Tuesday, 19 February 2019
           
Home arrow Home
IT-TIENI HADD MATUL IS-SENA (2019) HAJTEK HIJA ILMA BLA TOGHMA JEW INBID TAL-FESTA? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 January 2019

Din hija il- Liturgija  tat-tieni Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

miraklu_ta_kana.jpg

 

Is-sejba ta’ Kristu  mill-Maġi, il-Magħmudija minn Ġwanni u l-ewwel miraklu f’tieġ f’Kana tal-Galilija huma t-tliet manifestazzjonijiet tal-Messija quddiem id-dinja.  Nistgħu ngħidu, allura, li b’dan il-Ħadd qed inġibu fi tmiem iċ-ċiklu, iż-żmien tal-Epifanija tal-Mulej, tant li fil-Lvant, il-Knisja tiċċelebra f’daqqa dawn it-tliet okkażjonijiet importanti.

 

Ħafna għandhom karikatura ta’ Alla u tal-Messija tiegħU u għalhekk li minn dejjem il-Knisja ħasset il-bżonn li turi lid-dinja Kristu min hu tassew.  Jien u int għandna bżonn urġenti li tidher f’Ħajjitna, fl-Istorja tagħna Epifanija glorjuża tal-Mulej.  Jien ngħidlek li dan ikun tassew mument hieni, laqgħa ħajja mal-waħdieni li miet għalina, mal-uniku wieħed li tassew jista’ jibdel il-Ħajja tagħna.

 

 

Id-dinja tilfet it-togħma tagħha.  Tilfitha bid-dnub li hemm jgħammar fiha.  Iktar li hu ksur ta’ xi liġi, dan id-dnub huwa kundizzjoni, marda ta’ taħsir, ġibda għall-egoiżmu li writtna minn missirijietna li jibqgħu sejrin sa Adam.  Aħna drajna f’dan il-jasar.  Twelidna fih u ma nafux b’Ħajja differenti, aħjar, alternattiva għal din.  Naħsbu li d-dinja hi sabiħa għax lilha biss rajna.  Niggranfaw ma’ din il-Ħajja li fil-fatt hi eżilju, u niggranfaw miegħu għax qatt ma għexna Ħajja oħra, Ħelsien veru. 

 

Imma hawn nies, u huma ħafna dawn ukoll, u kemm nixtieq li jien fosthom, li nagħtaw l-istint, il-Grazzja li jħarsu lil hemm minn din il-Ħajja.  Inagħtaw il-kuraġġ li ma jiggranfawx ma’ din id-dinja għax emmnu, anzi “raw” bl-għajnejn tal-Fidi li hemm rejaltà oħra, ħafna isbaħ, iktar sempliċi, imfawra b’ħelsien li għandu togħma tal-Ġenna ġa minn hawn.  Ħajjithom fiha “togħma” bnina; togħma ta’ ferħ, ta’ mħabba, ta’ ħelsien mill-madmad tal-egoiżmu.  Fuq kollox togħma ħelwa ta’ ħelsien mill-biża’ ta’ xi “mewt” ċkejkna jew kbira li kuljum tiġi tiltaqa’ magħna anke b’xi kelma li tweġġagħna. Togħma ta’ nbid tal-festa.

 

U hawn hi l-manifestazzjoni, l-Epifanija tal-Mulej fil-Liturġija Qaddisa tal-lum.  Kristu huwa dak li kapaċi jibdel l-ilma tiegħek f’inbid ġdid!  Għandek inbid tal-festa f’Ħajtek int?  Jew ilma bla togħma, eżistenza biss... tiekol, tixrob, taħdem, tilgħab, torqod, tiġbed lejk, tiddefendi ruħek, kultant xi opra tajba biex nidhru puliti...  X’sens fiha din il-Ħajja?  Int wieħed minn dawk li aħjar ma taħsibx fuq dawn l-affarijiet għax tkemmex moħħok? Wieħed minn dawk li l-Ħajja qegħda hemm biex tqattagħha, biex idderri biha b’xi passatemp, billi tara l-football fuq it-T.V., billi tagħmel il-flus, billi tgawdi s-sesswalità?  Taħseb li din hi t-togħma li tista’ jkollha Ħajtek?  Ma taħsibx li dan kollu hu togħma ta’ ilma, togħma ta’ xejn li tħallik dejjem tfittex, tfittex, tfittex... jew irqadt għal kollox?

