Friday, 24 May 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TMIEN HADD MATUL IS-SENA (2019) IL-PROVA TIKXEF MIN AHNA
IT-TMIEN HADD MATUL IS-SENA (2019) IL-PROVA TIKXEF MIN AHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 02 March 2019

Din hija il- Liturgija  tat-Tmien Hadd matul is-sena (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_jghallem_parabola.jpg

 

F’dawn il-kummenti fuq il-Liturġija tal-Kelma tal-Ħadd tkellimna kemm-il darba fuq is-Sagrament tal-Magħmudija.  Huwa l-iktar Sagrament importanti, fis-sens li s-Sagramenti l-oħra jiddependu minnu. Jiddependu minnu ħafna iktar milli naħsbu aħna.  Għax sikwit nistaqsu lilna nfusna, jekk aħna sinċieri: Daqstant Sagramenti li nirċievi, Sagramenti li fihom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu... għaliex mela nħossni tant dgħajjef, tant medjokri fl-affariiet tal-Mulej, tant fqir fl-Imħabba tal-proxxmu, inqerr imma nerġa naqa’ fl-istess dnubiet?  Jgħiduli li l-Grazzja tas-Sagramenti tkeċċi l-biża’ fieragħ ’il barra, imma arani, dejjem ninkwieta, dejjem nitħasseb, dejjem inħossni mhedded minn xi ħaġa.  Għaliex dan?  Is-Sagramenti jferrħu lin-nies għax huma l-Mulej Ġesù nnifsu li jiġi jżurna fis-sitwazzjoni li nkunu fiha... u tant fidili jibqgħu bil-geddum.  Ix-xitan iħajjarna naqgħu fl-iżball li nwaħħlu fis-Sagrament li mhux veru għandu tant qawwa li jibiddel il-qlub tan-nies.

 

Il-problema aktarx tkun il-Magħmudija tagħna!  Xi jfisser dan?  X’nuqqas fiha l-Magħmudija tiegħi?  Jien irċivejtha bħal ħaddieħor meta kont tarbija.  Imma din hi l-problema.  Il-Magħmudija hija Sagrament kbir li jakkompanjana tul ħajjitna kollha.  Qatt mhu statiku, qatt mhu wieqaf.  Jew timxi ’l quddiem il-Magħmudija tagħna, jew tmur lura.  Jekk tmur lura, jew addirittura ma tkun tħarrket qatt u għadna lebsin il-libsa u l-beritta tal-Magħmudija anke jekk qbiżna s-sebgħin, dan ifisser li anke s-Sagramenti l-oħra jitilfu l-qawwa tagħhom.  Għax x’nitolbu mill-Magħmudija?  Il-Fidi.  Magħmudija ċkejkna bħal tat-trabi, Fidi ċkejkna jkollna, u mingħajr Fidi adulta, is-Sagramenti nirreduċuhom f’riti sbieħ kemm trid, imma vojta.

 

Meta ngħidu tikber il-Magħmudija tagħna nkunu nfissru jikber l-Ispirtu ta’ Ġesù fina u nsiru dejjem aktar nixbħu lilu.  Jikber Ġesù, il-Bniedem il-Ġdid, u jmut ftit ftit il-bniedem il-qadim li hu egoista, jibża’ minn kull tip ta’ kuntrarju, ma jarax sens fit-tbatija.  Infatti r-rit tal-Magħmudija l-iktar li juri x’inhu meta jsir bl-immersjoni, bħalma se jkollna żewġ Magħmudijiet din is-sena fil-Velja Qaddisa tal-Għid.  Il-bniedem li se jitgħammed, jinżel fil-vaska tal-Magħmudija, jinżel taħt l-ilma biex jidher ċar li Alla qed joqtol il-bniedem il-qadim li lilna jġagħalna nbatu tant.  Imbagħad l-imgħammed joħroġ mill-ilmijiet bħal donnu mqajjem mill-mewt, bniedem ġdid.  Dan hu li jseħħ f’dan is-Sagrament.  Imma mhux f’daqqa waħda bħal xi ħaġa maġika.  Dan is-Sagrament hu ferm iktar serju minn hekk!  Dak li seħħ taħt tixbihat waqt ir-Rit, u seħħ tassew ukoll għax inżergħet qawwa bħala żerriegħa fina, irid jieħu ż-żmien biex jikber.  U jrid jiġi kkurat.

