Din
hija il- Liturgija tat-Tieni Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-Randan ikellimna l-ħin
kollu fuq konverżjoni, u l-Liturġija tal-Kelma fl-Ewkaristiji kollha matul dan
iż-żmien tagħmel l-istess, għalkemm, ngħiduha kif inhi, min għandu widnejh
“miftuħa”, is-sena kollha jisma’ l-ilmijiet tal-Magħmudija iħaxwxu ġewwa fih bi
stedina ħelwa biex ngħarfu iktar lil Kristu u l-Misteru tal-Għid tiegħU.
Konverżjoni tista’ tfisser
“tisma’”. Ħafna għandhom widnejn torox
għall-Kelma tas-salvazzjoni, u miftuħin beraħ għall-istorbju tad-dinja. Konverżjoni tista’ tfisser ukoll “tara”. X’tara?
Tara bl-għajnejn tal-Fidi li anke fis-Salib, fil-mumenti li ma
jogħġbukx, hemmhekk, propju hemmhekk hemm l-Imħabba ta’ Alla li qed jgħaddik
mit-tiġrib biex jgħaddik għaż-żerniq ta’ glorja li għadek ma tafx x’inhi. Mhux dan hu l-Għid? Ħajjitna hi mimlija Għidijiet. Li kieku kellna nirrakkontaw! Problemi, mumenti ta’ kriżi, tbatija, dlam,
Alla donnu rieqed... imbagħad, jekk tistenna bis-sabar, jekk issib saħħa ta’
fiduċja fik, jisbaħ żgur. Żgur fuq li hu
żgur li kull tbatija twelled iktar Ħajja, iktar Fidi, iktar Imħabba u
Salvazzjoni.
Mhux ta’ b’xejn li
l-Kolletta, l-ewwel talba li jgħid il-Presbiteru fil-quddiesa ta’ dan il-Ħadd,
tgħid: “Agħmel, Mulej, li nsaffu l-għajn ta’ ruħna ħalli nithennew bid-dehra
tal-glorja tiegħek!” Il-glorja ta’ Alla
tinsab kullimkien madwarna, u fl-Istorja tagħna, aħna min aħna. Li kieku kellna
“naraw” tajjeb konna nilmħu l-passi tal-Mulej li dejjem mexa qabilna. Kollox fih sens. Dan jgħidu min għandu għajnejn spiritwali,
anke jekk it-tbatija tbeżżgħu, u jiġu mumenti meta ma jaċċettax l-Istorja. Kollox huwa proċess ta’ Għid. Tbatija li twassal għat-twelid,
għall-maturità fil-Fidi. Dlam li jwassal għad-Dawl. Mewt li twassal għall-Ħajja. Hekk jaħdem Alla. Hekk ħadem ma’ Ibnu. Hekk qiegħed jaħdem
l-Istorja tas-Salvazzjoni tagħna.
L-Istorja ta’ Abraham hi
l-Istorja tiegħi u tiegħek. Abraham kien
“agħma”. “Agħma” bħal kull pagan
ieħor. Kien pagan bħal niesu kollha. Qatt ma kien sema’ b’Alla u kellu ħafna
allat. Kien sinjur. Imma kien “agħma”. Kien raġel imdejjaq, anke jekk ma kien jonqsu
xejn. Kien “agħma” għax ħaseb li l-Ferħ
tiegħu kien li jkollu iben, u tfal ma kellux u lanqas seta’ jkollu. Ma setax
jara l-Imħabba ta’ Alla fl-Istorja għax l-Istorja kienet qżież għalih għax dak
li qalbu xtaqet ma kellux. Min jaf
kemm-il darba konna f’din is-sitwazzjoni.
Ekku kif jaħdem Alla! Jibgħaat
problema. Problema kbira. In-nies tad-dinja jgħidu: “Kemm hi kerha
xortija!” Imma mhux veru li teżisti
x-xorti. Jeżisti Alla li jmexxi
l-Istorja tiegħi u tiegħek. Jekk Hu
jagħtina “għajnejn” safja, “naraw” li kollox fih sens, u li kollox imexxini
lejn ġid li lanqas biss nobsru.
Abraham ried tifel. Tifel wieħed.
Alla jwegħdu ġnus! Kif inċekknu
l-ħajja aħna! Alla hu għajjur għall-ġid
tagħna. Ma jridx iħallina nikkuntentaw
bil-ftiet, meta jrid jagħtina pranzu ta’ Re.
Hu jridna “nħarsu” ’l fuq lejn il-kwiekeb u mhux naħlu ħajjitna “nħarsu”
lejn it-tajn tal-art u nirriflettu fuqu.
Din hi l-konverżjoni! Alla ma
jrid jeħdilna xejn, anzi Hu jrid jagħtina, jagħtina, jagħtina!! Alla hu Aħbar Tajba għalina lkoll.
Abraham emmen lil Alla u
fada fiH, u minħabba f’hekk, illum, aktar minn ħamest elef sena wara, għadna
nitkellmu fuqu! U kulma ried hu kien li
jgħix ħajja kwieta u jmut u jħalli ġidu lil ibnu. Daqshekk. Daqshekk ried. U Alla ma jissaportiniex. Ma jiflaħx jarana nitmejlu b’wirt tal-għaġeb
li Hu għandu għalina. Jibda terremot
f’Ħajjitna li jqallbilna kollox. Min
għandu għajnejn biex “jara”, jgħid f’qalbu: “Il-Mulej dan!”