 

Kristu jrid jidħol fl-Istorja tiegħek biex jibdel l-ilma tiegħek f’inbid ġdid, jekk jara li int lest li tħalliH.  Hu ma jisforza lil ħadd għax jaf li kull maħluq fid-dinja se jasal f’punt fil-Ħajja tiegħu meta jinduna li rema Ħajtu, ħliha bil-ġiri wara r-riħ.  Imma jien ngħidlek: tħallix Ħajtek tgħaddi bla ma tagħmel esperjenza ta’ Kristu, bla ma tiltaqa’ miegħu.  Għax int ġejt maħluq għal Kristu u kbir ikun il-ferħ tiegħek meta ssibu!

 

L-Ewwel Qari

 

Il-Profeta qed jindirizza lilek f’dan il-qari.  Għandu aħbar ta’ tama għalik, ta’ bidla, ta’ żerniq ġdid.  Qabel kollox jgħidlek li Ħajtek mhux veru li hi suċċess, anke jekk hekk jaħsbu n-nies. Int mhux veru li għandek il-ferħ anke jekk jarawk dejjem tidħaq.  Mhux veru li tgħaddiha tajjeb.  Kun sinċier u ammetti li int “il-Mitluqa” u artek hi art “imħarbta”. 

 

Imma ara, hemm Wieħed li għandu grazzja miegħek; li jrid jagħmlek l-Għarusa tiegħU.  Huwa jsib għaxqtu fik anke jekk ruħek hi mkemmxa bit-taħbit tal-ġiri wara l-allat tad-dinja.  Kemm se ddum tixjieħ f’art barranija?  Il-Mulej hu bħal Għarus miġnun fuq dak li tista’ tkun int, fuq dak li tista’ ssir int.  Hu jħares lejk u ma jarakx kif int illum imma kif int fil-Pjan tal-Missier, sabiħ/sabiħa, ħieles, kollok ferħ, mimli bis-sens tal-Ħajja, imdawwar bl-Imħabba, b’sigurta fil-fond tiegħek li tnixxiflek l-egoiżmu tiegħek u tagħmlek tassew bniedem ġdid.

 

Int għad tarmi ’l hemm il-ġilda kerha u xiħa tal-eżistenza ta’ qabel u togħxa b’dak li kapaċi jagħmel Alla fik u bik. Anzi tkun bħal wieħed/waħda li twelidt mill-ġdid u tawk isem ġdid għax kollox ikun ġdid f’Ħajtek.  Int għad tkun bħal dak li l-ilma tiegħu inbidillu f’inbid ħelu tal-ferħ u Ħajtek tkun festa, għax Alla hu festa.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.  62, 1-5

 

Minħabba f'Sijon ma nehdiex,

minħabba f'Ġerusalemm ma niskotx,

sa ma tfeġġ bħal dija l-ġustizzja tagħha,

tħeġġeġ bħal torċa s-salvazzjoni tagħha.

Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,

u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.

B'isem ġdid għad isejjħulek,

isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.

 

Għad tkun kuruna ta' ġmiel f'id il-Mulej,

u dijadema ta' sultan f'id Alla tiegħek.

Ma jgħidulekx aktar: 'L-Abbandunata',

lanqas lil artek: 'L-Imħarbta'.

Lilek għad isejjħulek: 'Għaxqti fiha',

u lil artek għad jgħidulha: 'Għarusa';

għax l-għaxqa tal-Mulej fik,

u artek għad titgħarras.

 

Bħalma għarus jitgħarras xebba,

hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;

u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b'għarustu,

hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

 

 

Salm Responsorjali

 

Is-Salm ta’ tifħir li ġej jista’ jtennih biss min għandu l-festa f’Ħajtu.  Min għadu liebes il-vistu għax għadu qatt ma ltaqa’ mal-Mulej u għadu ma jħossux maħbub minnu, anzi jaħseb li hu xi ħadd li dejjem jordna u jċaħħad, dan ma jistax ifaħħar lil Alla.  Min għadu ma daħalx fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u jifhem u jemmen l-Opra li ma titwemminx li l-Iben ta’ Alla wettaq biex jiġbed lil qalbu lejH, ma jistax ikun Ħaj tassew.  U dan is-Salm hu l-għanja tal-“Ħajjin”, ta’ dawk li għandhom fihom il-ferħ ta’ Alla.

 

Ritornell:  Xandru fost l-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.

 

Salm 96

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu!

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta' ismu!

 

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

inxteħtu quddiem il-Mulej b'tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha ta' l-art!

 

Għidu fost il-ġnus: "Il-Mulej isaltan!"

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa.

 

It-Tieni Qari

 

L-Inbid ħelu tas-Saltna huwa l-Ispirtu s-Santu.  Min jesperjenzja din l-avventura f’Ħajtu li jikber fih l-Ispirtu ta’ Alla nnifsu, iħoss din il-ħlewwa, dan il-mistrieħ minnu nnifsu, jinħall mill-madmad tqil li jagħfas fuq għonqu... għandu togħma ta’ nbid tal-Festa!  Kollox jinagħtalek.  Xejn mhu mitlub minnek.  Għid biss “Iva” lil Alla u ħallih jaħdem opra meraviljuża minn Ħajtek. 