 

Il-bniedem il-qadim ma jmutx malajr.  Jiddefendi ruħu, u kultant anke aħna niddefenduh meta niddejqu nagħmlu r-Rieda ta’ Alla.  Imma għandna nibqgħu ċerti li l-Magħmudija mhix xi ħaġa sempliċi bħal meta wieħed jitfa ftit ilma fuq ras it-tarbija, ftit dlik biż-żejt bla ħadd ma jaf għaliex, u hekk nidħlu membri fil-Knisja.  Il-Magħmudija hija Mewt għall-bniedem il-qadim u Twelid Ġdid għall-bniedem li għandu n-natura ta’ Kristu.  Il-bniedem il-qadim qatt ma jilqa’ s-Sagramenti, anzi jibża’ minnhom, u lanqas jifhimhom.  Imma fina hemm ukoll il-Bniedem il-Ġdid, anke jekk forsi hu żerriegħa. Fil-qjies li jmut wieħed u jikber l-ieħor, hekk jonqos jew jiżdied l-effett tas-Sagramenti fina.  Mhux l-istess tersaq lejn l-Ewkaristija b’Fidi traskurata jew b’Fidi ikkurata.

 

Dan ngħiduh għax sikwit, jien l-ewwel wieħed, għax tgħammidna trabi naħsbu li aħna “Nsara” bħalma l-Lhud jaħsbu li huma wlied Abraham għax ħadu ċ-ċirkonċiżjoni u twieldu fil-poplu Lhudi.  X’jgħidilna Ġwanni l-Għammiedi?  Lil-Lhud qalilhom xi ħaġa li ssorprendiethom: “Taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.”  (Mt. 3, 9).  U l-istess kliem idawru fuqna, aħna li mill-Kristjaneżmu għamilna kultura, folklor u drawwiet li jgħoddu għal ftit żmien. 

 

Wasal iż-żmien ta’ Nsara b’Fidi adulta, b’Magħmudija li timmatura sakemm tilħaq il-milja tagħha u jidhru ulied il-Missier li jkunu Dawl għad-dinja. Qabel kien komdu tkun Nisrani, u ħaġa diffiċli tammetti li kellek xi dubju dwar il-Fidi.  Illum il-kontra!  Dak li jrid ikun xhud ta’ Kristu, Nisrani veru, qed isib ruħu f’ambjent ostili waqt li min juri dubji f’kollox hu modern, progressiv, moħħu miftuħ.  Bidlulna l-ilma!  Il-ħuta m’għadhiex tgħum fl-ilma li kellha qabel.  Anke li tmur tisma’ quddiesa nħar ta’ Ħadd saret azzjoni ta’ minoranza ta’ Maltin.

 

Il-Liturġija tal-Kelma titkellem fuq il-koerenza, fuq il-qbil bejn dak li tgħid li temmen fih u l-għemejjel tiegħek fil-pjazza, d-dar, fuq ix-xogħol, waqt il-passatemp, kullimkien.  Għal ħafna hemm divorzju bejn l-attendenza tagħhom fil-Knisja u l-imġieba tagħhom barra.  Il-prova toħroġ il-verità.  Il-Knisja qegħda tipprokklama d-Diskors tal-Muntanja skont San Luqa.  Ħadd ma jista’ jgħix dan id-Diskors ta’ Kristu jekk ma jkollux Mgħamudija li kibret u kibret fih matul is-snin permezz tas-smigħ tal-Kelma, permezz tas-Sagramenti u permezz tal-Knisja li takkompanjana.  Wieħed biss hu kapaċi jgħix dak li qal Ġesù lid-dixxipli fuq il-għolja ħdejn l-Għadira ta’ Ġenezzaret:  Kristu Ġesù n-nifsu.  Imma Kristu ma kienx qed jilgħab bina meta qal li d-dixxiplu tiegħu għandu jħobb lill-għadu, ma jtella’ ’l ħadd il-Qorti, ma jiġġudikax eċċ.  Lanqas ma kien qed ipoġġi quddiemna Liġi ġdida, erba’ darbiet iktar tqila minn dik ta’ Mosè.  Fejn tidħol l-Imħabba m’hemmx liġijiet.  L-Imħabba tgħidlek hi x’għandek tagħmel.  Il-Liġi qegħda hemm għal min għadu tfal fil-Fidi.

 

Id-Diskors tal-Muntanja mhux Liġi li trid twettqu bil-fors, imma huwa ritratt tan-Nisrani!  Kristu jpoġġi quddiemna din ix-xbiha ta’ bniedem totalment meħlus fi Kristu.  Bniedem li fih il-Magħmudija seħħet kollha kemm hi: inqatel minn Kristu l-bniedem il-qadim li dejjem jiġbed lejh innifsu u rxoxta l-Bniedem bin-natura ta’ Alla nnifsu, Bniedem Ħaj għal dejjem li ma jibżax mill-Mewt għax jaf li din intrebħet minn Kristu għalih.

