Din
hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Meta nitkellmu fuq Kristu
u fuq dak kollu li għandu x’jaqsam miegħU, hu veru li nispiċċaw nitkellmu fuq
morali, kif wieħed jgħix, x’tajjeb għandu jagħmel u x’ħażin għandu jevita. Il-morali hi parti mit-twemmin fi Kristu,
anzi, biex nitkellmu aħjar, hija l-frott tat-twemmin fi Kristu. Kif jista’ wieħed jgħid li jemmen fi Kristu u
ma jgħixx kif jixtiequ Kristu? Isir
bħas-siġra tat-tin fil-Vanġelu tal-lum, li kibret u mtliet bil-weraq, imma
fl-aħħar tellfet il-paċenzja lil sidha għax tin m’għamlet qatt. Din it-tina tixbah lilna jekk nikbru
fiżikament u nsiru rġiel u nisa maturi f’kollox barra fil-Magħmudija tagħna li
baqgħet mhux biss ma mmaturatx imma forsi għadha żerriegħa bħal meta żergħuha
fina ta’ trabi.
Imma Kristu mhux dan
biss. Il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba li
hija Kristu ma titkellimx biss fuq kif wieħed jgħix, imma fuq kollox, il-ħin
kollu titkellem fuq Mewt u Ħajja. Kristu
huwa kwistjoni ta’ Mewt jew Ħajja għalija, għalik u għal kull maħluq. Mhux ċajta!
Int, li moħħok biss fil-business, jew fl-isport, jew fil-karriera, jew
fil-politika, jew ma nafx f’hiex... ieqaf u aħseb ftit! Trid tgħix għal dejjem jew tmut għal
dejjem? Daqshekk serja l-biċċa! Kollha kemm aħna gergirna, min ftit u min
ħafna għax ħsibna li Alla hu dak li dejjem jitlob mingħandna. Anke Mosè gerger għax meta sejjaħlu Alla biex
jibagħtu ħalli joħroġ lil Iżrael mill-jasar tal-Eġittu, beża’ u ppanikkja, u beda
jġib elf skuża biex jiskappa.
Aħna lkoll boloh. Għomja u boloh. Alla joffirlna l-Ħajja, u arana nitgerrxu
minnU, u nfittux l-Ħajja f’affarijiet materjali li jmutu bħalna. Iżrael terraq minn art il-forġa tal-jasar
tiegħu, iżda ftit jiem wara reġa’ bdielu u ried imur lura. Il-poplu ħaseb li kien qed jagħmel pjaċir lil
Alla u lil Mosè. L-eżistenza tal-bniedem
hi kontinwament tellieqa bejn il-Mewt u l-Ħajja. Min se jirbaħ lili fl-aħħar tal-ġirja? Min se jirbaħ lilek?
Hu mportanti li
fir-Randan, (almenu fir-Randan, għax in-Nisrani suppost li dawn il-mistoqsijiet
jagħilhom dejjem), nistaqsu: “Għalfejn qed ngħix? X’sens għandha l-ħajja tiegħi? Minn fejn ġejt u fejn sejjer? Min hu Alla għalija? Min hu Kristu? Naf x’inhi l-Knisja? L-iktar ħaġa mportanti għall-bniedem hi
l-Ħajja, u l-Bibbja titkellem fuq dan il-ħin kollu. Infatti, Kristu ma
ntbagħatx mill-Missier fid-dinja biex jivvinta reliġjon oħra, jew biex jagħti
xi Liġi oħra, jew biex joqgħod jagħmel il-mirakli u jsolvi l-problemi
tal-mument. Hu ġie biex jirbaħ l-ikbar
għadu tal-bniedem li hi l-Mewt. Din hi
l-problema vera ta’ kull bniedem. Hu
hawn li jidħlu l-ħelsien u s-salvazzjoni li ġabilna Kristu. Hu ġie biex jgħix il-Misteru tal-Għid, u
t-tletin sena f’dar ommu u t-tliet snin jiġri madwar il-pajjiż, kien tħejjija
għas-siegħa li kienet dejjem riesqa: il-waqt tat-taqbida mal-Mewt li għamlet
mill-bniedem egoista u midneb.
Il-Bxara ta’ Kristu
tgħidilna li Hu daħal fil-Mewt biex ikun il-velenu tagħha. Liema Mewt?
Il-Mewt tiegħi, tiegħek u ta’ kull bniedem. Dan hu li d-dinja tixtieq, imma d-dinja ma
temminx li dan seħħ fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. Qiesna xi ħadd iffortunat li wiret somma
enormi, imma meta tawh l-aħbar mar riedx jemmen, jew ma sabx is-saħħa jemmen, u
għalhekk baqa’ jgħix il-ħajja miskina tiegħu bla ma qatt ma mar il-bank
jiġbed ġidu. Aħna lkoll għonja mmens, għax għandna b’wirt
il-Ħajja ta’ Dejjem u dan mhux b’mertu tagħna imma bil-merti tal-Ubbidjenza ta’
Kristu f’isimna. Imma aħna dan ma
nemmnuhx. Naħsbu li l-muntanja rridu
nitilgħuha aħna, meta telagħha b’tant tbatija Kristu għalina. San Pawl isejħilna “għedewwa tas-Salib ta’
Kristu” (ara Fil. 3, 18), għax qed inġibu fix-xejn dak li għamel Hu
għalina. Aħna lkoll għonja, ulied
is-Sultan, werrieta tal-Ħajja ta’ Dejjem, għax Kristu tqabad mal-Mewt u ġie mqajjem
rebbieħ fuqha b’risq tagħna. Hija din
il-Fidi li tagħmilna nies ħielsa biżżejjed biex ngħixu l-Imħabba lejn kulħadd.
