Din
hija il- Liturgija tat-Tmien Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
|
F’dawn il-kummenti fuq
il-Liturġija tal-Kelma tal-Ħadd tkellimna kemm-il darba fuq is-Sagrament
tal-Magħmudija. Huwa l-iktar Sagrament
importanti, fis-sens li s-Sagramenti l-oħra jiddependu minnu. Jiddependu minnu
ħafna iktar milli naħsbu aħna. Għax
sikwit nistaqsu lilna nfusna, jekk aħna sinċieri: Daqstant Sagramenti li
nirċievi, Sagramenti li fihom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu... għaliex mela
nħossni tant dgħajjef, tant medjokri fl-affariiet tal-Mulej, tant fqir
fl-Imħabba tal-proxxmu, inqerr imma nerġa naqa’ fl-istess dnubiet? Jgħiduli li l-Grazzja tas-Sagramenti tkeċċi
l-biża’ fieragħ ’il barra, imma arani, dejjem ninkwieta, dejjem nitħasseb,
dejjem inħossni mhedded minn xi ħaġa.
Għaliex dan? Is-Sagramenti
jferrħu lin-nies għax huma l-Mulej Ġesù nnifsu li jiġi jżurna fis-sitwazzjoni
li nkunu fiha... u tant fidili jibqgħu bil-geddum. Ix-xitan iħajjarna naqgħu fl-iżball li
nwaħħlu fis-Sagrament li mhux veru għandu tant qawwa li jibiddel il-qlub
tan-nies.
Il-problema aktarx tkun
il-Magħmudija tagħna! Xi jfisser
dan? X’nuqqas fiha l-Magħmudija
tiegħi? Jien irċivejtha bħal ħaddieħor
meta kont tarbija. Imma din hi
l-problema. Il-Magħmudija hija Sagrament
kbir li jakkompanjana tul ħajjitna kollha.
Qatt mhu statiku, qatt mhu wieqaf.
Jew timxi ’l quddiem il-Magħmudija tagħna, jew tmur lura. Jekk tmur lura, jew addirittura ma tkun
tħarrket qatt u għadna lebsin il-libsa u l-beritta tal-Magħmudija anke jekk
qbiżna s-sebgħin, dan ifisser li anke s-Sagramenti l-oħra jitilfu l-qawwa
tagħhom. Għax x’nitolbu
mill-Magħmudija? Il-Fidi. Magħmudija ċkejkna bħal tat-trabi, Fidi
ċkejkna jkollna, u mingħajr Fidi adulta, is-Sagramenti nirreduċuhom f’riti
sbieħ kemm trid, imma vojta.
Meta ngħidu tikber
il-Magħmudija tagħna nkunu nfissru jikber l-Ispirtu ta’ Ġesù fina u nsiru
dejjem aktar nixbħu lilu. Jikber Ġesù,
il-Bniedem il-Ġdid, u jmut ftit ftit il-bniedem il-qadim li hu egoista, jibża’
minn kull tip ta’ kuntrarju, ma jarax sens fit-tbatija. Infatti r-rit tal-Magħmudija l-iktar li juri
x’inhu meta jsir bl-immersjoni, bħalma se jkollna żewġ Magħmudijiet din is-sena
fil-Velja Qaddisa tal-Għid. Il-bniedem
li se jitgħammed, jinżel fil-vaska tal-Magħmudija, jinżel taħt l-ilma biex
jidher ċar li Alla qed joqtol il-bniedem il-qadim li lilna jġagħalna nbatu
tant. Imbagħad l-imgħammed joħroġ
mill-ilmijiet bħal donnu mqajjem mill-mewt, bniedem ġdid. Dan hu li jseħħ f’dan is-Sagrament. Imma mhux f’daqqa waħda bħal xi ħaġa
maġika. Dan is-Sagrament hu ferm iktar
serju minn hekk! Dak li seħħ taħt
tixbihat waqt ir-Rit, u seħħ tassew ukoll għax inżergħet qawwa bħala żerriegħa
fina, irid jieħu ż-żmien biex jikber. U
jrid jiġi kkurat.
Il-bniedem il-qadim ma
jmutx malajr. Jiddefendi ruħu, u kultant
anke aħna niddefenduh meta niddejqu nagħmlu r-Rieda ta’ Alla. Imma għandna nibqgħu ċerti li l-Magħmudija
mhix xi ħaġa sempliċi bħal meta wieħed jitfa ftit ilma fuq ras it-tarbija, ftit
dlik biż-żejt bla ħadd ma jaf għaliex, u hekk nidħlu membri fil-Knisja. Il-Magħmudija hija Mewt għall-bniedem
il-qadim u Twelid Ġdid għall-bniedem li għandu n-natura ta’ Kristu. Il-bniedem il-qadim qatt ma jilqa’
s-Sagramenti, anzi jibża’ minnhom, u lanqas jifhimhom. Imma fina hemm ukoll il-Bniedem il-Ġdid, anke
jekk forsi hu żerriegħa. Fil-qjies li jmut wieħed u jikber l-ieħor, hekk jonqos
jew jiżdied l-effett tas-Sagramenti fina.
