Din
hija il- Liturgija tan-Nawfragju ta' San Pawl f'Malta (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
Pajjiżna għandu ħafna dati
mportanti li jimmarkawna bħala nazzjon
bi Storja rikka u twila. Imma
għan-Nisrani l-iktar data mportanti hi l-10 ta’ Frar li tfakkru fil-miġja fostna
tal-akbar Appostlu-Evanġelista li kellha l-Knisja fiż-żmien primittiv tagħha u
li bil-kitbiet li ħallielna, l-Ispirtu s-Santu rfina u ċċara l-Fidi Nisranija
fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Fuq
l-art Maltija rifes l-akbar Appostlu tal-Knisja; l-għoljiet, il-widien,
il-baħar innifsu, l-arja Maltija, semgħu mill-oriġini l-Bxara li d-dinja kien
ilha tistenna sa mill-ħolqien. Kemm hi
dejjem misterjuża l-għażla ta’ Alla!
Oħrajn kellhom jistennew snin, sekli, il-miġja fosthom ta’ Knisja li
ddawlilhom id-dlam tagħhom. Imma Malta
le. “Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.”
qal Pawlu lil sħabu. Dan qalu għax
qalulu l-anġlu tal-Mulej. Kien hemm
ħtieġa li l-art ta’ Malta tiftaħ dirgħajja biex tilqa l-ġifen li kien se
jwasslilha t-Teżor veru. L-10 ta’ Frar hi
d-data simbolika (għax hemm dibattitu fuq id-data) ta’ ġrajja fundamentali
fit-tiswir tal-Malti u tal-Għawdxi; twieldet il-Knisja ta’ Kristu f’Malta,
waħda mill-ftit Knejjes Apostoliċi li fadal, imwaqqfa mill-Appostli nfushom.
X’semgħet jidwi fi ħdanha Malta
fis-sena 60 W.K., inqas minn tletin sena wara l-Mewt u l-Qawmien tal-Iben ta’
Alla? San Pawl innnifsu jwieġeb, għax hu
jirrepeti li kull fejn mar hu mar imriegħed, imneżża minn kliem il-għerf, u
jħabbar ħaġa waħda: lil Kristu u lil dan Imsallab. Hu ġie jħabbar l-Aħbar it-Tajba, l-ewwel u
qabel kollox. Hija x-xandira tal-Imħabba
tal-Missier lejn kull individwu meta bagħat lil Ibnu biex ikun l-offerta ta’
tpattija għad-dnub kollu tad-dinja, xandira li għandha s-saħħa tbiddel il-qlub
u timla bil-ferħ lill-bniedem. Il-Liġi,
bil-kmandamenti b’kollox, dan m’għandhiex saħħa tagħmlu, iktar u iktar
mal-ġenerazzjonijiet tal-lum. Pawlu kien
ixandar il-Morali wkoll, il-bżonn enormi li n-Nisrani jgħix tip ta’ Ħajja li
l-pagan jistagħġeb biha, imma dan wara li jkun ħabbar l-Euangelion, il-Kerigma,
l-Aħbar it-Tajba għal kull midneb.
Ir-risposta tal-Missier
għad-dnub moqżież tiegħi u tiegħek ma kienx, kif titlob kull liġi,
l-kastig. Altru! Altru!
Quddiem il-miżerja tal-għadu tiegħu, il-Missier abbanduna lil Ibnu
l-Waħdieni u l-Għażiż biex jittieħed fuq l-artal fejn kellu jxerred demmu kollu
f’offerta li tqaddes lil kull min jemmen fiha.
X’ħaġa tal-għaġeb! Kien għalhekk
li ħalliel fuq is-salib seta’ jidħol il-Ġenna awtomatikament għax ħares lejn
Kristu bil-Fidi. Kien għalhekk li anke
jien u int nistgħu ngħixu l-Ġenna ġa minn hawn jekk nemmnu fid-diega enormi li
qegħda żżomm warajja għarar ta’ merti ta’ Kristu li lesti jifgaw għal kollox
il-ħtijiet kollha mhux tagħna biss imma tal-univers kollu.
Tletin sena biss qabel ma
l-baħar irremetta lil Pawlu fuq xatt il-baħar Malti, ġrat xi ħaġa f’Ġerusalemm
li inutli nippruvaw nitkellmu fuqha għax il-bniedem għadu ma vvintax il-kliem
biex jesprimi dan il-Misteru. Alla niżel
u mtedd fuq il-forka magħmula għaliH mill-midinbin biex bl-Ubbidjenza tiegħu u
bl-Imħabba li ħarġet minnu jkun jista’ jsalva u jixtri lil dawk stess li kienu
qed jaħqruh! Dan hu l-punt kruċjali
tal-Istorja tal-Bniedem. Lil Pawlu, din
il-ġrajja li Alla tneżża’ minn kollox biex ikun jista’ jgħaddi minnha,
ġennitu! Hu ħass li dnubietu kollha,
kollha, kollha, kienu maħfura! Hu kien
ġust quddiem Alla mhux għax ħadem għall-Knisja imma għax inħasel fil-merti
tal-Mulej għażiż tiegħU. Hu ħaraq Ħajtu
fil-qadi tal-Knisja bħala konsegwenza ta’ dan.
