Din
hija il- Liturgija tat-tielet Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kemm
rigali tana Alla biex jassigura s-Salvazzjoni tagħna! Kemm għajnuniet imprezzabbli! Sa tana lil Ibnu biex bħall-Ħaruf
tat-Testment l-Antik, jiġi maqtul biex jinħeles mill-ħtija l-poplu. Il-Liġi Qaddisa tgħid li min jidneb imut għax
id-dnub joqtol u dan il-fatt ma jista’ jbiddlu ħadd, lanqas Alla
l-Imbierek. Fejn hemm id-dnub hemm
il-Mewt u ma tistax teżisti l-Ħajja. Tista’ tiekol, tixrob, tixxala, taħdem,
tħossok b’saħħtek... jekk dnibt inti mejjet, u mejjet bis-serjetà fuq livell
ontiku u psikoloġiku profond ħafna. U
jekk inti mejjet int ma tistax tħobb għax iħobb biss min hu Ħaj.
Kien
għalhekk li deher Ġesù Kristu fid-dinja, għax il-bnedmin kollha dinbu u
għalhekk kulħadd kien mejjet, tgħid l-Iskrittura. Hu miet biex jilqa’ fuqu dak li suppost waqa’
fuq ras il-midneb. Din hi l-Imħabba
enormi tal-Missier. Dan hu l-mod
waħdieni kif seta’ jinħeles il-bniedem mill-mewt li hi l-frott naturali
tal-qagħda midinba li fiha nitwieldu.
Dan hu l-ikbar rigal, l-ikbar grazzja li seta’ jagħtina Alla, għax fi
Kristu tana kollox.
Imma
terġa, tana ħafna, ħafna iktar għajnuniet biex aħna ngħarfu dan il-Misteru hekk
tal-għaġeb li hu l-offerta ta’ Kristu għal kull wieħed/waħda minna. Tana l-Kelma tiegħu! Alla jkellimna b’ħafna modi. Ikellimna anke bl-Istorja tagħna. Lill-Knisja jkellimha bis-sinjali
taż-żminijiet. Imma għandna rigal enormi
fil-Kelma miktuba tiegħU: l-Iskrittura, il-Bibbja. Fuq il-Bibbja huwa bbażat il-messaġġ sħiħ li
l-Knisja dejjem wasslet lid-dinja f’kull ġenerazzjoni.
Imma
wieħed jista’ jkun “reliġjuż” ħafna bla ma jkun jaf wisq il-Kelma ta’
Alla. Kif jista’ jkun dan? Għax ir-reliġjożità hi kwalità naturali
fil-karattru tal-bniedem. Tista’ tkun
“reliġjuż” bla ma tkun Nisrani.
In-Nisrani jgħix bil-Kelma ta’ Alla li tikkonċentrah fuq il-Misteru
tal-Għid ta’ Kristu, l-uniku Salvatur li għandu, u fuq l-Ewkaristija,
il-Preżenza ħajja tal-Mulej f’Ħajtu.
Fl-Eżilju,
Iżrael għadda minn mument storiku tassew kiefer. Imma Alla ppermetta dan, anzi kien il-kawża
prinċipali ta’ din l-esperjenza qarsa, għax il-poplu kellu bżonn jagħmel qabża
fil-Fidi li waħdu ma kien se jagħmilha qatt.
Dan jiġri lilna wkoll, fuq livell personali, fl-Istorja tagħna. Alla jippermetti li tiġri xi ħaġa li aħna ma
nifhmuhiex u nħossu li Alla għeb mix-xena, waqt li jkun Hu li jkun qed imexxi
kollox! L-Eżilju kien esperjenza
pożittiva mmens għal Iżrael. Il-poplu
ssaffa minn ħafna “ħmerijiet” reliġjużi li kien tgħabba bihom. Hu veru li kien tilef it-Tempju u l-Liturġija
Qaddisa, imma dawn l-affarijiet ma kienx għadu jużahom b’qalb sinċiera u l-qima
tiegħu kienet saret użanza, drawwa, wirja minn barra ta’ mħabba li ma kinitx
teżisti minn ġewwa.
Fl-Eżilju,
Iżrael tilef it-Tempju imma skopra is-Sinagoga!
Fis-Sinagogi li bdew jidhru ’l hawn u ’l hemm kull fejn tferrex il-poplu
bdiet issir Liturġija sempliċi tal-Kelma ta’ Alla. Qabel, ir-relazzjoni tal-poplu ma’ Alla
kienet ibbażata fuq sagrifiċċji ta’ kull tip u preċetti/dmirijiet. Fid-dawl ġdid tal-Kelma bdew jindunaw kemm
kbira kienet il-fedelta ta’ Alla, kemm tal-għaġeb l-Għażla ta’ Iżrael minn fost
il-popli kollha. Dan, u fuq kollox
il-kitbiet tal-profeti, sar il-faraġ tal-poplu u nbniet Fidi ġdida li saret
is-sinsla tal-ġens magħżul. Minn hawn
bdiet l-istennija tant twila tal-Messija li kellu jiġi u li kellu jkun il-frott
ewlieni tal-Istorja kollha ta’ Iżrael.
