Sunday, 24 March 2019
           
Home
L-EWWEL HADD TAR-RANDAN (2019) INTI TAF MIN INT? PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 March 2019

Din hija il- Liturgija  l-ewwel Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 the-temptation-of-christ-by-the-devil-felix-joseph-barrias.jpg

 

Ir-Randan isejħilna għall-konverżjoni.  Din il-kelma “konverżjoni” nisimgħuha ħafna imma hi aktar profonda milli wieħed jaħseb.  Mhix kwistjoni li naqtgħu xi vizzju biss jew inżidu xi għemejjel tajba u nitolbu xi ftit iktar.  Konverżjoni serja tibda l-ewwel nett biex dak li jkun jibda jagħraf lilu nnifsu; jinduna min hu fid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Aħna lkoll ninsabu ngannati dwarna nfusna.  Billi drajna f’ambjent ħafna legalista u moralista, fejn is-salvazzjoni tiddependi minn dak li nagħmel jien, jekk inkunx tajjeb jien, jekk ngħaddix mill-eżami jien, allura nibżgħu inħarsu lejn il-verità li skont l-Aħbar it-Tajba hi li l-ebda bniedem ma hu ġust quddiem Alla.  Ebda bniedem ma jistħoqqlu jidħol fis-Saltna.  Aħna lkoll ninsabu fl-istess dgħajsa tal-ħalliel “it-tajjeb” (li ma kien tajjeb xejn!), li sab is-salvazzjoni, ħatafha, iggranfa magħha għax ħares lejn l-imsallab ta’ maġenbu u, bi Grazzja divina, emmen li l-Ħajja ta’ Dejjem tiegħu tiddependi mill-merti ta’ dak l-imsejken innoċenti.  Kienet il-Fidi fil-Persuna ta’ Ġesù Kristu li salvat lil dak il-midneb fl-aħħar nifsijiet ta’ Ħajtu.

 

Imma aħna ttrenjati naħsbu li kollox jiddependi minna.  Għalhekk nitħawdu meta nxommu l-medjokrità spiritwali tagħna.  Il-fatt hu li jien kaxxa magħluqa għalija nnifsi; qiesni bir fond u mudlam li niddejjaq inħares ġo fih; anzi nibża’ ninfed id-dlam tiegħu.  Il-verità tniggeż lil kulħadd, imma jekk il-Mulej irid li jiena u inti nsiru nafu lilna nfusna, il-mard ġewwieni tagħna, in-natura mwaqqa’ li writna minn Adam, dan mhux biex naqtgħu qalbna. 

 

Mur obsor!  Alla hu Mħabba u l-Ġenna kollha tibki jekk xi ħadd minna jintilef.  Imma Hu jrid ifejjaqna u aħna lkoll qiesna boloh li nafu li hemm mard spiritwali moħbi fina imma meta nersqu lejn it-tabib tagħna li hu Kristu, nuruh biss subgħajna ż-żgħir ta’ saqajna li lqatnih ma’ ġebla, meta l-verità hi li lkoll għandna “cancer” spirtiwali.  Kif se jfejjaqna l-Mulej jekk naħbulu dnubna?  Fejn hi l-indiema u x-xewqa tal-fejqan jekk “nistabru” bl-iżbalji ta’ ħaddieħor u niġġudikaw lil ħaddieħor għax meta jidher dnub ħaddieħor jinħeba tagħna?  Imma hu jaf aħna min aħna; jaf l-ingann tagħna fuqna nfusna u b’ħafna mogħdrija jippreżentalna waqtiet li jgħinuna, bħal dan ir-Randan.

 

Alla ħeles lil Iżrael mill-jasar tal-Eġittu billi wettaq ħafna għeġubijiet.  Imma Hu kien jaf li jekk dan il-poplu ra ħafna sinjali kbar u kien jaħseb li jemmen f’Alla, ma kien jemmen xejn.  Kellu tiċlieqa ta’ reliġjożità naturali li kien jaħsibha Fidi.  X’jagħmel Alla?  Joħorġu fid-deżert.  Immaġina mijiet ta’ eluf ta’ rġiel, nisa u tfal, biex ma nsemmux il-bhejjem li kellhom, iterrqu fid-deżert, mhux għal ġimgħa, lanqas għal xahar jew sena, imma għal erbgħin sena.  Dan fih innifsu diġa hu fenomenu storiku.  Ħadd ma jista’ jgħix dak iż-żmien f’art xagħrija bħalma hu d-deżert tas-Sinaj fejn la hemm ikel u lanqas ilma, u fejn l-annimali u qtajjiet ta’ ħallelin minn dejjem kienu jkunu għassa biex jaqbżu fuq xi ħadd li jillarga wara l-oħrajn.

