Din
hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ġejna mgħammda fi Kristu
meta konna trabi, bla fidi, bla fehma, bla sens. Imma dak in-nhar ġrat xi ħaġa kbira u
misterjuża f’ħajjitna: inbeda proċess qaddis, mixja bil-mod il-mod biex minn
ħlejjaq imlibbsa l-miżerja ta’ Adam, imut bil-mod dan il-bniedem materjali biex
jinħoloq floku bniedem dejjem aktar spiritwali, dejjem aktar jixbah lil Kristu.
Dan il-proċess ta’ Alla
seħħ anke fl-Istorja, anke fl-Iskrittura.
Alla ma weriex ruħu f’daqqa waħda lill-poplu magħżul tiegħu, imma
bil-mod il-mod, sakemm wera kulma kellu juri lill-bniedem f’Ġesù Kristu. Fi Kristu Alla m’għandu xejn iktar x’jurina
għax fiH uriena kollox. San Ġwann
tas-Salib jgħid li min jixxennaq għal xi għarfien ġdid mingħand Alla, jew għal
xi dehriet, ikun qed jeħodha kontra din il-verità assoluta li meta tana lil
Ibnu, tana kollox; meta wriena lil Kristu mejjet fuq is-salib għall-għedewwa
tiegħu, hu wriena dak kollu li seta jurina dwaru.
Biex nifhmu l-Iskrittura rridu
nifhmu li matulha hemm proċess li fih Alla juri ruħu lill-bniedem bil-mod
il-mod, b’ħafna mogħdrija u fehma (understanding). Jekk le, bil-fors li nibdew naħsbu li l-Kelma
ta’ Alla tikkondradixxi lilha nnifisha. Ħadd ma jaf lill-bniedem daqs Alla u għalhekk
ħadd ma jista’ jimxi mal-bniedem b’għerf kbir daqs Alla. Lil Mosè tah Kmandamenti u Preċetti, imma ma
qallux biex iħobb lill-għedewwa tiegħu!
Iżrael, u l-popli kollha kienu għadhom wisq primittivi biex jifhmu
l-profondità ta’ morali bħal din, imġieba bħal din.
Fl-ewwel qari se niltaqgħu
ma’ David li kellu jgħix maħrub, jiġri ’l hawn u ’l hemm, bis-Sultan Sawl isus
warajh biex joqtlu. Sawl kien ibati minn
dik li llum insejħulha dippressjoni mentali.
Fl-inkubu tiegħu kien konvint li David kien se jeħodlu s-Saltna. Għalhekk bagħadu u ried jeħles minnu. Fil-qari se naraw lil David jifrankalu l-mewt
lill-għadu tiegħu. Imma dan għamlu mhux
għax kien iħobbu, jew għax Alla kien jippretendi li għandu jħobb lill-għadu
tiegħu, imma għax Sawl kien il-midluk tal-Mulej, l-ikkonsagrat tiegħu. David ma qatilx lil Sawl għax dan kellu
d-dilka qaddisa, u David beża’ minn Alla, kellu l-biża’ ta’ Alla.
L-istess, għal żmien twil,
il-poplu ta’ Alla ma kellux ħjiel tal-Ħajja ta’ Dejjem, tal-Eternità. Alla beda jinfiltra din il-fidi bil-mod
il-mod, l-aktar permezz tal-profeti sakemm laħqet l-ikbar manifestazzjoni
tagħha fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li ġie mqajjem mill-Mewt, u rebbieħ
fuqha biex dawk li jemmnu fih tmisshom l-istess xorti. Tant kien suġġett kontroversjali
fi żmien Kristu, din tal-qawmien mill-imwiet u ta’ ħajja oħra lil hinn
mill-qabar, li grupp influwenti mmens fil-Ġudajiżmu, is-Sadduċej, li minnhom
kienu jintagħżlu l-Qassisin il-Kbar lanqas kienu jemmnu fiha.