L-Ewwel
Qari
Dan
il-qari huwa mportanti ħafna għax se naraw kif kienet issir iċ-Ċelebrazzjoni
tal-Kelma eżatt wara li ntemm l-Eżilju u l-poplu kien qed jirritorna lura lejn
artu. Esdra l-qassis kien fuq
pjattaforma, għoli iktar mill-poplu biex ikun jista’ jarah kulħadd, u wara li
nġab ir-romblu tal-Iskrittura b’qima kbira, beda jaqra fit-tul minnu. Aħna nafu li beda jaqra mill-Ktieb tad-Dewteronomju,
ktieb li għal ħafna żmien kien mitluf, imma li partijiet minnu kienu reġgħu
instabu. Il-pjazza kienet mimlija
bin-nies, kulħadd jisma’ b’attenzjoni kbira.
Mhux
ċajta li wieħed jisma’! Illum ħafna
iktar minn dak in-nhar! Is-Smigħ tal-Kelma
bil-widnejn profondi tal-qalb huwa totalment grazzja, rigal ta’ Alla, li jista’
jagħtihulek u jista’ ma jagħtihulekx.
Il-poplu kellu widnejn biex jisma’ għax widnejh “tħammlu”
mill-esperjenza ta’ tbatija li kien għadda minnha. Bniedem aljenat ma jisma’ xejn! Ħafna nies jintilfu fuq ix-xejxi tad-dinja u
jitilfu t-Teżor il-Kbir għax widnejhom miżduda, u anke jekk imorru l-Knisja, ma
jisimgħux għax il-Kelma ma tagħmilx sens għal Ħajjithom.
Mill-banda
l-oħra hemm nies li għandhom għatx għall-Kelma.
Imma xorta waħda, anke dawn jistgħu jisimgħu u ma jisimgħux. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel ħuġġieġa
nar mill-Kelma Qaddisa u din issaħħan il-qalb li qabel kellha id kiesħa tagħfas
madwarha. Wieħed jista’ jisma’ l-istess
kelma disgħa u disgħin darba bla ma tgħidlu xejn, imbagħad f’daqqa waħda
jismagħha l-mitt darba u qisu qed jismagħha għall-ewwel darba! Dan hu li jagħmel l-Ispirtu s-Santu. Jekk jagħmillek “underlined” Kelma waħda, din
tkun biżżejjed biex tibdillek qalbek u timlihielek.
Il-poplu
beda jibki quddiem il-Kelma għax urietu r-rejaltà miskina tiegħu. Il-Kelma kapaċi tixlik biex tfejqek mill-mard
tiegħek. Importanti li jien u int
ikollna esperjenza tad-dmugħ għax dan jindika sogħba sinċiera u xewqa ta’
twelid ġdid. Wara l-qari tal-Kelma, l-Liturġija
għaddiet għat-tifsir tagħha (l-Omelija) u hu hawn li min kien qed imexxi beda
jfarraġ lill-poplu u jagħmillu kuraġġ għax Alla dejjem iħenn għal kull min juri
sinjali ta’ konverżjoni sinċiera.
Qari
mill-Ktieb ta’ Neħemija. 8, 2-4a, 5-6,
8-10
F’dak iż-żmien: Esdra
l-qassis ġieb il-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u
oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U
mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu
kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu
kollu kien attent jisma' l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk
ta' l-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni.
Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien
fil-għoli 'l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej,
Alla l-kbir, u l-poplu kollu b'idejh merfugħin 'il fuq wieġeb: "Amen,
amen." U nxteħtu għarkubbtejhom b'wiċċhom ma' l-art jagħtu qima
lill-Mulej.
Bdew jaqraw mill-Ktieb tal-Liġi b'mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw
il-qari. Mbagħad il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li
kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: "Dan hu jum
qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!" Għax
il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama' kliem il-Liġi. U
żiedu jgħidulhom: "Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil
dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis
għall-Mulej. La ssewwdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa
tagħkom."
Salm Responsorjali
Salm 19 huwa innu ta’ foħrija għal-Liġi ta’
Alla. Aħna lkoll nafu li wieħed jista’
jgħid kemm irid li jemmen f’Alla u jħobbu, imma l-Fidi trid tidher fl-għemil
inkella ma tkun Fidi xejn. Għalhekk
ħajja morali tajba hi essenzjali mmens għan-Nisrani. Anzi, il-Fidi vera u matura, minnha nnifisha
tnissel frott morali bħalma siġra, meta jasal żmienha li tati l-frott tagħtih
bla sforz ta’ xejn, anzi b’mod naturali.