 

Għalfejn dan kollu, meta Alla, kif ħareġ lil dan il-poplu minn taħt idejn l-aqwa potenza ta’ dak iż-żmien, seta’ jdaħħlu malajr fl-Art li kien wegħdu?  Alla ħareġ lil Iżrael fid-deżert biex hemm jinduna hu min hu.  L-esperjenza twila tad-deżert għalmet lil Iżrael li hu mhux veru li kien jemmen f’Alla.  Il-Fidi li ħaseb li kellu kienet kollha fantasija.  Mhux kwistjoni li temmen xi veritajiet, xi dommi, jew tirraġuna u tgħid li bil-fors jeżisti Alla għax allura minn fejn ġie dan il-ħolqien kollu ta’ madwarna.  Din hi tiċlieqa ta’ Fidi.  Lanqas it-tagħlim waħdu mhu biżżejjed.  Iżrael għaraf li quddiem it-tbatija ma kellux fiduċja f’Alla.  Malli ma sabux ilma ħasbu li Alla kien raqad, insihom, forsi ma jeżistix, wara kollox.  Malli missier kien jisma’ lil uliedu jibku bil-għatx u bil-għejja tal-vjaġġ, kien iħares ’il fuq u jimtela’ b’dubji jekk f’dak il-baħħ tal-ispazju jeżistix Xi Ħadd.  Għax forsi, għandu mnejn li l-ħruġ tagħhom mill-Eġittu kien kollu xorti tajba; forsi l-baħar inferaq b’kumbinazzjoni, b’xi fenomenu naturali. 

 

Insomma, it-tbatija tad-deżert kienet salib għal Iżrael li ġagħlitu jidneb kontra l-Fidi li ħaseb li kellu.  Meta Mosè għeb għal erbgħin jum fuq il-muntanja, ħasbuh miet u ppanikjaw.  Jekk dan il-bniedem ġust inqered ukoll, allura fejn hu Alla?  X’sens għandu kollox?  Għalfejn ninsabu f’dan id-deżert waħxi?  X’qed nagħmlu hawn?  U jekk Alla ma jeżistix, min se jaħseb fina?  Tafu x’għamlu?  Ivvintaw Alla!  Għamlu għoġol tad-deheb u riedu jmorru lura lejn il-jasar tal-Eġittu!  Din li jivvinta l-allat hi xi ħaġa naturali għal kull wieħed minna.  Hi risposta profonda u psikoloġika ħafna tal-bniedem li jħossu ċkejken quddiem l-enormità ta’ dak li jista’ jiġrilu.

 

Iżrael tgħallem jemmen wara erbgħin sena li fihom induna li saqajh qatt ma ntefħulu bil-mixi, ħwejġu ma tkeddewx fuq dahru, u ħadd minnhom ma miet bil-għatx jew bil-ġuħ. 

 

Anke magħna Alla jagħmel l-istess proċess.  Lil kull weħed minna Hu joħorġu fid-deżert eżistenzjali tiegħu biex hemm ilaqqagħna mal-verità tal-faqar ta’ Fidi li għandna, mad-dnub tas-suspett li kull wieħed għandu dwar l-Imħabba ta’ Alla, mal-irvell tad-deżert.  Id-deżert jista’ jkun żwieġ li tfarrak, tfal li jiddiżappuntawk, paga li ma tlaħħaqx mal-ħajja, marda li qed tifnik, xogħol li mhux għal qalbek, xi ħadd li qed jagħmillek ħajtek infern, il-karattru stess tiegħek li jżommok lura...  Kulħadd għandu d-deżert tiegħu fejn iħossu mhedded, fejn iħoss il-bżonn ta’ Alla imma jiskopri s-skiet ta’ Alla u jisma’ biss it-tixwix tax-xellej li jgħidlu: “Iħobbok Alla!  Ara kemm iħobbok!  Fejn hu issa?  Jaqaw raqad?  Jew dak li smajt fuqU hu kollu stejjer tal-qassisin?  Isa, solvi l-problemi li għandek jekk għandek il-ħila!” 

 

Id-deżert jikxef il-verità.  Iżrael dineb bi tliet dnubiet partikulari, għax hemm tliet ġibdiet, passjonijet tal-bniedem.  Anke Kristu kien ittentat bihom. U anke aħna.