Mhux l-istess tersaq lejn l-Ewkaristija b’Fidi traskurata jew b’Fidi
ikkurata.
Dan ngħiduh għax sikwit,
jien l-ewwel wieħed, għax tgħammidna trabi naħsbu li aħna “Nsara” bħalma l-Lhud
jaħsbu li huma wlied Abraham għax ħadu ċ-ċirkonċiżjoni u twieldu fil-poplu
Lhudi. X’jgħidilna Ġwanni
l-Għammiedi? Lil-Lhud qalilhom xi ħaġa
li ssorprendiethom: “Taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna
b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel,
jista’ jqajjem ulied lil Abraham.” (Mt.
3, 9). U l-istess kliem idawru fuqna,
aħna li mill-Kristjaneżmu għamilna kultura, folklor u drawwiet li jgħoddu għal
ftit żmien.
Wasal iż-żmien ta’ Nsara
b’Fidi adulta, b’Magħmudija li timmatura sakemm tilħaq il-milja tagħha u jidhru
ulied il-Missier li jkunu Dawl għad-dinja. Qabel kien komdu tkun Nisrani, u
ħaġa diffiċli tammetti li kellek xi dubju dwar il-Fidi. Illum il-kontra! Dak li jrid ikun xhud ta’ Kristu, Nisrani
veru, qed isib ruħu f’ambjent ostili waqt li min juri dubji f’kollox hu modern,
progressiv, moħħu miftuħ. Bidlulna
l-ilma! Il-ħuta m’għadhiex tgħum fl-ilma
li kellha qabel. Anke li tmur tisma’
quddiesa nħar ta’ Ħadd saret azzjoni ta’ minoranza ta’ Maltin.
Il-Liturġija tal-Kelma
titkellem fuq il-koerenza, fuq il-qbil bejn dak li tgħid li temmen fih u
l-għemejjel tiegħek fil-pjazza, d-dar, fuq ix-xogħol, waqt il-passatemp,
kullimkien. Għal ħafna hemm divorzju
bejn l-attendenza tagħhom fil-Knisja u l-imġieba tagħhom barra. Il-prova toħroġ il-verità. Il-Knisja qegħda tipprokklama d-Diskors
tal-Muntanja skont San Luqa. Ħadd ma
jista’ jgħix dan id-Diskors ta’ Kristu jekk ma jkollux Mgħamudija li kibret u
kibret fih matul is-snin permezz tas-smigħ tal-Kelma, permezz tas-Sagramenti u
permezz tal-Knisja li takkompanjana.
Wieħed biss hu kapaċi jgħix dak li qal Ġesù lid-dixxipli fuq il-għolja
ħdejn l-Għadira ta’ Ġenezzaret: Kristu
Ġesù n-nifsu. Imma Kristu ma kienx qed
jilgħab bina meta qal li d-dixxiplu tiegħu għandu jħobb lill-għadu, ma jtella’
’l ħadd il-Qorti, ma jiġġudikax eċċ.
Lanqas ma kien qed ipoġġi quddiemna Liġi ġdida, erba’ darbiet iktar
tqila minn dik ta’ Mosè. Fejn tidħol
l-Imħabba m’hemmx liġijiet. L-Imħabba
tgħidlek hi x’għandek tagħmel. Il-Liġi
qegħda hemm għal min għadu tfal fil-Fidi.
Id-Diskors tal-Muntanja
mhux Liġi li trid twettqu bil-fors, imma huwa ritratt tan-Nisrani! Kristu jpoġġi quddiemna din ix-xbiha ta’
bniedem totalment meħlus fi Kristu.
Bniedem li fih il-Magħmudija seħħet kollha kemm hi: inqatel minn Kristu
l-bniedem il-qadim li dejjem jiġbed lejh innifsu u rxoxta l-Bniedem bin-natura
ta’ Alla nnifsu, Bniedem Ħaj għal dejjem li ma jibżax mill-Mewt għax jaf li din
intrebħet minn Kristu għalih.
Dawn mhumiex teoriji. Dan kollu hu xogħol l-Ispirtu s-Santu u
jidher mill-fatti, l-għemejjel li jibdew ħerġin minn dan il-bniedem ġdid. Id-Diskors ta’ Kristu jsir ħaġa naturali iktar
kemm tikber il-Magħmudija fina, li hi l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Għal darb’oħra l-qari
jkellimna fuq siġra, din id-darba Palma dejjem tħaddar, jew ċedru kbira
tal-Libanu, li huma mħawlin f’dar il-Mulej.
