Sunday, 24 March 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SEBA’ HADD MATUL IS-SENA (2019) L-ISTORJA TAGHNA HI PROCESS QADDIS
IS-SEBA’ HADD MATUL IS-SENA (2019) L-ISTORJA TAGHNA HI PROCESS QADDIS PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 23 February 2019

Din hija il- Liturgija  tas-Seba' Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

david_u_sawl-2000.jpg

 

Ġejna mgħammda fi Kristu meta konna trabi, bla fidi, bla fehma, bla sens.  Imma dak in-nhar ġrat xi ħaġa kbira u misterjuża f’ħajjitna: inbeda proċess qaddis, mixja bil-mod il-mod biex minn ħlejjaq imlibbsa l-miżerja ta’ Adam, imut bil-mod dan il-bniedem materjali biex jinħoloq floku bniedem dejjem aktar spiritwali, dejjem aktar jixbah lil Kristu.

 

Dan il-proċess ta’ Alla seħħ anke fl-Istorja, anke fl-Iskrittura.  Alla ma weriex ruħu f’daqqa waħda lill-poplu magħżul tiegħu, imma bil-mod il-mod, sakemm wera kulma kellu juri lill-bniedem f’Ġesù Kristu.  Fi Kristu Alla m’għandu xejn iktar x’jurina għax fiH uriena kollox.  San Ġwann tas-Salib jgħid li min jixxennaq għal xi għarfien ġdid mingħand Alla, jew għal xi dehriet, ikun qed jeħodha kontra din il-verità assoluta li meta tana lil Ibnu, tana kollox; meta wriena lil Kristu mejjet fuq is-salib għall-għedewwa tiegħu, hu wriena dak kollu li seta jurina dwaru. 

 

 

Biex nifhmu l-Iskrittura rridu nifhmu li matulha hemm proċess li fih Alla juri ruħu lill-bniedem bil-mod il-mod, b’ħafna mogħdrija u fehma (understanding).  Jekk le, bil-fors li nibdew naħsbu li l-Kelma ta’ Alla tikkondradixxi lilha nnifisha. Ħadd ma jaf lill-bniedem daqs Alla u għalhekk ħadd ma jista’ jimxi mal-bniedem b’għerf kbir daqs Alla.  Lil Mosè tah Kmandamenti u Preċetti, imma ma qallux biex iħobb lill-għedewwa tiegħu!  Iżrael, u l-popli kollha kienu għadhom wisq primittivi biex jifhmu l-profondità ta’ morali bħal din, imġieba bħal din. 

 

Fl-ewwel qari se niltaqgħu ma’ David li kellu jgħix maħrub, jiġri ’l hawn u ’l hemm, bis-Sultan Sawl isus warajh biex joqtlu.  Sawl kien ibati minn dik li llum insejħulha dippressjoni mentali.  Fl-inkubu tiegħu kien konvint li David kien se jeħodlu s-Saltna.  Għalhekk bagħadu u ried jeħles minnu.  Fil-qari se naraw lil David jifrankalu l-mewt lill-għadu tiegħu.  Imma dan għamlu mhux għax kien iħobbu, jew għax Alla kien jippretendi li għandu jħobb lill-għadu tiegħu, imma għax Sawl kien il-midluk tal-Mulej, l-ikkonsagrat tiegħu.  David ma qatilx lil Sawl għax dan kellu d-dilka qaddisa, u David beża’ minn Alla, kellu l-biża’ ta’ Alla. 

 

L-istess, għal żmien twil, il-poplu ta’ Alla ma kellux ħjiel tal-Ħajja ta’ Dejjem, tal-Eternità.  Alla beda jinfiltra din il-fidi bil-mod il-mod, l-aktar permezz tal-profeti sakemm laħqet l-ikbar manifestazzjoni tagħha fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li ġie mqajjem mill-Mewt, u rebbieħ fuqha biex dawk li jemmnu fih tmisshom l-istess xorti. Tant kien suġġett kontroversjali fi żmien Kristu, din tal-qawmien mill-imwiet u ta’ ħajja oħra lil hinn mill-qabar, li grupp influwenti mmens fil-Ġudajiżmu, is-Sadduċej, li minnhom kienu jintagħżlu l-Qassisin il-Kbar lanqas kienu jemmnu fiha.