 

Iżrael bata l-ġuħ.  Kristu bata l-ġuħ meta ħareġ fid-deżert hu wkoll, anzi kien l-Ispirtu s-Santu ħadu fid-deżert biex jitqabad mall-ġibdiet imdallma ta’ kull bniedem.  It-tentazzjoni tal-ħobż hi kbira.  It-theddid tal-insigurtà tal-ħajja, għax il-ħobż ifisser li jkollok biex tgħix.  Jekk ma tikolx, tmut.  Il-bniedem jibża’ mit-tbatija u jrid jassigura ruħu.  Kif? Bil-flus!  Il-flus, għal ħafna, huma sigurtà tremenda.  Id-dinja timxi bl-enerġija tal-flus.  Kollox isir għall-qligħ.  Il-ħniżrijiet kollha tal-bniedem, il-gwerer kollha, id-droga, il-prostituzjoni, l-inġustizzji... dawn kollha jseħħu għax fid-dinja hawn din l-insigurtà, it-theddid tal-prekarjetà li tiġi mmansata (mingħalina) bil-flus: “U jekk niġi fil-bżonn, min se jieħu ħsiebi?” 

 

Għalhekk lil uliedna ngħabbuhom bi pressjoni u tensjoni biex jirnexxu, “biex ma jiġu bżonn  ħadd”.  Min se jifhem lil Kristu meta Hu jwieġeb lit-tentatur “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix” (Lq. 4, 4).  Din hi verità moħbija minn għajnejn ħafna.  Kull bniedem suppost jiskopri li tassew mhux il-flus kollox, imma min jemmnu dan tassew?  Madwarna naraw sinjuruni li mhux vera li skoprew it-triq tal-ferħ.  Kull ġingħa tisma’ fl-aħbarijiet li xi persuna magħrufa qatlet ruħha b’idejha, u aħna ngħidu, “Imma x’kien jonqsu?  Kellu kollox!  Kellu l-miljuni!”

 

It-tieni tentazzjoni hi t-tentazzjoni tal-Istorja.  Iżrael ġie ttentat li ma jemminx li l-Istorja li Alla kien qed jippreżentalu fid-deżert kienet Storja ta’ Mħabba.  Ma rax sens fl-Istorja.  Din hi t-traġedja ta’ kull wieħed minna.  Din hi l-kriżi tal-Fidi.  Li kieku kull wieħed minna jinagħtalu ċ-ċans li jsir Alla għal ħames minuti, kollha kemm aħna nibdlu l-Istorja, nikkoreġu l-Pjan li Alla fassal għalina!  Fil-fond ilkoll naħsbu li Alla żbalja! 

 

Lil Kristu x-xitan jgħidlu: “Issa int min se jemmnek li int il-Messija?  Biċċa ta’ iben mastrudaxxa minn raħal minsi, bla skola, minn familja baxxa.  Kun af li Storja kerha hemm tistenniek!  Imma jekk Missierek jagħmel xi miraklu enormi, din l-Istorja tkun tista’ tbiddilha.  Missierek iħobbok, le?  U Hu jista’ kollox!  Per eżempju, aqbeż minn fuq il-bejt tat-Tempju fl-aqwa tas-Sibt meta jkun fgat bin-nies, u għid lil Missierek iżomm il-Kelma li hemm f’Salm 91 li ma jiġrilek xejn, u tara kif kulħadd jibda jgħajjat li l-Messija wasal. Hallelujah!  U l-Istorja tiegħek issir suċċess kontinwu.  Suċċess!  Suċċess! Suċċess!”

 

Din tentazzjoni fina ħafna.  Ħafna nies jitilfu l-Fidi propju minħabba t-tixwix ta’ satana dwar l-Istorja li jkunu għaddejjin minnha. Ix-xitan jibda jirraġuna magħna: għalfejn għandek tbati; għalfejn din l-Istorja?  Jekk Alla jħobbok għax ma jirranġalekx kollox?  Jekk tassew iħobbok...  Jew ma jeżisti xejn?  U hekk il-bniedem jispiċċa vittma.  Darba Kristu lis-Samaritana jgħidilha li waslet is-siegħa li fiha jidhru dawk li jaduraw lill-Missier fl-Ispirtu u l-Verità.  (ara Ġw. 4, 23).  X’inhi din il-qima?  Hija l-Fidi li tagħmel li l-bniedem ifaħħar lil Alla u jafda fih anke meta l-affarijiet materjali sejrin mill-ħażin għall-agħar!  Din hi l-Fidi vera li tinfired mir-reliġjożità li tiddependi minn kif tkun sejra l-Istorja.  Ġesù jirrispondi li wieħed m’għandux iġarrab lil Alla imma jħalliH jaħdem Hu l-Istorja.  Il-Misteru tal-Għid: l-ewwel id-dlam imbagħad id-Dawl; l-ewwel it-tbatija imbagħad il-Glorja.