 

Dawn mhumiex teoriji.  Dan kollu hu xogħol l-Ispirtu s-Santu u jidher mill-fatti, l-għemejjel li jibdew ħerġin minn dan il-bniedem ġdid.  Id-Diskors ta’ Kristu jsir ħaġa naturali iktar kemm tikber il-Magħmudija fina, li hi l-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Għal darb’oħra l-qari jkellimna fuq siġra, din id-darba Palma dejjem tħaddar, jew ċedru kbira tal-Libanu, li huma mħawlin f’dar il-Mulej.  (S. 92, 13).  Hekk kif siġra għammiela, li tkun ġiet ikkurata u ndukrata minn sidha, tikber u tagħti abbundanza ta’ frott bla sforz imma b’mod naturali, hekk in-Nisrani jgħix id-Diskors tal-Muntanja li hu l-manifest li jitfi, jisboq, iġib fix-xejn kull manifest elettorali, jkun ta’ min ikun.

 

Bin Sirak fl-ewwel qari jgħid li “meta ddawwar il-għarbiel, jibqa’ n-naqal” (Sir. 27, 4).  “Naqal” ifisser “skart” li hu tajjeb biss għar-rimi.  L-għarbiel huwa l-prova li l-Mulej innifsu jibagħtilna biex isaffina min-“naqal” tal-bniedem il-qadim li għandu bżonn imut.  Kollox hu xogħol Alla li hu l-fuħħari li jdawwar ir-rota fejn għandu t-tafal, għax mill-Magħmudija tagħna jrid jagħmel opra kbira, kapolavru dehen ta’ Alla! 

 

Aħna x’nistgħu nagħmlu?  Xejn, imma minn l-“Iva!” tagħna jiddependi kollox.  Alla hu Mħabba u l-Imħabba ma tisfurzax lill-maħbub jew maħbuba.  Alla jaf li aħna ma nistgħux inħobbuh bil-fors imma b’għażla.  Ix-xogħol hu ta’ Alla, imma l-“Iva!” hi tagħna!  Ftakru f’Marija, li hi kopja, xbiha, Omm in-Nisrani.

 

Kelma tal-aħħar fuq il-Qari meraviljuż ta’ San Pawl, l-iktar wieħed li jitkellem fuq il-Misteru tal-Magħmudija.  Għalih, il-Magħmudija hija: “meta dak li jitħassar (il-bniedem il-qadim) jilbes l-immortalità (il-bniedem il-ġdid), imbagħad iseħħ dak li hemm miktub, ‘Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.  Fejn hi ja Mewt ir-rebħa tiegħek? Fejn hi ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”  (1 Kor. 15, 54-55).  Għax min jitwaħħad ma’ Kristu jsir ħolqien ġdid.  Il-qadim għadda u issa hawn il-ġdid, u l-ġdid hu ħieles mill-biża’ tal-Mewt għax mhux hu li jgħix imma Kristu jgħix fih.  Din hi l-Magħmudija li hemm tgħammar fina, żgħira, żgħira, umli, imma b’qawwa li tbeżża’ l-infern kollu.

 

Il-Liturġija tal-Qari tat-Tmien Ħadd Matul is-Sena

 

L-Ewwel Qari: Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.  27, 4-7.

 

Meta jheżhżu għarbiel jibqa' fih l-iskart,

hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.

Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,

hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.

Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra,

hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.

 

Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem,

għax hekk jiġu ppruvati n-nies.

 

Salm Responsorjali:  Salm 92

 

Ritornell: Tajjeb li nfaħħru ’l Mulej.

 

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,

Nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek,

u billejl il-fedeltà tiegħek,

 

Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Mħawwlin f'dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta' Alla tagħna.

 

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,

u ebda qerq ma jinsab fih.

 

 

It-Tieni Qari: Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.  15, 54-58.

 

Ħuti: Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta' taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub:

 

“Nbelgħet il-mewt fir-rebħa.

Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?

Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”

 

In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa  tad-dnub hi l-Liġi.  Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta' Sidna Ġesù Kristu. 

 

Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m'hijiex għalxejn.

 

Evanġelju: Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  6, 39-45.

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: "Jista' agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?  Id-dixxiplu m'huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir  bħall-imgħallem tiegħu. 

 

Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int?  Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta m'intix tara t-travu li għandek f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. 

 

"Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb.  Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-ħolliq.  Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.

Last Updated ( Saturday, 02 March 2019 )
 
< Prev   Next >