Sunday, 24 March 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITT HADD MATUL IS-SENA (2019) HEMM GHAZLA QUDDIEM KULL BNIEDEM
IS-SITT HADD MATUL IS-SENA (2019) HEMM GHAZLA QUDDIEM KULL BNIEDEM PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 February 2019

Din hija il- Liturgija  tas-Sitt Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_u_l-ghani.jpg

 

Għal darb’oħra l-Knisja f’pajjiżna reġgħet kienet fl-aħbarijiet, u mill-ġdid, l-aħbarijiet ma kinux sbieħ.  Kull meta jsir sondaġġ dwar l-attendenza fil-quddies tal-Ħadd, ħlief statistiki koroh ma joħorġux.  Issa drajniha l-istorja.  In-numru tal-Maltin li qed jonqsu milli jwettqu l-iktar ħwejjeġ bażiċi tal-Fidi qiegħed dejjem jiżdied b’1% kull sena.  Kulħadd jaf li l-Knisja għaddejja minn taqliba manja.  Bħal ħuta li bidlulha l-ilma, il-Knisja llum tinsab f’ambjent “barrani” u ostili għaliha f’Malta.  L-Insara huma f’minoranza u kemm se ddum tinżabar il-Knisja ħadd ma jaf.

 

Is-sitwazzjoni hi waħda ta’ kontradizzjoni li tħawdek.  Għal ħafna, il-Knisja qegħda hemm għall-festi, għall-folklor, għall-kultura, għall-identita nazzjonali.  Ftit joħolmu li wara ġimgħa xogħol iqumu filgħodu l-Ħadd biex imorru għall-Ewkaristija.  Imma missilhom il-kurċifiss fil-klassijiet tat-tfal, jew fl-uffiċini, u jqum pandemonju. Missilhom l-istatwa tal-qaddis u jiġġennu.  Miskin l-arċipriet li jiddeċiedi li jħassar il-purċissjoni tad-Duluri minħabba l-maltemp għax jisma’ kliem ħażin u oxxen bħalma ġara f’waħda mill-parroċċi tagħna m’ilux (mhux ix-Xewkija).

 

Din x’reliġjon hi? Il-Kristjaneżmu għamilnih reliġjon tal-marċi, tal-istatwi, tal-murtali, tal-orkestri, tat-tiżjin, tal-ktajjen jitkaxkru fil-Ġimgħa l-Kbira. Din mhix il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.  Il-qassisin kollha jaqblu miegħek u l-kappillani wkoll iżda xi frustrazzjoni...!  Xorta l-Knisja tibqa’ taħli l-ikbar parti tal-enerġija tagħha f’dawn iċ-ċuċati.  Kristu ġie biex iwaqqaf il-Knisja tal-pageants!!!  Kemm nafu nivvintawhom il-ħmerijiet... u ferħana għax in-nies tiġi u x-xitan jogħrok idejh.  Il-parroċċa ma tażżardax tagħmel xi ħaġa serja għall-adulti għax ma jiġi ħadd, allura “ninqdew” bit-tfal u nirreduċu kollox għat-tfal biex minħabba fihom jiġu l-ġenituri jisimgħu priedki tat-tfal.

 

Imma l-bniedem tal-Fidi jgħid li din il-kriżi hi xogħol l-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li qed iħott dak li kien tajjeb għal missirijietna u m’għadu jgħodd xejn għall-bniedem tal-lum.  Jekk il-Knisja ma tridx tħott lilha nnifisha, iħottha Alla!  Dejjem hekk għamel.  Ta’ bnedmin li aħna, nħobbu l-kwiet u nevitaw it-“trouble”.  Il-Knisja ma tirriformax ruħha jekk ma tkunx imbuttata, mniggża, mġiegħlha mill-Ispirtu s-Santu.  Aktarx li topponih kemm tiflaħ, imma fl-aħħar ikollha ċċedi biex tinża’ mill-irbit tal-qedem u tilbes ir-rieda tal-Mulej.

 

Għall-grazzja t’Alla għadda ż-żmien meta kulħadd kien Nisrani għax twieled Malta.  Għall-grazzja t’Alla, għax issa se nibdew naraw Insara li huma Nsara għax iddeċidew li jsiru Nsara u mhux għax xi ħadd libbishom libsa bajda bla ma kienu jafu x’qed jiġri.  Issa hemm għażla quddiem kull bniedem.  Trid tipprova dak li tagħti d-dinja?  Mur!  Trid tibni ħajtek fuq is-suċċess materjali?  Għaġġel, stinka, ikkompeti!  Hu diżunur għall-Kristu li kotra kbira timxi warajH għax tibża’ taħrab!  Hu insult għal Kristu li l-knejjes jimtlew b’nies li qegħdin hemm kontra qalbhom, għax hekk jaqbel, għax jgħidu bihom, għax jgħadduhom ta’ “mħawdin”.  Għal dan Kristu xerred Demmu kollu fuq is-Salib?  Din hija l-Fidi li trid titqabad kontra s-sekulariżmu?  Kollox se jaqa’ bħal dar tal-karti.

