpg

 

Il-Magħmudija ta’ Ġwanni mhix il-Magħmudija tagħna.  Il-Magħmudija tagħna hi ferm aqwa, ferm iktar effikaċi u meraviluża minn dik li Ġwanni kien jagħti lill-midinbin li kienu jersqu biex jinħaslu fil-Ġordan bħala wirja minn barra tal-indiema li taqla’ l-maħfra ta’ Alla.  Din jagħmilhielna ċara Ġwanni nnifsu meta lin-nies qalilhom: “Jien, ngħid għalija ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu.  Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.”  (Lq. 3, 16). 

 

Il-Magħmudija ta’ Ġwanni kien rit popolari li bih in-nies kienet taqla’ l-maħfra, bħalma n-nies kellha s-sagrifiċċju tat-tpattija fit-Tempju.  Iż-żewġ riti kien parti mit-Testment l-Antik, biex ngħidulhom hekk.  Is-sagrifiċċji tal-annimali fit-Tempju għall-maħfra kienu “uffiċċjali” għax kienet titlobhom il-Liġi li Alla nnifsu kien ta lil Mosè.  Il-Magħmudija ta’ Ġwanni kien rit “devozjonali” li bħalu nsibu wkoll f’reliġjonijiet oħra ta’ dak iż-żmien.  Imma la l-wieħed u lanqas l-ieħor ma kien, fihom infushom, jaqilgħu il-maħfra ta’ Alla għax kif tgħid l-Iskrittura d-demm tal-bhejjem jew il-ħasil tal-ġisem minn barra ma jistgħu qatt iħassru d-dnub.  Id-dnub kien tassew jinħafer imma b’antiċipazzjoni tal-Maħfra l-kbira għal kull bniedem li l-Messija kellu jaqla’ bl-Ubbidjenza tiegħu sa fuq is-Salib, u bil-Qawmien tiegħu fuq il-Mewt. 

 

Huwa fi Kristu biss li hemm il-Maħfra ta’ Alla u f’ħadd iktar.  Huwa hu l-Ħaruf li Ġwanni nnifsu wera li, għalkemm innoċenti, kellu jagħti Ħajtu għall-kotra. Kristu ġie mgħolli ’l fuq ’il fuq fil-għoli bejn sema u art mill-bnedmin bħala offerta tfuh quddiem il-Ħallieq ta’ tpattija għad-Dnub tad-dinja.

 

Barra minn dan, il-Magħmudija ta’ Ġwanni ma kinitx tati karattru ġdid lil ħadd; ma kinitx tati bidla fin-natura.  Il-bnedmin kienu jinħaslu minn dnubiethom, imma wara ftit kienu jerġgħu imorru għax jerġgħu jidinbu.  Kienu jibqgħu bin-natura miġbuda lejn id-dnub.  Meta rċivejna l-Magħmudija aħna ġo fina twettaq il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Din hi l-bidla enormi li seħħet fina!  Kristu miet u qam mill-Mewt għal Ħajja Ġdida.  Fina, miet il-bniedem il-qadim, il-bniedem tad-dnub, Adam.  Hu ġie mgħarraq fl-ilma tal-Magħmudija, biex minfloku twieled Bniedem Ġdid, bniedem ħaj għal dejjem, bniedem xbiha ta’ Ġesù Kristu.  Dan kollu b’mertu ta’ Kristu u ta’ ħadd iktar.

 

Issa huwa ċar li l-Magħmudija tagħna mhix xi ħaġa li tiġri f’daqqa waqt ir-rit, waqt l-għotja tas-Sagrament.  Jekk ma nifhmux li l-Magħmudija hija proċess li jista’ jseħħ jew ma jseħħx f’Ħajjitna, dan is-Sagrament jibqa’ mhux mifhum.  Jispiċċa jfisser għal ħafna nies sempliċi rit ta’ daħla, “membership” fil-Knisja.  Meta tinagħta l-Magħmudija, tinżera’ fina żerriegħa, jew lewża li fiha hemm kollox, bħal meta f’mara jkun hemm il-bidu ta’ fetus żgħir li xorta huwa bniedem.  F’din il-lewża midfuna fina hemm id-DNA ta’ siġra enormi li l-ebda riefnu mhu kapaċi jċaqlaq minn postha!  Imma hemm proċess tul Ħajjitna kollha.  F’ħafna, dan ma jsirx.  Jekk ma jsirx nibqgħu dejjem il-bniedem il-qadim, Adam, b’natura dejjem miġbuda lejn id-dnub, b’natura miżżewġa mal-mewt u bl-ebda ħelsien mill-biża’ kull meta jidher is-Salib.

