BDEJNA Z-ZMIEN TAR-RANDAN |
|
|
|
Written by Frans Galea
|
Friday, 08 March 2019 |
Nhar l-Erbgħa 6 ta’
Marzu 2019 kien jaħbat Ras ir-Randan. Fil-Quddies kollu sar ir-rit tat-tqegħid
tal-irmied. Fil-5.15pm saret Konċelebrazzjoni solenni li għaliha kienu mistiedna
b’mod speċjali t-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom. Anke din is-sena, fl-Erbgħat
kollha tar-Randan, it-tfal qed jiġu mistiedna biex jattendu flimkien mal-ġenituri
għal din il-Quddiesa li fiha issir katekeżi speċjali għalihom. Peress li
ninsabu fis-Sena Marjana, din is-sena qed nirriflettu fuq is-sehem ta’ Marija
fil-ħajja pubblika u l-passjoni ta’ Ġesù. Is-suġġett tal-ewwel Erbgħa kien meta
Ġesù telaq mid-dar ta’ Nażaret biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu. Wara li sellem
lil Ommu Marija, Ġesù mar jitgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan u mbagħad l-Ispirtu
ħadu fid-deżert fejn dam erbgħin jum isum u jitlob. Ir-Randan irid idaħħalna
ma’ Ġesù f’din l-esperjenza tad-deżert. Fi tmiem il-Quddiesa t-tfal ġew
mogħtija ktejjeb bħala gwida għal dawn l-Erbgħat tar-Randan, u kull nhar ta’
Erbgħa qed tingħatalhom sticker
f’rabta mat-tema tal-ġurnata biex iwaħħluha fl-istess ktejjeb, ħdejn is-silta
tal-vanġelu. F’dawn l-Erbgħat qed janima l-kant il-Kor tat-tfal tal-parroċċa
“Ulied il-Battista”.
|
|