 

Hi ħaġa tal-għaġeb kif ix-xitan jistedinna li nagħtuh qima bħala alla!  Ix-xitan minflok Alla!  Dan jidher fit-tielet tentazzjoni.  Ara taħseb li din hi xi ħaġa ta’ barra minn hawn.  Wieħed fikosofu qal li l-bniedem hu dik il-ħlejqa li l-ħin kollu tivvinta l-idoli.  Il-bniedem għandu spinta naturali enormi lejn ir-reliġjożità u sikwit din, flok tipprojjetah lejn Alla l-veru, tgħinu jivvinta tant affarijiet li minnhom jitlob il-Ħajja.  Dawn jistgħu ikunu ħwejjeġ tajba bħall-familja, is-saħħa, ix-xogħol, il-ħbiberija, il-fama tajba, xi passatemp... anke opri tajba!  Meta wieħed dawn l-affarijiet flok jagħti glorja lil Alla bihom, jibda jinbena hu bihom u jsir supperv minħabba fihom, u jpoġġihom qabel Alla, dawn isiru allat foloz.  Imbagħad hemm id-dnub, il-vizzji, ix-xeħħa u l-kilba għal-flus, iż-żina, l-għatx għall-poter akkost ta’ kollox...  Satana saħansitra jittanta lil Ġesù bl-idolatrija!!!  Hu ttanta lil Iżrael fid-deżert u fl-għoġol li ħolqu huma kien hemm satana.

 

Interessanti kif Ġesù dejjem jagħlaq ħalq ix-xitan billi jikkwotalu l-Iskrittura.  Il-Bibbja hija arma li tkexkex lill-għadu u tħarrbu.  Ma nistgħux nibqgħu Insara tal-Knisja biss.  Dan ir-Randan għandna nersqu lejn il-Kelma ta’Alla iktar u nirriflettu fuqha, almenu fuq il-Vanġeli.

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-Ewwel Ħadd tar-Randan.

 

L-Ewwel Qari: Dewteronomju 26, 4-10.

 

Mosè kellem lill-poplu u qal:  Il-qassis imbagħad jilqa' minn idejk il-qoffa, u jqegħedha quddiem l-artal tal-Mulej, Alla tiegħek.  Inti mbagħad tgħid hekk quddiem il-Mulej, Alla tiegħek:

 

'Missieri kien minn Aram, jiġġerra minn post għal ieħor; mbagħad niżel l-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien l-għadd ta' niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran.  L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna, għabbewna b'xogħol iebes;  imma aħna għajjatna lill-Mulej, Alla ta' missirijietna, u l-Mulej sama' l-għajta tagħna, ra t-tgħakkis u t-tbatija u d-dwejjaq tagħna,  u ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b'id qawwija, bi driegħ merfugħ, b'biża' kbir, b'sinjali u b'għeġubijiet,  u daħħalna f'dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel. 

 

U issa, ara, jiena ġibt l-ewwel frott ta' l-art li tajtni int, Mulej.' U int tqiegħdu quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, u tadura lill-Mulej, Alla tiegħek.

 

Salm Responsorjali:  Salm 91

 

Ritornell: Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.

 

Int li tgħix għall-kenn ta' l-Għoli,

li tgħammar għad-dell ta' dak li jista' kollox,

għid lill-Mulej:

"Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int,

Alla tiegħi, jien fik nittama."

 

Ebda deni ma jiġrilek,

ebda ħsara ma tersaq lejn darek.

Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek,

u jħarsuk fi triqatek kollha.

 

Fuq idejhom jerfgħuk,

li ma taħbatx ma' xi ġebla riġlek.

Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi,

ferħ ta' ljun u serp int tirfes.

 

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu;

la għaraf ismi, jiena nħarsu.

Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;

miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu,

neħilsu u nerfagħlu ġieħu.

 

It-Tieni Qari: Rumani 10, 8-13.

 

Ħuti: Xi tgħid l-Iskrittura?

 

     "Il-kelma qiegħda ħdejk,

     f’fommok u f’qalbek”;

 

jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru.  Għax jekk inti tistqarr b'fommok, "Ġesù hu l-Mulej", u temmen b'qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva.  Wieħed jemmen f'qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b'xufftejh biex ikollu  s-salvazzjoni.  

 

L-Iskrittura tgħid, "Kull min jemmen fih ma jintilifx."  Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta' kulħadd u għani ma' dawk kollha li jsejjħulu.  Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.

 

Evanġelju:  Luqa 4, 1-13.

 

F’dak iż-żmien : Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert.  Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.  

 

U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż."  Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.' "  Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f'daqqa.  Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid.  Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun."  Ġesù wieġbu u qallu: "Hemm miktub,

 

          ‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima,

           u lilu biss taqdi.’ 

 

Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq  il-quċċata tat-tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.  Għax hemm miktub li   

 

       ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom

        biex jieħdu ħsiebek sewwa,’

        u li fuq idejhom jerfgħuk,

        ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ 

 

Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.'

 

Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma jasal il-waqt.

 

 

 
< Prev   Next >