Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kristu kien Profeta għax
kellu l-milja tal-Ispirtu s-Santu li jimla lill-bniedem bid-dixxerniment,
bl-għarfien, u hekk kien jilmaħ dak kollu li kien hemm f’qalb kull min jersaq
lejH. Kien Profeta fuq kull profeta
ieħor għax huwa Hu l-Kelma li l-profeti kienu jħabbru, il-Kelma ta’ Alla li
ħalqet kollox u li libset laħam biex tiġi tgħammar fost il-bnedmin.
Kristu kien Sultan għax
kien Bin il-Għoli, il-Waħdieni mnissel minnu, u hekk jikkmanda l-Istorja, Sid
l-Istorja. Huwa Hu li jagħmel il-Ħaqq
bejn dawk li jemmnu fl-Għotja totali tiegħu għal kull bniedem, u dawk li ma
jemmnux. Hija biss din il-Fidi
fis-Setgħa tiegħu li tnissel fil-bniedem natura ġdida li taf tħobb u tgħin u
tinagħta għall-“ieħor”.
Kristu kien Saċerdot, anzi
s-Saċerdot waħdieni għax huwa Hu l-Waħdieni li jista’ jidħol għal kull bniedem
quddiem il-Missier u jinterċiedi għalih għax fiH biss qatt ma eżista d-Dnub li
hu l-egoiżmu. Huwa hu l-Waħdieni li ta
lilu nnifsu għal kull bniedem, il-waħdieni li rebaħ lill-Mewt li twerwer lilna
lkoll u ġġagħalna nidinbu u niġbdu lejna l-ħin kollu, kif tgħid l-Ittra
lil-Lhud, (ara Lhud 2, 15). Huwa huwa
Dak li l-ħin kollu juri l-pjagi tiegħU lil MissierU u joffri l-merti
tal-ubbidjenza tiegħU favur tagħna.
Dawn il-karatteristiċi,
din in-natura meraviljuża tiġi mnaqqxa f’kull bniedem li jirċievi s-Sagrament
tal-Magħmudija. Dan hu tal-għaġeb,
tafux! Fil-Magħmudija, il-bniedem il-qadim
kopja ta’ Adam, li nirtu mingħand missirijietna tal-laħam, jiġi maqtul u
minfloku jitwieled Bniedem Ġdid, kopja, xbieha ta’ Kristu, mfejjaq minn ġewwa,
li m’għandux għalfejn ikun egoista għax għandu r-rebħa fuq il-mewt u għalhekk
jista’ jħobb fil-qjies tas-salib, jiġifieri lill-għadu. Il-Magħmudija tagħmilna lkoll Profeti, ilkoll
Slaten, ilkoll Saċerdoti. Din hija
l-meravilja ta’ dan is-Sagrament. Dan
kollu hu l-frott tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, tad-dippressjoni tiegħU
fil-Ġnien, tat-tbatijiet orribbli tiegħU, tal-mewt tiegħU fuq is-Salib,
tar-rebħa tiegħU fuq il-Mewt.
Issa jiena naf li dan
kollu jinstema’ qisu teorija sabiħa li fil-konkret ftit li xejn taraha. Ir-raġuni hija sempliċi. Il-Magħmudija hija Misteru; hija Proċess;
hija l-Istorja tas-Salvazzjoni tiegħek u tiegħi. Minn bniedem wieħed il-Magħmudija tagħmel
“San Franġisk”, imma f’ieħor tidher bla effett u jidher fid-dinja xi Hitler jew
Stalin! Il-Magħmudija jew tikber magħna
jew xejn, anke jekk id-DNA tal-Magħmidija sħiħa jinsabu ġa fina mal-mument tar-Rit
tas-Sagrament. Imma hawn min għadu bil-kappa
u l-libsa bajda twila tat-trabi anke jekk qed jixjieħ. Il-Magħmudija trid tikber f’familja tassew
Nisranija u megħjuna minn Knisja-Omm u Għalliema.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum titkellem fuq il-karattru ta’ Profeta, waħda mit-tliet marki li tħalli
fina l-Magħmudija fi Kristu.
L-Ewwel Qari
Is-Sejħa ta’ Ġeremija u
tal-Profeti kollha tixbaħ lis-Sejħa li Alla jagħmel lil kull min fih tikber
il-Magħmudija tiegħu. Dejjem hemm
oppożizzjoni, f’min kbira u f’min inqas kbira.