Proċess ieħor divin, ferm
delikat u li għadu sejjer sal-ġurnata tal-lum, hu l-mogħdija tal-bniedem fidil
mill-madmad tal-Liġi għall-ħelsien tal-Ispirtu.
Dan hu proċess ħafna sensittiv.
Il-Fariżej kienu nies li jħobbu l-Liġi ta’ Alla u kienu jemmnu li jekk,
bl-isforzi u t-tqanżih tagħhom kienu jobdu l-Liġi ta’ Mosè (l-għaxar
kmandamenti, il-precetti eċċ) allura kienu ġusti u kienu se jsalvaw u se jaraw
wiċċ Alla. Spiċċaw biex qatlu lil
Kristu!
Sawlu ta’ Tarsu kien
wieħed ta’ dan it-tip. Hemm proċess
fil-bniedem li Alla biss jista’ jwettqu li jwassal lin-Nisrani biex iħobb lil
Alla fuq kollox u lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu. Hu jħobb lil Alla mhux għax Alla mlieh
bil-ġid, bis-suċċess, b’dak kollu li tixtieq qalbu. Min ma jħobbx lil Alla kieku jiġri hekk? Imma aħna nafu li dan qatt ma jiġri għax
kulħadd iġorr xi salib. In-Nisrani ma
jħobbx lil Alla bil-fors għax hekk tgħid il-Liġi. Dik mhix Imħabba, imma biża’
mill-kastig. In-Nisrani jħobb lil Alla
għax jagħraf li fi Kristu Alla ħabbu u jrid jagħmlu ibnu u werriet ta’ kulma
għandu. Hemm proċess twil, u kultant
pass ’l quddiem u tnejn lura, biex il-bniedem jasal biex jerfa’ idu u jfaħħar
lil Alla anke meta kollox imurlu żmerċ.
Trid tinbidel in-natura, jew il-qalb tal-bniedem.
Xi ħadd li qorob ħafna
lejn dan kien il-Profeta Ħabakkuk, li fil-Kantiku tiegħu imur jgħid: “U mqar
jekk ebda nwar ma trodd it-tina, u xejn ma jagħtu d-dwieli, u l-frott tas-siġar
taż-żebbuġ iqarraq, u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel, u l-merħla tgħib
mill-mandra, u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom, jien xorta waħda
nifraħ fil-Mulej, nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi.” (Ħab. 3, 17-18). Dan hu l-bniedem salv. Dan hu l-bniedem spiritwali li l-ferħ u
s-sliem tiegħu ma jiġux affettwati mid-diżastri u t-traġedji materjali. Hemm proċess u proċess twil biex il-bniedem
ta’ intenzjoni tajba jitwassal għal dan.
San Pawl iħobb jitkellem
fuq il-bniedem il-qadim u l-bniedem il-ġdid.
Il-bniedem il-qadim huwa dak li nitnisslu u nitwieldu bih. L-ewwel jiġi l-qadim, il-materjali, imbagħad
il-ġdid, l-ispiritwali. Dan iseħħ
permezz tal-Magħmudija. Fil-Magħmudija
nindifnu ma’ Kristu; il-bniedem il-qadim miġbud għad-dnub u l-egoiżmu jindifen
ma’ Kristu biex minfloku jitwieled il-bniedem il-ġdid li għandu l-istess natura
ta’ Kristu u għalhekk mhux iktar egoista u jista’ jħobb saħansitra lill-għadu
tiegħu. Imma r-rit tal-Magħmudija li
rċivejna ta’ trabi hu biss il-bidu ta’ dan il-proċess.
Hu veru, anzi hi meravilja
kif f’dan is-sagrament jinżera fina dan kollu li qed ngħidu, imma mbagħad
irridu ngħaddu minn proċess ta’ konverżjoni biex dak li nagħtalna jikber u
jagħti l-frott. Għalhekk, il-Magħmudija
qisha lewża li nżergħet fina. Donnha bla
effett imma fiha hemm enerġija tremenda li meta tisplodi u tikber issir siġra
kbira li dejjem tagħti l-frott, fi żmienu u barra minn żmienu!