 

Il-Knisja dan kienet tafu sewwa mill-bidu nett.  Il-Magħmudija ma kinitx tinagħta jekk ma jkunx hemm qabilha tħejjija serja li tieħu s-snin.  Infatti din it-tħejjija kellha isem: il-Katekumenat, u l-ebda Isqof ma kien jagħti l-Magħmudija lil xi ħadd li hu kien jara li ma kellux il-Fidi li tkun immaturat.  Meta daħlet l-użanza li jitgħammdu t-trabi, dan seħħ biss bil-garanzija li l-familja kellha tagħti t-tagħlim kollu meħtieġ wara l-Magħmudija biex b’hekk dik il-lewża tinqasam u tnibbet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk il-parrini kienu jissejħu l-garanti u kellhom responsabiltà importanti ħafna li llum intilfet.

 

Huwa mportanti li nibdew napprezzaw il-Magħmudija.  Hija l-ikbar grazzja li qatt nistgħu nirċievu mingħand Alla għax fiha hemm il-wegħda tal-Ħajja ta’ Dejjem!  Il-Ħajja ta’ Dejjem ma tfissirx biss li wieħed imur il-Ġenna wara din il-Ħajja.  Ħafna li ma jirċevux il-Magħmudija ta’ Kristu, isalvaw ukoll bil-merti tiegħU.  Imma n-Nisrani matur huwa dak il-bniedem uniku li għandu fih in-natura ta’ Alla li ma tafx x’inhi Mewt.  Huwa Ħaj il-ħin kollu minn issa, jiġifieri fejn ħaddieħor iħossu mhedded, jibża’, jaqta’ qalbu, in-Nisrani kapaċi jimxi fuq l-ilma tal-Mewt.  eżempju ta’ dan għandna lil Pietru li jimxi fuq l-ilma sakemm kellu ħarstu ffissata fuq Kristu.  Dan hu li jiġri bil-Magħmudija li timmatura fi proċess li jkompli sal-aħħar nifs tal-Ħajja.

 

Għalhekk hu mportanti li int tkun taf id-data tal-Magħmudija tiegħek iktar mid-data ta’ għeluq sninek.  Għax meta twelidt fiżikament minn ommok, int twelidt għall-mewt, imma jekk titwieled mill-ġdid bil-Magħmudija, int tkun twelidt għal Ħajja bla tmiem f’Alla.  Bħalma jgħid San Atanasju, wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja: “L-Iben ta’ Alla sar bniedem biex aħna nsiru Alla!”

 

Il-Festa tal-lum qegħda tagħlaq iż-żmien liturġiku tal-Milied biex minn għada stess jibda ż-Zmien ta’ Matul is-Sena.

 

L-Ewwel Qari

 

Fil-Lvant, it-tifkira tal-Magħmudija tal-Mulej hi ħaġa waħda mal-Epifanija.  Anke t-tifkira tal-miraklu ta’ Kana.  Dan għax il-ġrajja tal-Maġi u dawn it-tnejn jimmanifestaw, juru, jikxfu xi ftit il-Misteru tal-missjoni tal-Messija.  Tliet poemi kbar li jinsabu fil-Ktieb ta’ Isaija huma wkoll Dawl fuq din il-persuna misterjuża, imġeżwra fid-dlam taż-żminijiet.  Dawn it-tliet kitbiet inagħtaw l-isem: “L-Għanjiet tal-Qaddej ta’ Jahweh”.  Huwa fid-Dawl ta’ Kristu biss li jinftiehmu dawn l-għanjiet.  Ir-rabbini u l-għorrief Lhud kissru moħħhom biex jindagaw x’ried jgħid bihom il-profeta.  Għadhom sal-lum jipproponu tifsiriet differenti u l-aktar li qablu hu li dan il-Qaddej jirrappreżenta l-poplu ta’ Iżrael li kellu jgħaddi minn tiġrib kbir fl-Istorja tiegħu.