Xi grazzja kbira hi l-Fidi
li ddawwal kollox, is-sabiħ u l-ikrah.
Kemm nies resqu lejn il-Mulej imregħda minn xi esperjenza “kerha” li
fl-aħħar mill-aħħar kienet Grazzja, għax skoprew li Alla hu Teżor li huma qatt
ma kienu se jintebħu bih. Min jaf kemm
nies dan ma jobsruhx għax m’għandhomx għajnejn biex jaraw l-għemejjel ta’ Alla,
u jibqgħu hekk sal-mewt.
Imma min “jara” jgħid:
“Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi, minn min għandi nibża’? Il-Mulej hu l-kenn tiegħi, quddiem min għandi
nitwerwer?” (S. 27, 1). Dan il-bniedem ma jixbax ifittex lil Wiċċ
Alla u jitniehed quddiemu biex jagħtih aktar “Dawl”, għax min daq il-ħlewwa
tal-Mulej ikun irid iktar. Hu l-bniedem
li lanqas il-mewt fiżika li toqrob ma ddallamlu “għajnejh” għax imut waqt li jlissen:
“Nemmen li se nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin!” (S. 27, 13).
Ħa tkun is-sema l-veru
pajjiż tagħna, kif se jgħidilna Pawlu.
Ħa jkollna l-Grazzja li iktar kemm jikber Kristu fina, iktar tikber
ix-xewqa li niltaqgħu miegħu “fiżikament” u nistrieħu hemm fejn m’hemmx iktar
dmugħ, inkwiet, tbatija, biża’ u lanqas iktar mewt. Dan it-tħannin għal Kristu jibda fin, fin
irattab l-iggranfar tagħna mad-dinja u ma’ din il-ħajja, u nibdew inħarsu ’l
quddiem, għax tassew li l-isbaħ għadu ġej.
It-tliet dixxipli li “raw”
lil Ġesù fuq it-Tabor, daqu ftit dan il-Ferħ, dan il-Ħelsien, dan l-Għaġeb li
qatt ma kienu ħolmu bih. Huma “raw “ lil
Ġesù fil-Glorja. Mhux Hu li nbidel, għax
Hu, anke jekk “ċekken lilu nnifsu sa fuq is-Salib” (ara Fil. 2, 6-11), dejjem
kellu l-Glorja ta’ Alla moħbija taħt il-miżerja ta’ ġisem il-bniedem. Kienu l-appostli li ġiethom il-Grazzja li
jinfetħulhom għajnejhom u jaraw ir-rejaltà moħbija lill-bnedmin. Pietru, Ġakbu u Ġwanni “raw” il-Ħajja l-oħra,
il-Ħajja ta’ Dejjem, u ferħu, u beżgħu fl-istess ħin. Ma ridux jinżlu minn hemm lejn “id-dinja”
għax raw ħwejjeġ li la għajn qatt ma rat u lanqas widna qatt ma semgħet.
Il-Liturġija tal-Kelma Tieni
Ħadd tar-Randan
L-Ewwel Qari: Ġenesi 15, 5-12, 17-18.
F’dak iż-żmien: il-Mulej
ħareġ lil Abram ’l barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd
il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom.” U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun
nislek.”
U hu emmen fil-Mulej, u dan
għaddhulu b'ġustizzja. U
qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art
b'wirt.” U qallu
Abram: “Ja Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?” U wieġbu: “Ħudli għoġla ta' tliet snin, mogħża ta'
tliet snin, muntun ta' tliet snin, gamiema u ħamiema.” U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs
qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin,
imma Abram gerrixhom lura.
Hi u nieżla x-xemx waqa'
fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża' u dalma kbira. Meta
x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn
bejn il-bċejjeċ tal-laħam. Dakinhar
il-Mulej għamel patt ma' Abram u qallu: “Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara
ta' l-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara ta' l-Ewfrat.
Salm Responsorjali: Salm 27
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża'?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer?
Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
"Ejja," għedt f'qalbi, "fittex
'il wiċċu";
jien wiċċek infittex, Mulej.
La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi;
Nemmen li għad nara
t-tjieba tal-Mulej f'art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej.
It-Tieni Qari: Filippin 3, 17
– 4, 1.
Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu
lejn dawk li jimxu skond l-eżempju li rajtu fina. Għaliex hawn ħafna - dan għedthulkom bosta drabi, imma
issa ntennihulkom bid-dmugħ f'għajnejja - hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal
għedewwa tas-salib ta' Kristu. It-telfien
għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b'dak li jmisshom jistħu
minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma aħna pajżani
tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù
Kristu. Hu għad irid
ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa
tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.
Għalhekk, intom, ħuti li
intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej,
maħbubin tiegħi.
Evanġelju: Luqa 9, 28b – 36.
F’dak iż-żmien: Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u 'l
Ġakbu, u tala' fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta'
wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex. U kien
hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, [Lq:9:31] li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta'
ħajtu li kellu jseħħ f'Ġerusalemm.
Pietru u sħabu kienu
mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajjmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt
irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu,
Pietru qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu
tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Ma kienx
jaf x'inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed
jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu
fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu
Ibni l-maħtur, lilu isimgħu." Malli nstama' l-leħen Ġesù sab
ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd
minn dak li kienu raw.
|