(S. 92, 13). Hekk kif siġra
għammiela, li tkun ġiet ikkurata u ndukrata minn sidha, tikber u tagħti
abbundanza ta’ frott bla sforz imma b’mod naturali, hekk in-Nisrani jgħix
id-Diskors tal-Muntanja li hu l-manifest li jitfi, jisboq, iġib fix-xejn kull
manifest elettorali, jkun ta’ min ikun.
Bin Sirak fl-ewwel qari
jgħid li “meta ddawwar il-għarbiel, jibqa’ n-naqal” (Sir. 27, 4). “Naqal” ifisser “skart” li hu tajjeb biss
għar-rimi. L-għarbiel huwa l-prova li
l-Mulej innifsu jibagħtilna biex isaffina min-“naqal” tal-bniedem il-qadim li
għandu bżonn imut. Kollox hu xogħol Alla
li hu l-fuħħari li jdawwar ir-rota fejn għandu t-tafal, għax mill-Magħmudija
tagħna jrid jagħmel opra kbira, kapolavru dehen ta’ Alla!
Aħna x’nistgħu
nagħmlu? Xejn, imma minn l-“Iva!” tagħna
jiddependi kollox. Alla hu Mħabba u
l-Imħabba ma tisfurzax lill-maħbub jew maħbuba.
Alla jaf li aħna ma nistgħux inħobbuh bil-fors imma b’għażla. Ix-xogħol hu ta’ Alla, imma l-“Iva!” hi
tagħna! Ftakru f’Marija, li hi kopja,
xbiha, Omm in-Nisrani.
Kelma tal-aħħar fuq
il-Qari meraviljuż ta’ San Pawl, l-iktar wieħed li jitkellem fuq il-Misteru
tal-Magħmudija. Għalih, il-Magħmudija
hija: “meta dak li jitħassar (il-bniedem il-qadim) jilbes l-immortalità
(il-bniedem il-ġdid), imbagħad iseħħ dak li hemm miktub, ‘Inbelgħet il-mewt
fir-rebħa. Fejn hi ja Mewt ir-rebħa
tiegħek? Fejn hi ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”
(1 Kor. 15, 54-55). Għax min
jitwaħħad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid.
Il-qadim għadda u issa hawn il-ġdid, u l-ġdid hu ħieles mill-biża’
tal-Mewt għax mhux hu li jgħix imma Kristu jgħix fih. Din hi l-Magħmudija li hemm tgħammar fina,
żgħira, żgħira, umli, imma b’qawwa li tbeżża’ l-infern kollu.
Il-Liturġija tal-Qari
tat-Tmien Ħadd Matul is-Sena
L-Ewwel Qari: Qari
mill-Ktieb ta’ Bin Sirak. 27, 4-7.
Meta jheżhżu għarbiel
jibqa' fih l-iskart,
hekk ukoll min jgħarbel
lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.
Il-forn jgħaddi mill-prova
xogħol il-fuħħari,
hekk ukoll bniedem tagħrfu
minn kliemu.
Il-frott jikxef kemm bidwi
jkun ħa ħsieb is-siġra,
hekk ukoll kelma tikxef
ħsieb qalb il-bniedem.
Tfaħħarx bniedem qabel
jitkellem,
għax hekk jiġu ppruvati
n-nies.
Salm Responsorjali: Salm 92
Ritornell: Tajjeb li nfaħħru ’l Mulej.
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
Nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek,
Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Mħawwlin f'dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih.
It-Tieni Qari: Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. 15, 54-58.
Ħuti: Meta dak li
jitħassar jilbes in-nuqqas ta' taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad
iseħħ dak li hemm miktub:
“Nbelgħet il-mewt
fir-rebħa.
Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa
tiegħek?
Fejn hi, ja Mewt,
in-niggieża tiegħek?”
In-niggieża tal-mewt hi
d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa
permezz ta' Sidna Ġesù Kristu.
Għalhekk, ħuti għeżież,
żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma
tagħkom fil-Mulej m'hijiex għalxejn.
Evanġelju: Qari
mill-Evanġelju ta’ San Luqa. 6, 39-45.
F’dak iż-żmien Ġesù qal
lid-dixxipli din il-parabbola: "Jista' agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux
it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu m'huwiex aqwa mill-imgħallem
tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem
tiegħu.
Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax
it-travu li għandek f'għajnek int? Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi,
ejja nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta m'intix tara t-travu li
għandek f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek
int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.
"Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott
ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma
jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-ħolliq. Il-bniedem
tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor
ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
|