Dan kollu qed ngħidu, għax
hemm paġni fil-Vanġelu li naħsbu li huma mpossibbli biex jingħaxu fuq
l-art. Bla ma nafu nċarrtu ħafna paġni
mill-Ktieb tal-Vanġelu u f’moħħna l-kelma Evanġelju ma tibqax iktar tfisser Aħbar
Tajba imma Liġi oħra ferm itqal minn ta’ Mosè.
Din ereżija. Qed jiġi proklamat
id-Diskors tal-Muntanja f’dawn il-Ħdud. Ħafna
jdawruh f’Liġi, ġabra ta’ kmandamenti alà Kristu. Bl-isforzi
naturali tiegħu ħadd ma jista’ jgħix id-Diskors tal-Muntanja, ħadd ma
jista’ jħobb lill-għadu, ħadd ma jista’ jħalli lil min jisirqu. Imma jekk trid tara “ritratt” tan-Nisrani
veru, aqra dan id-Diskors kollu f’daqqa!
Dan id-Diskors huwa rigal ta’ Alla lill-bniedem! Qisu Alla jrid jgħid lili u lilek: “Ara
x’irrid nagħmel minnek!” Alla hu
l-fuħħari; aħna t-tafal. X’kapaċi
jagħmel it-tafal? Xejn! Imma Alla kapaċi
jagħmel minna, fi proċess kollu mogħdrija, biċċa arti li tgħaxxqU u tferrħU u
turi l-glorja tiegħU.
Il-Liturġija tal-Qari
tas-Seba’ Ħadd matul is-Sena.
L-Ewwel Qari: Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel. 26, 2, 7-9, 12-13, 22-23.
F’dak iż-żmien: Sawl qam
u niżel lejn id-deżert ta' Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn
Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta' Żif.
U ġie David u Abisaj ħdejn
l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f'nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu
kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta' rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin
madwaru.
U Abisaj qal lil David:
“Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f'idejk, ħa nsammru ma' l-art b'daqqa waħda
bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.” Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux, għax min
qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”
Iħarisni l-Mulej milli
mmidd idi fuq il-midluk tal-Mulej! U issa aqbad il-lanza u l-ġarra ta' l-ilma
minn ħdejn rasu, u ejja mmorru.” U
David ħa l-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd
rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas
tqil waqa' fuqhom mingħand il-Mulej.
David imbagħad qasam
għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata ta' l-għolja fil-bogħod, b'wisa' kbir
bejniethom. U
David għajjat u wieġeb:
“Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi 'l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha. Il-Mulej irodd lil kull
wieħed skond il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f'idejja
llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.
Salm Responsorjali: Salm 103
Rit.: Ħanin u ta’ qalb
tajba l-Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.
Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu.
It-Tieni
Qari: Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 15, 45-49.
Ħuti:
l-Iskrittura tgħid:
"L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja?" l-aħħar wieħed sar spirtu li
jagħti l-ħajja. Mhux
l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad
l-ispiritwali. L-ewwel bniedem, mit-trab, hu ta' l-art;
it-tieni bniedem, mis-sema.
Bħalma hu l-bniedem ta'
l-art, hekk ukoll huma l-bnedmin ta' l-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk
ukoll huma l-bnedmin tas-sema. Bħalma
aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem ta' l-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha
tal-bniedem tas-sema.
Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa. 6,
27-38.
F’dak iż-żmien Ġesù qal: "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni,
ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min
jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min
iżeblaħkom.
Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu
wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar,
anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u
min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom,
hekk ukoll agħmlu intom lilhom.
Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas
jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U
jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax
dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura,
xi ħlas jista' jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li
jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.
Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu
l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u
tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma' l-ingrati u
l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.
"Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx,
u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u
jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom
f'ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom."
|