 

L-Ispirtu s-Santu hu kollu mogħdrija għalik.  Lanqas int stess ma taf tagħder lilek innifsek, anzi tiġġudika lilek innifsek u tippretendi minnek innifsek u Ħajtek saret toqol, donnu hemm xi ħadd li jistenna dejjem iktar, dejjem iktar.  L-Ispirtu ta’ Kristu fik jagħdrek, jagħmillek kuraġġ, jgħallmek tistabar bl-iżbalji tiegħek, u bid-dnubiet tiegħek.  L-Ispirtu jgħidlek li Ħajtek hi qaddisa u għażiża quddiem il-Missier u li kollox hu għall-ġid tiegħek.  Hu jwieżnek fis-solitudni tiegħek u jurik li t-tbatija u s-Salib tal-Ħajja huma melħ li jagħtu togħma; iweġġgħu imma ma joqtlukx.  Fuq kollox l-Ispirtu s-Santu hu garanzija li int se tgħix għal dejjem, li m’hemm xejn ikbar u aqwa minnek fl-univers għax ħadd ma jista’ jeħodlok Ħajtek għax int se tgħix għal dejjem billi dak li ħabbek u nnamra miegħek hu etern u ma jmut qatt. 

 

Kollox jgħaddi, imma min hu maħbub mill-Mulej jgħix għal dejjem!

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  12, 4-11

 

Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu;  hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej;  hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f'kulħadd. 

 

Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni ta' l-Ispirtu għall-ġid ta' kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu;  lil ieħor il-kelma tas-sapjenza     mill-istess Spirtu;  lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu;  lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don ta' l-għażla ta' l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir ta' l-ilsna.  Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

 

Evanġelju

 

Din it-taqliba spiritwali li qegħdin nitkellmu fuqha, seħħet f’Kana tal-Galilija taħt is-sinjali ta’ Tieġ.  Hemm tassew li Kristu wera min hu fil-bidla tal-ilma f’inbid ħelu tal-festa.  Kristu hu dak li jġib il-festa fil-qalb ta’ dawk li jpoġġuh fiċ-ċentru ta’ Ħajjithom u mhux x’imkien fil-periferija, fiċ-ċirku ta’ barra, f’xi rokna fejn immorru nfittxuH u nagħtuH tfarfira meta niġu bżonnu.

 

Hemm ukoll Marija.  Għandna bżonn Omm fit-tfittxija għall-Iben.  Huwa l-Iben waħdu li kapaċi jibdel l-ilma tagħna f’inbid ġdid, imma l-Omm hi sensittiva u tara minn qabel dak li l-ulied għandhom bżonn. 

 

Int forsi għadek ma ndunajtx li int imbiegħed waħda seww mill-Mulej.  Tmur il-Knisja nhar ta’ Ħadd, u forsi iktar ukoll, imma ma tafx minn fejn ġejja l-iskuntentizza, n-nuqqas ta’ paċi.  L-Imħabba ilha li dbielet fik u l-ġilda tiegħek xrafet u lanqas biss qed tinduna.  U Marija tgħid lil Ġesù: “M’għandux inbid dan!”  Bla ma tlabtha int, Hi tidħol għalik quddiem il-Waħdieni li kapaċi jibdel qalb il-bniedem.  “M’għandux inbid dan!”

 

Allaħares mhux hekk!  Allaħares il-Mulej jitlaqna għal riħna nġawdu u nbexxklu sakemm tasal ix-xjuħija u l-mewt fuqna.  Aħna aqwa minn hekk quddiem għajnejh.  U Marija tidħol għalina meta aħna aljenati bil-ħmerijiet.  Hi taf min għandu nbid u min għandu biss ilma.

 

Versett: Hallelujah. Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej; Min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.  Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  2, 1-12

 

Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f'Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm.  Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. 

 

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: "Ma għandhomx inbid."  U Ġesù qalilha: "X'hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx."  Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: "Agħmlu kull ma jgħidilkom hu."  

 

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa' xi mitt jew mija u għoxrin litru.  Ġesù qal lill-qaddejja: "Imlew il-ġarar bl-ilma." U dawk imlewhom sax-xifer.   Mbagħad qalilhom: "Issa ħudu minnu u newwluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda." U huma marru jagħtuhulu.  Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus  u qallu: "Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa."  

 

Dan li għamel Ġesù f'Kana  tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.  Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm għal ħafna żmien.

 

 
< Prev   Next >