Jekk mill-banda l-oħra, “Nisrani” jgħix bħalma jgħixu l-pagani, u
kultant agħar, allura mhux veru li għandu l-Fidi.
Imma rridu noqogħdu attenti fuq dan. Inti ssalva mhux għax tgħix tajjeb biss iżda
għax temmen fil-merti li kiseb għalik Ġesù Kristu bil-Misteru tal-Għid
tiegħu. Min jimpressjona ruħu bl-opri
tajba li jagħmel hu, u jagħmel lista tagħhom, ikun qed jaqa’ fl-iżball għax
isir fariżew supperv u lest li jibda jiġġudika lil min ma jitħabatx bħalu. Bniedem bħal dan hu għadu ta’ Kristu anke
jekk in-nies taħsbu “ġust”. Jekk l-opri
tagħna huma biżżejjed biex insalvaw, għalfejn kellu Kristu jbati dik it-tbatija
kollha, imut mewt umiljanti, għarwien imdendel fuq salib, u fl-aħħar jegħleb
il-mewt li tifni lilna lkoll? Għalfejn
dan kollu? Għalfejn din l-Istorja tas-Salvazzjoni
jekk jien kapaċi nsalva lili nnifsi?
Niffissaw għajnejna fuq il-Kurċifiss li minnu
tnixxi s-salvazzjoni tagħna u minn imkien ieħor. Imbagħad, meta l-Fidi tagħna tkun tassew
safja, jinbtu kemm trid opri qaddisa, mhux bil-ħila tagħna imma bil-merti ta’
Kristu li miet biex aħna nitwieldu mill-ġdid fiH. Mhux l-opri li jsalvawna imma l-Fidi tagħna
f’dak li għamel Kristu għalina.
Mill-banda l-oħra Fidi li ma twellidx opri li jiġbdu lill-oħrajn lejn
Kristu, ma hi Fidi xejn.
Ritornell:
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.
Salm 19
Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem
lil min ma
jafx.
Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal
l-għajnejn.
Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa
għalkollox.
Ħa jkunu milqugħa quddiemek
kliem fommi u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.
It-Tieni Qari
Issa
għandna qari twil minn San Pawl li jitkellem fuq xi ħaġa mportanti ħafna
fil-Ħajja tan-Nisrani u tal-Knisja: il-kariżmi jew talenti li Alla jżejjen lil
kull min jemmen f’Ibnu. San Pawl jisħaq
fuq l-importanza ta’ kull wieħed minna f’għajnejn il-Mulej. Hu jqabbel lill-Knisja bħala ġisem, il-Ġisem
ta’ Kristu li hu r-Ras. Fil-ġisem kollox
hu mportanti. Aħna lkoll niswew il-prezz
tad-Demm ta’ Kristu u Alla lest jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq biex isalvana u ma
jħalliniex nintilfu għal dejjem.
Għall-ġid
tal-Knisja (u mhux għas-sodisfazzjon tagħna!), Hu jżejjinna b’xi kariżma, jew
kultant, iktar minn waħda wkoll. Ħadd
m’għandu d-dritt jintefaħ b’dan għax ikun qed jisraq il-Glorja lil Alla. Għalhekk San Ġorġ Preca kien jisħaq tant fuq
l-intenzjoni retta, u din mhi faċli xejn.
Il-qaddej sinċier ta’ Alla jitlob u jitlob biex dak li kapaċi jagħmel,
jagħmlu bħala qaddej li ma jiswa xejn.
Wieħed katekista magħruf darba qal: Aħna biċċa ċarruta maħmuġa f’idejn
Alla. Bina hu jnaddaf il-ħġieġ tat-tieqa
biex dak li jkun jara x-xena meraviljuża tal-“Art Imwegħda”. Imbagħad iċ-ċarruta Alla jitfagħha fil-landa.
Din
hi l-umiltà tal-bniedem ta’ Alla.
Il-kariżmi huma ta’ Alla waħdu.
Hu jislifhom lilna biex ngħinu lil ħutna. Min jinqeda bihom biex jerda’ l-istima u
jkabbar ismu, ir-rigal diġa jkun ħadu u m’għandu jistenna xejn mingħand Alla.
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 12, 12-30
Bħalma l-ġisem hu wieħed u
fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad
li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed
biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll
xrobna minn Spirtu wieħed.
Issa l-ġisem m'huwiex
membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Kieku s-sieq kellha tgħid: "Ladarba m'iniex l-id,
jien m'iniex biċċa mill-ġisem," b'daqshekk m'hijiex parti mill-ġisem? U kieku l-widna kellha
tgħid: "Ladarba m'iniex l-għajn, jien m'iniex biċċa mill-ġisem,” ma jkunx
ifisser b'daqshekk li hi m'hijiex biċċa mill-ġisem.