Dan hu mportanti li
nifhmuh! Fuq dan żgur li żgur li tkellem
Pawlu fit-tliet xhur li dam hawn.
Il-Maltin li sab kienu pagani, imma pagani reliġjużi. Bħar-reliġjużi l-oħra kollha ta’ żmienhom (u
tal-lum!) kienu jħarsu lejn ir-reliġjon skont in-natura. Xi tgħidlek in-natura? Jekk tistinka, tirnexxi. Jekk taħdem, tiekol. Jekk tistudja, tgħaddi. Jekk tieħu ħsieb ssaħħtek, ma timradx. Jekk tkun tajjeb u tobdi, ntuk rigal. Jekk tħarbat u tgħix ħażin, taqla’
l-kastig.
Imma Pawlu qalilhom: “Jien
kont ħażin u midneb, kont naħqar il-Knisja u kont nifraħ meta fit-torturi li
konna nagħtu lill-Insara kien ikun hemm xi waqt meta xi ħadd konna nġegħluh
jidgħi b’Alla. Kont nifraħ! Kien ħaqqni l-mewt mingħand Alla. Iżda Hu, Sidi Ġesù, li kont qed
nippersegwita, ġie jiltaqa’ miegħu u xorobni għal miegħu bil-ħlewwa ta’
Kliemu! Urieni li kien miet għal min hu
bħali biex ma nintilifx għal dejjem.
Salvani mix-xifer tax-Xegħol. Ħatafni
bħalma wieħed jaħtaf zokk minn ġo ħuġġieġa li jkun ġa beda jdaħħan. Għalhekk
jien inħabbrilkom il-Grazzja. Kull
midneb li jemmen fl-offerta ta’ Kristu għalih, hu grazzjat, meħlus, mifdi,
iġġustifikat, magħmul qaddis quddiem il-Missier. U min jemmen dan, issa stess, il-Missier
jibgħat fih l-Ispirtu Qaddis ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt biex hekk int
tirċievi natura ġdida miġbuda lejn il-qdusija u mhux iktar lejn id-dnub. Jekk temmen, int issir bniedem ġdid,
titwieled mill-ġdid; int se tgħix għal dejjem.
Fil-vini tiegħek se jiġri d-demm ta’ Kristu li għaliH il-Mewt ma tistax
iktar. U jekk tassew tilqa’ dan li qed
inxandarlek, (nimmaġinaw lil San Pawl ikompli), illejla stess nistiednek
għall-Magħmudija u għall-Festa Kbira tal-Ewkaristija li fiha dan li qed
inxandarlek iseħħ mill-ġdid bħala Memorjal dejjiemi.”
Din għandha tkun
il-predikazzjoni tal-Knisja fi żmienna.
Din hi l-Evanġelizzazzjoni.
Il-Morali u kif għandna ngħixu jiġu wara bħala frott ta’ din
il-predikazzjoni. L-ewwel trid tinżera’
s-siġra, imbagħad tistenna l-frott.
Il-problema tal-Knisja llum f’pajjiżna hu li għadna ma ammettejniex li
Malta tilfet il-Fidi. Mhux qegħda titlef
il-Fidi, imma tilfitha diġa. Għad fadal
irqajja ta’ aħwa li għandhom il-Fidi adulta (mhux reliġjożità bħal dik li sab
San Pawl), imma bħala pajjiż tippretendix wisq minn Malta llum fejn jidħlu
l-ħajja soċjali, il-libertinaġġi, l-idejal modern ta’ “nagħmel li rrid”. Għalhekk hemm bżonn l-Evanġelizzazzjoni
ġdida. Ġdida = Ġdida!! Dan ukoll għadna ma fhimniehx! Mhux kull predikazzjoni hi
Evanġelizzazzjoni. Biex
l-Evanġelizzazzjoni tkun Evanġelizzazzjoni trid tinagħta lil dawk li ma
jemmnux. Trid tkun konvint li quddiemek
m’hemmx min tassew jemmen fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Trid tibda mill-bidu u xxandar l-ogħla Aħbar
b’ħeġġa, b’żelu, bħal donnu li qed tixxandar għall-ewwel darba! Nibnu l-Knisja mill-ġdid f’din
il-ġenerazzjoni!
Fuq dan ħela saħħtu Pawlu,
u fuq dan trid taħli saħħitha l-Knisja tiegħu li għadha hawn Malta. Ma jimpurtax li hi ċkejkna. Ħafna huma dawk li jitriegħdu quddiem
dan. Jista’ jkun, li wara kollox
il-Knisja mkien qatt ma kienet kbira wisq.