 

Proċess ieħor divin, ferm delikat u li għadu sejjer sal-ġurnata tal-lum, hu l-mogħdija tal-bniedem fidil mill-madmad tal-Liġi għall-ħelsien tal-Ispirtu.  Dan hu proċess ħafna sensittiv.  Il-Fariżej kienu nies li jħobbu l-Liġi ta’ Alla u kienu jemmnu li jekk, bl-isforzi u t-tqanżih tagħhom kienu jobdu l-Liġi ta’ Mosè (l-għaxar kmandamenti, il-precetti eċċ) allura kienu ġusti u kienu se jsalvaw u se jaraw wiċċ Alla.  Spiċċaw biex qatlu lil Kristu!

 

Sawlu ta’ Tarsu kien wieħed ta’ dan it-tip.  Hemm proċess fil-bniedem li Alla biss jista’ jwettqu li jwassal lin-Nisrani biex iħobb lil Alla fuq kollox u lill-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu.  Hu jħobb lil Alla mhux għax Alla mlieh bil-ġid, bis-suċċess, b’dak kollu li tixtieq qalbu.  Min ma jħobbx lil Alla kieku jiġri hekk?  Imma aħna nafu li dan qatt ma jiġri għax kulħadd iġorr xi salib.  In-Nisrani ma jħobbx lil Alla bil-fors għax hekk tgħid il-Liġi.  Dik mhix Imħabba, imma biża’ mill-kastig.  In-Nisrani jħobb lil Alla għax jagħraf li fi Kristu Alla ħabbu u jrid jagħmlu ibnu u werriet ta’ kulma għandu.  Hemm proċess twil, u kultant pass ’l quddiem u tnejn lura, biex il-bniedem jasal biex jerfa’ idu u jfaħħar lil Alla anke meta kollox imurlu żmerċ.  Trid tinbidel in-natura, jew il-qalb tal-bniedem. 

 

Xi ħadd li qorob ħafna lejn dan kien il-Profeta Ħabakkuk, li fil-Kantiku tiegħu imur jgħid: “U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, u xejn ma jagħtu d-dwieli, u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel, u l-merħla tgħib mill-mandra, u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom, jien xorta waħda nifraħ fil-Mulej, nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi.”  (Ħab. 3, 17-18).  Dan hu l-bniedem salv.  Dan hu l-bniedem spiritwali li l-ferħ u s-sliem tiegħu ma jiġux affettwati mid-diżastri u t-traġedji materjali.  Hemm proċess u proċess twil biex il-bniedem ta’ intenzjoni tajba jitwassal għal dan.

 

San Pawl iħobb jitkellem fuq il-bniedem il-qadim u l-bniedem il-ġdid.  Il-bniedem il-qadim huwa dak li nitnisslu u nitwieldu bih.  L-ewwel jiġi l-qadim, il-materjali, imbagħad il-ġdid, l-ispiritwali.  Dan iseħħ permezz tal-Magħmudija.  Fil-Magħmudija nindifnu ma’ Kristu; il-bniedem il-qadim miġbud għad-dnub u l-egoiżmu jindifen ma’ Kristu biex minfloku jitwieled il-bniedem il-ġdid li għandu l-istess natura ta’ Kristu u għalhekk mhux iktar egoista u jista’ jħobb saħansitra lill-għadu tiegħu.  Imma r-rit tal-Magħmudija li rċivejna ta’ trabi hu biss il-bidu ta’ dan il-proċess. 

 

Hu veru, anzi hi meravilja kif f’dan is-sagrament jinżera fina dan kollu li qed ngħidu, imma mbagħad irridu ngħaddu minn proċess ta’ konverżjoni biex dak li nagħtalna jikber u jagħti l-frott.  Għalhekk, il-Magħmudija qisha lewża li nżergħet fina.  Donnha bla effett imma fiha hemm enerġija tremenda li meta tisplodi u tikber issir siġra kbira li dejjem tagħti l-frott, fi żmienu u barra minn żmienu! 