F’Ġeremija, l-oppożiżżjoni kienet il-biża’. Hu għaraf li Profeta “jara” b’mod differenti
mill-bqija tal-bnedmin u għalhekk dan l-għarfien kien se jitfgħu f’mixja kontra
l-kurrent, differenti mill-oħrajn.
F’Isaija, l-oppożizzjoni għas-sejħa kienet li aktar kemm qorob lejn Alla
aktar sar konxju tal-miżerja tiegħu bħala bniedem u midneb u dan kexkxu
mill-Għażla.
In-Nisrani jaf li jekk
iħares lejn żokortu qatt mhu se jasal biex jintelaq fir-Rieda ta’ Alla. Huwa jara r-rejaltà tiegħu ta’ midneb u ma
jemminx li hemm leħen fih, leħen l-ilma ġieri tal-Magħmudija, li qed isejjaħlu
għal ħwejjeġ kbar, għal ħajja meraviljuża u sorprendenti fejn Alla ma jeħodlok
xejn imma jagħtik, jagħtik, jagħtik.
X’ħin Marija ħarset lejha nnifisha, mill-ewwel qalet: “Kif ikun
dan?” Imma malli emmnet lil Alla, hi
ntelqet fl-Istorja, fil-Pjan li kellu għaliha u fiha seħħew il-meravilji.
Dan il-Qari se jurini li
l-Profeta hu biċċa xogħol kollha kemm hi tal-Mulej. Huwa hu li jifforma l-Profeta sa minn ġuf
ommu, anzi minn qabel il-ħolqien tad-dinja.
Aħna li rċivejna l-Magħmudija konna ġa mmarkati minn qabel inħalaq
l-univers biex inkunu xbihat ċkejknin tal-Ħallieq, Dawl għad-dinja mportanti
iktar mix-xemx u l-qamar li jdawlu materjalment. Għax jekk il-ħolqien għandu bżonn ix-xmux
tiegħu biex idawluh, u Alla ħasiblu għal dan, għandu bżonn ukoll id-Dawl
spiritwali, il-Preżenza mill-qrib ta’ min ħalqu, u anke għal dan il-Missier
ħaseb, u ħaseb bil-kbir.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija. 1, 4-5, 17-1
U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
"Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.
U int ħażżem ġenbejk,
qum u għidilhom kull ma nordnalek.
La tibżax minnhom,
għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.
Arani llum se nagħmel minnek belt fortizza,
kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż,
kontra l-pajjiż kollu,
kontra s-slaten ta' Ġuda, u l-prinċpijiet
tiegħu,
kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.
Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,
għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej,
biex neħilsek minnhom."
Salm Responsorjali
Ġeremija beża’
mill-persekuzzjoni. Ma kienx iblah. Kien jaf li kellu jeħodha mhux biss
mas-setgħa politika ta’ żmienu, iżda wkoll mal-awtoritajiet reliġjużi li ma
ridux jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u jintefgħu b’entużjażmu għax-xogħol ta’
qawmien u riforma reliġjuża li l-pajjiż kellu bżonn. Il-kariżma ta’ Profeta li kull Nisrani
għandu, ġġib magħha nuqqas ta’ komprensjoni, u dan bil-fors għax id-dixxerniment
li jinagħtalu jagħmel li hu “jara” affarijiet li ħaddieħor ma jarahomx. Hu jagħti mportanza lil ħwejjeġ li għal
ħaddieħor huma banali, u jwaqqa’ għaċ-ċajt drawwiet u kulturi li jaf li għadda
żmienhom imma li għal ħafna jkunu għadhom għeżież.
Dan iqanqal vjolenza. Għalhekk Salm 71 jgħid: “Fik, Mulej,
nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel.” (v. 1). “Kun għalija sur tal-kenn u fortizza qawwija
għall-ħelsien tiegħi, għax blata tiegħi u fortizza tiegħi int. Alla tiegħi eħlisni minn id il-ħażin.” (vv. 3-4).
Min minna għadda minn din l-esperjenza?