 

Illum għandna l-ewwel waħda u huwa ċar li Isaija hawn qed jitkellem fuq il-Profeta kbir li Mosè kien tkellem fuqu, fuq il-Messija li l-profeti lemħu mill-bogħod bin-nebħ ta’ Alla.  L-Istorja kollha tal-bniedem kienet qed tipponta lejn il-wasla, il-manifestazzjoni ta’ Dan ix-Xi Ħadd, Salvatur.  Illum in-nies m’għadha tistenna xejn.  Tistenna biss li jimtlew il-bwiet biex ikollha x’tixrob, x’tiekol tajjeb fir-restoranti, li tinsatar bi lbies tad-ditta u tmur lejn darha-palazzin żgħir.  Imbagħad nikbru, nixjieħu u mmutu.  Anke l-funerali saru flus... anke l-ħofra li fiha jidfnuna... u fl-Amerika  jirtokkjawk qabel ipoġġuk fil-kaxxa, u jagħmluk pulit u sabiħ biex donnok mhux mejjet.  Wara jħallulek il-kont u jitilqu.

 

Il-Messija mistenni jasal għandek meta int temmen fih tassew.  Mhux elfejn sena ilu, imma meta tmissek il-Grazzja enormi tal-Fidi matura u tara dak li qabel kien moħbi u temmen dak li qabel kont taf biss.  Ħafna jiżżufjettaw b’dan ix-xogħol misterjuż li l-Ispirtu s-Santu jaħdem f’tant magħżulin.  Imma min jintmess mill-Grazzja jara dak li ħaddieħor ma jarax għax hu għami minħabba d-dnub.

 

X’jara n-Nisrani?  “Jara” lil Kristu, dak li ma jgħajjatx u ma jgħollix leħnu, dak li jmut għall-għadu tiegħu biex l-għadu tiegħu jgħix għal dejjem, li jagħder id-dgħufjat tagħna lkoll u qasba mġelġla ma jiksirix u ma jgħidx: “Din mhi kapaċi għal xejn... armi!”  Dak li jġib il-ġustizzja għax għandu l-qawwa jbiddel qalb in-nies li jemmnu u jaqla’ minnhom l-egoiżmu.  In-Nisrani “jara” lil Kristu bħala dak li tah id-Dawl għax qabel kien għama għal kollox u ma kien “jara” lil ħadd ħlief lilu nnifsu.  In-Nisrani darba kien magħluq f’ħabs li kien iġorru miegħu kullimkien, imma issa hu ħieles.  Lil dan il-bniedem ħadd ma jista’ jisraqlu l-Fidi, xejn ma jista’ jifirdu minn Kristu, għax hu jaf li lilu inagħtatlu esperjenza li dawk li jwaqqgħuh għaċ-ċajt m’għandhomx.  Mhux għax hu aħjar minnhom, imma bi Grazzja.  L-għażla hi dejjem Grazzja misterjuża bla ma ħadd jista’ jifhimha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  42, 1-7

 

Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,

biex iġib il-ġustizzja  lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;

ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

qasba mġelġla ma jiksirhiex,

musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

 

Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;

u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Dan jgħid Alla, il-Mulej,

li ħalaq u firex is-smewwiet,

u l-medda ta' l-art bil-frott u l-ħdura tagħha,

li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,

u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:

"Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek u ħaristek,

u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u 'l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq.

 

Salm Responsorjali

 

Salm 29 huwa innu għas-Setgħa u l-Glorja ta’ Alla.  Is-Salmista jqabbel l-għeġubijiet tan-natura, il-qawwa tal-maltempati, tad-dilluvji, tat-terremoti mal-Qawwa bla tarf ta’ Alla li hu Mħabba. Xejn u ħadd ma jista jirbħilha lill-Imħabba.  Hi l-aqwa setgħa li teżisti fl-univers u kulma hu materjali nħalaq minnha.  Għalhekk l-Imħabba dejjem tirbaħ anke jekk tidher dgħajfa quddiem l-egoiżmi u l-vjolenzi tal-bnedmin.  Hi tistabar u tistenna u fil-qawwa u s-saħħa tagħha hi tibqa’ għal dejjem waqt li kollox jgħaddi.