 

Dan kollu qed ngħidu, għax hemm paġni fil-Vanġelu li naħsbu li huma mpossibbli biex jingħaxu fuq l-art.  Bla ma nafu nċarrtu ħafna paġni mill-Ktieb tal-Vanġelu u f’moħħna l-kelma Evanġelju ma tibqax iktar tfisser Aħbar Tajba imma Liġi oħra ferm itqal minn ta’ Mosè.  Din ereżija.  Qed jiġi proklamat id-Diskors tal-Muntanja f’dawn il-Ħdud.  Ħafna jdawruh f’Liġi, ġabra ta’ kmandamenti alà Kristu.  Bl-isforzi  naturali tiegħu ħadd ma jista’ jgħix id-Diskors tal-Muntanja, ħadd ma jista’ jħobb lill-għadu, ħadd ma jista’ jħalli lil min jisirqu.  Imma jekk trid tara “ritratt” tan-Nisrani veru, aqra dan id-Diskors kollu f’daqqa!  Dan id-Diskors huwa rigal ta’ Alla lill-bniedem!  Qisu Alla jrid jgħid lili u lilek: “Ara x’irrid nagħmel minnek!”  Alla hu l-fuħħari; aħna t-tafal.  X’kapaċi jagħmel it-tafal?  Xejn! Imma Alla kapaċi jagħmel minna, fi proċess kollu mogħdrija, biċċa arti li tgħaxxqU u tferrħU u turi l-glorja tiegħU. 

 

Il-Liturġija tal-Qari tas-Seba’ Ħadd matul is-Sena.

 

L-Ewwel Qari:  Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel.  26, 2, 7-9, 12-13, 22-23.

 

F’dak iż-żmien: Sawl qam u niżel lejn id-deżert ta' Żif, u miegħu ħa tlitt elef raġel magħżula minn Iżrael, ifittex lil David fid-deżert ta' Żif.

 

U ġie David u Abisaj ħdejn l-eżerċtu billejl, u Sawl kien mimdud u rieqed f'nofs il-kamp, u l-lanza tiegħu kienet imwaħħla fl-art in-naħa ta' rasu; u Abner u n-nies tiegħu mimdudin madwaru.

 

U Abisaj qal lil David: “Illum il-Mulej reħa l-għadu tiegħu f'idejk, ħa nsammru ma' l-art b'daqqa waħda bil-lanza tiegħu stess, bla ma nagħtih oħra.”  Imma David wieġeb lil Abisaj: “La toqtlux, għax min qatt medd idu fuq il-midluk tal-Mulej, u ħelisha?”

 

Iħarisni l-Mulej milli mmidd idi fuq il-midluk tal-Mulej! U issa aqbad il-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn rasu, u ejja mmorru.”  U David ħa l-lanza u l-ġarra ta' l-ilma minn ħdejn ras Sawl u telqu, bla ma ħadd rahom jew intebaħ, u bla ma ħadd stenbaħ, għax kollha kienu reqdin, u ngħas tqil waqa' fuqhom mingħand il-Mulej.   

 

David imbagħad qasam għan-naħa l-oħra u qagħad fuq il-quċċata ta' l-għolja fil-bogħod, b'wisa' kbir bejniethom.  U David għajjat u wieġeb: “Hawn hi l-lanza tas-sultan, ħa jiġi 'l hawn wieħed mill-qaddejja u jeħodha.  Il-Mulej irodd lil kull wieħed skond il-ġustizzja tiegħu u l-lealtà tiegħu. Il-Mulej telqek f'idejja llum, imma jien ma ridtx immidd idejja fuq il-midluk tal-Mulej.

 

Salm Responsorjali:  Salm 103

 

Rit.: Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;

 

 Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem.

 

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.

 Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu.

 

It-Tieni Qari: Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  15, 45-49.

 

Ħuti: l-Iskrittura tgħid: "L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja?" l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja.  Mhux  l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali.  L-ewwel bniedem, mit-trab, hu ta' l-art; it-tieni bniedem, mis-sema. 

 

Bħalma hu l-bniedem ta' l-art, hekk ukoll huma l-bnedmin ta' l-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema.  Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem ta' l-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

 

Evanġelju: Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.  6, 27-38.

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal: "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom,  bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. 

 

Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa   l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu.  Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.   Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. 

 

Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.  U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.  U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista' jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.  

 

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma' l-ingrati u l-ħżiena.  Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

 

"Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;  agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f'ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom."

 

 
< Prev   Next >