 

Imma l-Knisja tirbaħ dejjem!  Din hija kriżi li minnha se joħroġ ġid kbir!  Qed tinħema mewġa enormi, zunami sħiħ ta’ Evanġelizzazzjoni li bħalha qatt ma rajna qabel fl-Istorja!  Għaliex għandna naħsbu dan?  Għax Alla hu sid l-Istorja.  Il-Knisja hi Ġesù Kristu fid-dinja u Kristu rebaħ il-Mewt u ma jistax imut aktar u l-istess il-Knisja li hi ġismu... ma tistax tmut.  Imma dan ngħiduh mhux biex noqogħdu b’idejna fuq żaqqna, imma nitolbu, nitkarrbu lill-Ispirtu s-Santu għad-Dawl, nixxennqu li ngħinu l-Knisja waqt li qed tinżabar, nagħmlu kuraġġ lil dawk li jibku għaliha għax iħobbuha.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum titkellem ħafna fuq għażla bejn żewġ toroq: jew dik tad-dinja jew t’Alla.  Il-kotra, jekk tħalliha fil-libertà, dejjem se tagħżel id-dinja.  Il-“Fdal” li Alla żamm għaliH se jagħżel it-triq id-dejqa.  Il-Kelma titkellem ċar fuq dawn iż-żewġ toroq.  Waħda li tidher għaqliha għal ħafna, imma mhi xejn ħlief niżla lejn il-mewt, lejn ix-xejn, lejn it-tmiem ta’ kollox, waqt li l-oħra li tidher tal-ġenn u belha, tieħu lejn Ħajja bla tmiem.  Ħafna lanqas biss jieqfu u jaħsbu, imma jintelqu mal-kurrent.  Id-djar tagħna saru seminarji fejn uliedna qed jiġu ndotrinati biex jgħażlu t-triq il-wiesa’ tas-suċċess, tal-glorja tad-dinja, tal-flus, tas-sbuħija, tal-egoiżmi, tal-fama, tas-superjorità fuq l-oħrajn.  Kollha kemm aħna wqajna f’din in-nasba.  F’xi familji għadek tisma’ lill-missier jgħid lil ibnu: “Studja ibni, imma ħa ngħidlek: tkun ferħan jekk tiskopri kemm Alla jħobbok.  Dan hu l-ferħ waħdieni!”  Kemm ngħiduha din lil uliedna.  Illum it-tfal qed jiċħdu lil Ġesù Kristu malli jagħmlu l-Konfermazzjoni tal-Isqof.  F’Malta (f’Għawdex inqas) ftit huma tfal li jibqgħu imorru l-Knisja wara l-Preċett!  Saret il-festa u daqshekk. X’qed jirċievu fid-duttrina?  Fejn hi l-Fidi?  Fejn hi l-Knisja domestika li trawwem il-vokazzjonijiet? 

 

Aħjar Knisja ċkejkna imma vera, milli din il-Knisja tal-festi li għandna li tħawdek u ma tafx fejn int magħha. 

 

Il-Liturġija tal-Qari ta’ dan il-Ħadd

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  17, 5-8

 

 Dan jgħid il-Mulej:

"Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,

li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,

u titbiegħed qalbu mill-Mulej.

 

Ikun bħal siġra ta' l-għargħar fix-xagħri,

li ma tara ebda ġid ġej,

li tgħammar f'art tikwi fid-deżert,

art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.

 

Mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,

u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.

Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawwla,

b'għeruqha mxenxla lejn il-wied;

ma tibżax meta tiġi s-sħana,

il-weraq tagħha jibqa' jħaddar;

fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,

u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.

 

Salm Responsorjali

 

Slam 1

 

Ritornell: Hieni l-bniedem li qiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.

 

Hieni l-bniedem

li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.

 

Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma

li tagħmel  il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għalhekk il-ħżiena ma jifilħux għall-ħaqq,

ma joqogħdux il-ħatja  fil-ġemgħat tat-tajbin.

 

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  15, 12. 16-20

 

Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin?   

 

Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem.  U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom.  U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu.  Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin.

 

Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.  

 

Versett: Hallelujah.  Il-Kelma tiegħek, Mulej, hi s-sewwa; qaddisna fis-sewwa. Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

 

Mbagħad niżel magħhom u waqaf f'wita, flimkien ma' kotra kbira ta' dixxipli u folla kbira ta' nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta' Tir u Sidon.

 

Ġesù rafa' għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:

 

Ħenjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna t’Alla.

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.

Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.

Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.  Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

 

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ.

Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.

Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

 

 
< Prev   Next >