Mhux qed nirreferi għal xi nkwiet kbir li jinqala’ minħabba l-ġlied fuq
il-wirt, jew fuq l-opinjonijiet politiċi, jew fuq xi piki oħra, jew minħabba
l-kilba għall-flus jew is-suċċess... Min
minna bata persekuzzjoni serja minħabba l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja? Min sab ruħu mdawwar minn għedewwa għax
il-Magħmudija tiegħu kibret tant li inagħta d-dixxerniment tal-Profeta u
ikklaxxja ma’ ħafna li merewh? Ftit ħafna
minna, żgur. Min minna jibku minħabba t-twegħir tal-Knisja, minħabba l-kriżi
“enormi” ta’ Fidi li għandna f’pajjiżna u fil-kultura tal-punent?
Kristu kien il-Profeta per
eċċellenza u dan is-Salm jitkellem fuqU l-ewwel u qabel kollox.
Ritornell: Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek.
Salm 71
Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun sur ta' kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin,
minn id il-qarrieq u l-kiefer.
Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni;
inti dejjem it-tifħir tiegħi.
Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna
tiegħek,
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.
It-Tieni Qari
San
Pawl ikompli mal-Ħadd li għadda jitkellem fuq il-kariżmi; illum fuq il-kariżma
li tgħaddi l-kariżmi kollha. Mingħajrha
ma jeżistix Nisrani. F’innu mill-aqwa
l-Appostlu jitkellem fuq l-Imħabba. Mhux
l-Imħabba erotika jew il-ġibdiet u l-affetti naturali tal-bnedmin, imma fuq
l-Imħabba li tiġi mill-Missier, titħawwel fina permezz tal-Magħmudija u tikber
fil-qjies li aħna niskopru kemm aħna maħbubin minnU.
Il-Profeta
huwa mbuttat mill-Imħabba biex jitlaq il-pjanijiet tiegħu għal ħajtu u
jinteressa ruħu biss bil-ġid ta’ ħaddieħor.
L-Imħabba hija l-prova jekk aħniex Insara adulti jew le. Pawlu jgħid: “Meta kont tarbija, kont
nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’
tarbija.” (1 Kor. 13, 11). F’kollox hemm proċess. Gwaj għalija u għalik jekk m’aħniex konxji u
ma nagħtux importanza kbira lill-proċess tal-Fidi f’ħajjitna. Gwaj għalina jekk uliedna jkunu marru
d-duttrina tat-tfal għax bil-fors u ta’ tlettax-il sena ħarbu minn kollox għax
ma sabu xejn jinteressahom f’Ġesù Kristu!
Gwaj għas-soċjetà tagħna! Gwaj
għall-Knisja jekk din l-Imħabba li fuqha jitkellem il-qari tidher ftit u sikwit
ma naraw l-ebda differenza fl-atteġġjament tal-“Insara” li jagħmilhom
differenti mill-pagani.
Gwaj
għalina... gwaj għal dawk li inagħtalhom l-istint tal-Profezija u jżommuh moħbi
għax l-Imħabba li għandhom hi dgħajfa u tibża’ tkun sinjal ta’ kontradizzjoni.
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 12, 31;
13, 1-13
Ħuti: Intom ħabirku għal
doni ogħla. Imma jien nurikom triq
li tgħaddihom ilkoll.
Li kont nitkellem bl-ilsna
tal-bnedmin u ta' l-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument
tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.
U kieku kelli d-don
tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi
tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont
inkun xejn.
U kieku kelli nqassam ġidi
kollu fil-karità
u
nagħti ġismi għall-ħruq
bla ma jkolli mħabba,
xejn ma jkun jiswieli ta' ġid.
L-imħabba taf tistabar u
tħenn;
l-imħabba m'hijiex għajjura, ma tintefaħx
biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn;
ma tagħmilx dak li m'hux
xieraq;
ma tfittix dak li hu tagħha,
xejn ma tinkorla; ma żżommx f'qalbha għad-deni,
ma tifraħx bl-inġustizzja,
imma tifraħ bil-verità;
Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama,
kollox tissaporti.
L-imħabba ma tintemm qatt.
Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf.
Għalissa nafu biċċa,
u
l-profezija tagħna hi nieqsa;
imma meta jfeġġ dak li hu
sħiħ,
jgħib dak li hu nieqes.
Meta kont tarbija, kont
nitkellem ta' tarbija,
nħoss
ta' tarbija, naħseb ta' tarbija.