 

L-essenza ta’ din l-Imħabba dehret fostna f’ġisem bħal tagħna : f’Ġesù ta’ Nazaret.  Tant hu tal-għaġeb dan il-Misteru, li l-Wirja tiegħu, l-Epifanija, hi ta’ mportanza kbira.  “Ħaj” hu min għandu esperjenza tal-Epifanija ta’ Kristu.  Il-“Mejtin” huma dawk li qatt ma kellhom laqgħa ħajja ma’ Kristu, anke jekk jafu ħafna dwaru.

 

Ritornell: Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu fis-sliem.

 

Salm 29

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

Agħtu lill-Mulej il-glorja ta' ismu,

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

 

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;

Alla tal-glorja jriegħed,

il-Mulej fuq  l-ibħra kotrana.

Leħen il-Mulej bil-qawwa,

leħen il-Mulej bil-glorja.

 

Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;

isaltan il-Mulej għal dejjem.

Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu;

ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!

 

It-Tieni Qari

 

Il-qari mill-Atti tal-Appostli jagħtina lil Pietru li jagħti sintesi, ġabra fil-qosor tal-mod kif il-Missier wera lil Ibnu lid-dinja; kif il-Missier għamel Epifanija ta’ Ibnu lid-dinja li kienet tistenna d-Dawl ifiġġ fid-dlam.

 

L-ewwel li lilu ġie manifestat, muri Kristu kien bla dubju l-poplu magħżul ta’ Alla, Iżrael, il-poplu Lhudi.  Kienu għajnejn Marija u Ġużeppi l-ewwel li raw lil Alla magħmul bniedem, Għemanu-El, “Alla magħna”.  U huma kienu Lhud.  Kien lir-rgħajja mwarrba u fqar li inagħtat l-Aħbar it-Tajba, l-ewwel u qabel kulħadd, mill-anġli (messaġġiera).  U huma kienu Lhud.  Kien f’Iżrael u fost ħutu l-Lhud li Ġesù wettaq il-missjoni kollha tiegħu.

 

Imma Kristu ma ntbagħatx biss għall-poplu Lhudi. Sat-trufijiet l-aktar imbegħda tal-art huma msejħa biex jisimgħu l-Aħbar u jemmnuha.  Alla beda din il-biċċa xogħol enormi billi għażel tliet astrologi, maġi minn pajjiżi differenti, min-naħa tal-Lvant u bagħatilhom Kewkba qaddisa li mexxiethom fost ħafna twegħir lejn post umli, l-għamara ta’ Dak li hu “il-kollox”.

 

Meta Kristu għex il-Misteru tal-Għid u wettaq dak kollu li kien hemm bżonn jitwettaq, id-dixxipli tiegħu intbagħtu sal-ibgħat postijiet tal-art.  Mhix ħaġa faċli din!  Imma l-Aħbar ġriet bħal berqa u sa ftit sekli wara d-dinja kollha kienet semegħtha.  Dan seħħ għax fi Kristu kien hemm il-milja kollha tal-Ispirtu s-Santu u l-Qawwa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  10, 34-38

 

Pietru qabad jitkellem u qal: "Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd,  imma jilqa' lil kull min għandu l-biża' tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.  Huwa bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta' Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta' kollox. 

 

Intom tafu b'dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija;  tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta' Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. 

 

Evanġelju

 

Il-Magħmudija ta’ Kristu minn idejn Ġwanni hija Epifanija, manifestazzjoni, wirja oħra għaliH, din id-darba bħala adult.  Tlieta jixhdu għalih bil-qawwa f’din l-okkażjoni.  L-ewwel  Ġwanni, li jċekken lilu nnifsu quddiem l-għarfien tal-Messija li kien jaf li kien fil-qrib, “fostkom bla ma intom qegħdin tagħrfuh”, qal.  Ħafna kienu qed jaħsbu li Ġwanni kien il-Messja għax il-poplu kollu kien impressjonat għall-aħħar bil-karattru sod u kkonċentrat li kellu u bil-qdusija ċara tiegħu.  Iżda hu jirtira bil-ħeffa quddiem dan kollu u jċekken il-missjoni tiegħu meta jqabbilha ma’ ta’ Dak li hu ma kienx jistħoqqlu jħoll il-qfieli tal-qorq tiegħU.