Kieku l-ġisem kollu kien għajn,
fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu
smigħ, fejn kien ikun ix-xamm? Iżda
Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f'postu, kif għoġbu hu. Kieku kollha kellhom
ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem?
Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. L-għajn ma tistax tgħid
lill-id: "Jiena ma għandix bżonnok,” anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn:
"Ma għandix bżonnkom.” Mhux
hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma
l-aktar meħtieġa; u
dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu
ħsiebhom; u 'l dawk li ma għandhomx ġmiel, nlibbsuhom b'aktar ġmiel; għax il-membri sbieħ ma
għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b'mod li żejjen b'aktar ġieħ lil
dawk li jeħtiġuh l-aktar. B'hekk
ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f'xulxin; jekk membru jbati, ibatu
lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.
Intom il-ġisem ta'
Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post
bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Mbagħad
id-don tal-mirakli, mbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don
ta' ilsna diversi. Jaqaw
ilkoll appostli? Lkoll profeti? Lkoll għalliema? Lkoll bid-don tal-mirakli? Lkoll għandhom id-don
tal-fejqan? Lkoll jitkellmu bl-ilsna? Lkoll ifissru?
Evanġelju
L-Evanġelju jerġa’ jeħodna lura lejn is-suġġett tal-Kelma ta’ Alla. Kristu jinsab fis-Sinagoga, preżenti
għal-Liturġija tal-Kelma. Hu kien jaf li
l-Kelma l-ħin kollu kienet titkellem fuqU.
Hu kien il-Kelma ta’ Alla li nkarnat ruħha, saret laħam fiH. Kien jaf li
Hu kien Dak li ħabbru l-profeti. Kien
jaf ukoll li hu kien Dak li kienu xbieha tiegħU is-sagrifiċċji kollha tal-Patt
il-Qadim li issa kien għadda żmienu.
Kien jaf li l-Missier bagħtu biex ikun is-Sagrifiċċju Waħdieni li kien
jiswa biżżejjed biex jitfi għal kollox is-sagrifiċċji kollha tar-reliġjonijiet
kollha. Hu kien jaf li Hu kien l-Aħbar
it-Tajba għall-fqajrin li kienu bla Tama, għall-għomja li ma setgħu jaraw
ħniena mkien, għat-torox li qatt ma semgħu Bxara li ferrħithom, għall-bniedem
imjassar u maqful ġewwa li bħal għasfur maqful ġo gaġġa, nesa kif itir, kif
jifraħ.
Hu jgħid: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” Imma hekk ukoll jgħid in-Nisrani li għalih
il-Kelma hi l-ikel ta’ kuljum. Hu jaf li
l-Istorja tiegħu hi miktuba, mniżżla fl-Iskrittura. Hu jaf li l-Iskrittura titkellem fuqu; li
fiha jsib is-sens għal Ħajtu. In-Nisrani
jaf li jekk jiftaħ il-Ktieb Qaddis hu se jsib quddiem għajnejh il-Kelma qisha
nar li ssaħħan, iddawwal, u wkoll, taħraq is-sadid.
Hi ħasra li ftit jinteressahom li jidħlu ’l ġewwa f’dan ir-rigal enormi
li hi l-Kelma, li wara kollox hi Kristu nnifsu.
“Verbum Dei caro factum est!”
“Il-Kelma ta’ Alla saret laħam!”
Il-Kelma mhix tagħlim biss, mhix xi ħaġa għal min hu ntelliġenti
biss. Il-Kelma ta’ Alla hi ġrajja,
storja li tkellem lil kulħadd.
It-tagħlim hu mportanti, imma fuq kollox il-Kristjaneżmu huwa
esperjenza, ġrajja, laqgħa ħajja ma’ Ġesù Kristu.
Versett:
Hallelujah. Il-Mulej bagħatni biex inwassal il-Bxara t-Tajba
lill-fqajrin u nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin. Hallelujah.
Bidu tal-Evanġelju ta’ San Luqa. 1, 1-4;
4, 14-21
Bosta kienu dawk li ħadu
f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu
fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom
stess u saru ministri tal-kelma. Hekk ukoll jien, għażiż
Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara
sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa
b'ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.
Ġesù, bil-qawwa ta'
l-Ispirtu, reġa' mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma' dawk l-inħawi
kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir
ta' kulħadd.
Jum wieħed, Ġesù ġie
Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri
jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f'idejh il-ktieb ta'
Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
'L-Ispirtu
tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
nrodd il-ħelsien
lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’
Mbagħad raġa' għalaq
il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd
fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: "Din
il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu."
|