Meta
sirt raġel warrabt dak li hu ta' tarbija.
Bħalissa naraw bħallikieku
f'mera, mċajpar,
imma
mbagħad naraw wiċċ imbwiċċ.
Issa
nagħraf biċċa,
mbagħad
nagħraf bħalma jien magħruf issa.
Issa hawn fidi, tama u
mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.
Evanġelju
Ninsabu nirriflettu fuq
il-bidu tal-Missjoni ta’ Ġesù. Qabel ma
beda din il-Missjoni, Hu għadda minn perjodu ta’ tentazzjonijiet kbar biex
jaqbad triq oħra minn dik li kien qed jindikalu l-Missier. Kull Profeta li qatt deher kien xbiha ta’ Kristu
u lkoll għaddew minn din it-taqbida. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jdaħħalhom fiha
għax hu żmien ta’ mportanza enormi. Meta
l-Profeta jgħaddi minn din il-prova hu jissaħħaħ b’mod tal-għaġeb.
Ħafna qaddisin jgħidu:
“M’hemmx salvazzjoni mingħajr tentazzjoni!”
Għax hu fit-taqbid li l-gwerrier jitħarreġ u jikber fis-saħħa u
l-qlubija. X’jiswielu li atleta
jittrenja kuljum, jiċċaħħad minn ikel u xorb li ma jaqbilx, jgħix tip ta’ ħajja
kważi “axxetika”, biex imbagħad ma jikkompeti qatt, ma jtellaq qatt kontra
l-avversarju? Kif Kristu rebaħ
it-tentazzjoni tal-biża’, tal-kalkoli, ta’ dak li jaqbel lilu, hekk ukoll hemm
bżonn li jseħħ fin-Nisrani matur li m’għadux tarbija fil-Fidi, kif semma San
Pawl.
Ir-rebħa fit-tentazzjoni
tagħti sigurta, saħħa, awtorità u ferħ kbir.
Mimli b’dan kollu, Kristu jmur f’pajjiżu u lin-nies kellu l-ħila
jgħidilhom il-verità li kien jaf li ma kinitx se togħġobhom. Illum il-moda hi li tkun “politically correct”. Ma nafx jekk fil-Malti għadhomx ivvintaw
traduzzjoni tagħha din. Tkun
“politically correct” ifisser toqgħod ħafna attent li ma turta lil ħadd, ma
ddejjaq lil ħadd, ma tkeċċi lil ħadd, ma tmerri b’mod frontali lil ħadd... għax
in-numru hu mportanti. Dan jgħodd
għall-partiti politiċi, imma għall-Knisja le.
Il-Profeta hu l-kuntrarju ta’ dak li dejjem ikun “politically
correct”! Hu jgħid il-verità akkost ta’
kollox. Staqsu lil Ġwanni
l-Battista! U dwar in-numru, darba
Kristu qal lil dawk li kienu l-iktar qrib tiegħu: “Tridux tmorru intom
ukoll?” Għax kważi kulħadd kien telqu.
F’Nazaret, Kristu lagħab
ħajtu bis-serjetà! Riedu joqtluH! Għall-ewwel għoġobhom! Imma malli beda jmissilhom il-kallu, bdew
joqomsu. Aħna lkoll l-istess! Min irid jisma’ l-verità li tweġġa? Kif jista’ jidher Profeta fostna jekk ma
jkunx mimli bl-Ispirtu s-Santu, bl-għana tal-Ispirtu s-Santu li jagħtih wiċċ
taż-żnied. Ma għandu xejn x’jitlef għax
l-għana tiegħu mhux ġej mill-istima, mill-vot tan-nies, mill-popolarità, imma
minn Alla.
Versett: Hallelujah. Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax
int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna.
Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju ta’
San Luqa. 4, 21-30
F’dak iż-żmien: Ġesù qal
lin-nies fis-sinagoga: "Din il-kitba seħħet illum, intom u
tisimgħu." U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli
ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin
Ġużeppi?"
Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu
għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek : dak kollu li
smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." [ U żied jgħidilhom:
"Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb
f'pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael
fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ
kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat
Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. U kien hemm
bosta lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie
mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja."
Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela
bil-korla; qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta'
rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn
hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.
|