 

It-tieni xhieda u wirja  ġiet mingħand il-Missier meta l-leħen tiegħu instema’ jgħid: “Inti ibni l-għażiż; fik il-għaxqa tiegħi.” (v. 22).  U t-tielet manifestazzjoni ta’ Kristu quddiem il-poplu ġiet mingħand l-Ispirtu s-Santu li f’forma ta’ ħamiema niżel jgħammar fuqu. (v. 22).

 

Il-Fidi hi dejjem miraklu, Grazzja mogħtiha mill-Missier lill-bniedem.  Ħadd qatt ma kiseb hu l-Fidi bl-isforzi tiegħu.  Imma l-bniedem jista’ jiċħad il-Grazzja; jista’ ma jaħtafx dak li jkun qed jiġi offrut lilu u ħafna jagħmluh dan.  Infatti waħda mill-kitbiet tal-Lhud tgħid li “L-anġli ta’ Alla kienu qed jibku għax intilfu l-Pjanijiet tal-Mulej.”  Għalhekk Alla, fil-ħniena tiegħu, jgħin lili u lilek biex naħtfuh dan ir-rigal enormi tal-Fidi fi Kristu billi jagħtina Hu stess xhieda għal Ibnu.  Dan jagħmlu b’modi dejjem oriġinali skont il-persuna li tkun.  Per eżempju Alla għen lil Ġwanni l-Battista biex fil-figura “normali” ta’ Kristu bħala bniedem jagħraf il-Messija li ġensu kien ilu jistenna sekli fuq sekli.  Mhux biss, imma għenu jagħraf il-Misteru tal-Missjoni tiegħu meta qal bi tnebbih tal-għaġeb: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!”  (Ġw. 1, 29).

 

Għandna bżonn ħafna ta’ din l-Epifanija mill-Missier dwar Ibnu fil-ħajja tagħna.  Għax “reliġjożità” kulħadd għandu, xi ftit jew wisq, għax din hi naturali, għalkemm ħafna jużawha ħażin billi jitfgħu din l-enerġija naturali fl-idoli tad-dinja.  Imma r-reliġjożità, anke meta hi użata tajjeb, hi ħaġa u l-Fidi hi oħra.  Il-Fidi mhix naturali bħar-reliġjożità imma sopra-naturali.  Ir-reliġjożità hi mill-bniedem imma l-Fidi hi minn Alla.  Mhux kemm taf dwar Kristu li jgħodd; mhux kemm niċċelebraw u nibnu kulturi u drawwiet dwar Kristu (bħal dawk tal-Milied), li jgħodd, imma li jkollok il-Fidi sħiħa fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu ferm diffiċli.  Hu ferm diffiċli għalina li nemmnu tassew li kien id-dnub tagħna li sammar lil Kristu mas-Salib.  Hu ferm diffiċli għalina li nemmnu li fil-Qawmien Glorjuż tiegħu Kristu kien qed iġib fix-xejn is-setgħa li l-Mewt għandha fuq kull min ma jemminx fiH.  Għalhekk, ninsew li aħna “tal-Knisja” jew li “qatt m’għamilna ħsara lil ħadd”, jew li “dejjem niddefendu r-reliġjon”, imma nitolbu b’talb ħerqan biex il-Missier jgħaddina mir-reliġjożità li biha twelidna għall-Fidi li tiġi minnU biss.

 

Versett:  Hallelujah.  Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instema’:  Dan hu Ibni l-Għażiż, isimgħu lilu.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  3, 15-16, 21-22

 

 Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.  Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. 

 

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu,  u niżel  l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura  ta'  ħamiema. U  mis-sema  ġie  leħen  jgħid: "Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."

 
< Prev   Next >