Ir-reliġjon, iva. Imma l-Knisja
nistħajjel li dejjem kienet “fdal”, melħ fil-borma, bozza ċkejkna li ddawwal
tajjeb is-sala.
Il-qari fil-fest l-kbira
tal-lum hu dan li ġej.
L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb
tal-Għerf. 14, 3-7
Il-providenza tiegħek, Missier, tmexxih;
għax int ftaħt triq fil-baħar ukoll,
u mogħdija bla periklu qalb l-imwieġ.
Hekk turi li int tista' teħles minn kull tiġrif,
biex ukoll min ma jifhimx jista' jbaħħar.
Inti ma tridx li għemil l-Għerf tiegħek
ikun għal xejn;
għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom
fuq għuda dgħajfa,
u jaqsmu, qawwijin u sħaħ, mwieġ kbar fuq
ċattra.
Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja
u, mmexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa ta' nisel ġdid
Mbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!
Salm Responsorjali
Salm 107
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
U joffrulu sagrifiċċji ta' radd il-ħajr,
u jxandru l-għemejjel tiegħu b'għana ferrieħi.
Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f'qiegħ il-baħar.
Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet
u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża'.
Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,
u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.
Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f'żiffa,
u sikket mewġ il-baħar.
Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
It-Tieni Qari
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 27, 16 – 28, 6
B'ġirja waħda għaddejna
taħt ir-riħ ta' daqsxejn ta' gżira jisimha Kawda. Bilkemm stajna nżommu
d-dgħajsa warajna, u għalhekk tellgħuha mill-baħar. Mbagħad
qabdu l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax
beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.
L-għada t-tempesta ħabbtitna
ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, u fit-tielet jum irmew
it-tagħmir tal-ġifen b'idejhom stess. Għal ħafna jiem la dehret xemx
u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar
tlifna kull tama li nsalvaw.
In-nies kienu ilhom ħafna
ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f'nofshom u qalilhom:
"Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu
minn din il-ħsara u dan it-telf. Imma issa nwissikom biex tagħmlu
l-qalb, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss
jintilef. Għax dal-lejl deherli anġlu ta' dak Alla li tiegħu jien u
li lilu nqim, u qalli, 'Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher
quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw
miegħek isalvaw.' Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f'Alla li
hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. Jinħtieġ iżda li naħbtu ma'
gżira."
Meta wasal l-erbatax-il
lejl, konna ninsabu mitfugħin 'l hawn u 'l hemm fil-baħar ta' Adrija.
Għall-ħabta ta' nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi
art. Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu għoxrin qama; mxejna ftit
ieħor 'il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax. Huma beżgħu li
xi mkien konna se naħbtu ma' xi skoll, u għalhekk niżżlu erba' ankri
mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma
jisbaħ. Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu
dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. Iżda
Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: "Jekk dawn ma jibqgħux fuq
il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw." Mbagħad is-suldati
qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.
Meta sar il-ħin biex
jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejqu b'xi ħaġa, u
qalilhom: "Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu
xejn. Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b'xi ħaġa ta' l-ikel; dan
jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef xagħra waħda minn
rasu."
Kif qal dan, qabad
il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda
jiekol. Mbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta' l-ikel
huma wkoll. Konna b'kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq
il-ġifen. Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ
il-baħar.
Xħin imbagħad sebaħ, l-art
ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jistgħu,
jitfgħu l-ġifen fuqha. Rħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew
ukoll l-irbit tat-tmun. Mbagħad tellgħu l-qala' ż-żgħir ta' quddiem għar-riħ u
rħewlha lejn ix-xtajta. Iżda ħbatna ma' sikka bejn żewġ kurrenti, u
l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma
tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.
Is-suldati riedu kieku
joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom
bil-għawm; iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva 'l Pawlu, ma ħalliex
il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma
l-ewwel il-baħar u jmorru l-art; lill-oħrajn ordnalhom jilħqu
x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd
qabad l-art qawwi u sħiħ.
Meta ħlisna mill-għarqa,
sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu
ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna
ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela Pawlu
qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li,
malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma' id Pawlu. In-nies
tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma' idu, bdew jgħidu wieħed lil
ieħor: "Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar,
il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!" Imma hu farfar il-lifgħa
ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew
jaqa' u jmut f'daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni,
biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.
Evanġelju
L-Egħluq tal-Evanġelju ta’
San Mark. 16, 15-20
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lill-Ħdax: "Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien
kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda
min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu
lil dawk li jemmnu: f'ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b'ilsna
ġodda, jaqbdu s-sriep b'idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib
il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn
ifiqu."
U hekk il-Mulej Ġesù, wara
li kellimhom, kien imtella' fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta' Alla.
Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem
magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
|