Aħna lkoll dgħajfa u
naqgħu, u nerġgħu naqgħu, għax għandna l-biża’ tal-Mewt jiġri fil-vini
tagħna. “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem
tal-mewt?” (Rum. 7, 24). Min se jagħtina ċ-ċertezza ta’ Ħajja għal
dejjem? Huwa Kristu l-uniku li miet
għalija. Imma dan mhux bil-paroli imma
bil-Fidi. San Bernard jgħid, f’katekeżi
meraviljuża: “Min hu dgħajjef fejn jista’ jsib ħarsien żgur u mistrieħ jekk
mhux fil-pjagi tal-Mulej is-Salvatur?
Għamilt dnub kbir u ninsab imħawwad, imma ma niddisprax, għax niftakar
fil-pjagi tal-Mulej. Għax ‘hu kien
miġruħ minħabba fi dnubietna’ (Is. 53, 5). Liema dnub hemm li jista’ jwasslek
għall-mewt ta’ dejjem, li minnu ma tħollokx il-mewt ta’ Kristu? Ħadd ma għandu tjieba aqwa minn din: li
jgħati ħajtu għal min hu mejjet u mitluf!
Il-merti tiegħi huma l-ħniena tal-Mulej; ma jonqsu qatt il-merti tiegħi
sakemm ma tonqosx il-ħniena tiegħu.
Daqskemm hi kbira t-tjieba tal-Mulej, daqshekk huma kbar il-merti
tiegħi. U x’jiġri jekk jien naf li mimli dnubiet? Xejn, għax ‘fejn kotor id-dnub kotrot fuq li
kotrot il-grazzja’ (Rum. 5, 20).”
(Mid-diskors dwar l-Għanja tal-Għanjiet” ta’ San Bernard, Abbati).
X’meravilja ta’
kliem! Kristu huwa teżor li jitkarrab
biex jinstab mill-bniedem fqir, fqir mhux mill-flus, imma fqir mit-tjieba,
mill-virtu, mill-merti. Għax il-merti
ta’ Kristu saru l-merti tagħna; il-qdusija tiegħU saret il-qdusija tagħna,
l-ubbidjenza tiegħU saret l-ubbidjenza tagħna, ir-rebħa fuq il-Mewt tiegħU
saret ir-rebħa fuq il-Mewt tagħna. Din
hi l-Glorja tan-Nisrani. Il-Fidi hi
kollox. Wieħed iħares u jara din
il-meravilja kollha, u ieħor iħares u ma jara xejn... X’misteru!
Għandu raġun is-Salmista
jgħid: “Kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu, u la tinsiex il-ġid
kollu li għamel miegħek.” (S. 103, 2).
Għax jeżisti Alla! U lil Mosè jgħidlu:
“Jiena Hu dak li Hu!” (Eżod. 3,
14). Jiena Hu l-Ħaj. Jien neżisti.
Jien biss Ħaj u kull ħaġa Ħajja tieħu l-Ħajja minni. Jiena Hu Dak Li Jgħaddi. Jiena Hu Dak li l-ħin kollu naħdem
fl-Istorja.
Alla jistedinna biex
nikkonvertu lejn il-Grazzja, lejn ir-Rigal mogħti b’xejn li hu l-Għarfien
tal-Imħabba mpossibbli li Hu għandu lejna u li ntweriet fi Kristu Ibnu. Saret
ħaġa ta’ urġenza kbira li nikkonvertu lejn l-Imħabba qabel ikun tard wisq. “Int ħaliha, sinjur, għal din is-sena sa ma
nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.
Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.” (Lq. 13,
9). Kollox hu kwistjoni ta’ Mewt jew
Ħajja.
Il-Liturġija tal-Kelma
tat-Tielet Ħadd tar-Randan.
L-Ewwel Qari: Eżodu 3, 1-8a,
13-15.
F’dak
iż-żmien: Mosè kien jirgħa l-merħla ta' ħatnu Ġetru, qassis ta' Midjan,
u ħa l-merħla 'l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta' Alla. Hawn deherlu l-anġlu
tal-Mulej f'ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad
bin-nar bla ma jintemm. Mosè
qal: “Ħa nersaq u nara din
id-dehra ta' l-għaġeb għala m'hux jinħaraq l-għollieq.”
Il-Mulej rah riesaq biex
jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!” U Mosè
wieġeb: “Hawn jien!” U
l-Mulej qallu: “La tersaqx
'l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art
qaddisa.” U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta' missirijietek: Alla ta'
Abraham, Alla ta' Iżakk u Alla ta' Ġakobb.” Mosè għatta wiċċu, għax beża'
jħares lejn Alla.
U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija
tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini
tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa
nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani.
Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u
ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni,
'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” Alla
wieġbu: “JIEN LI JIEN.” U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael,
'JIENA-HU bagħatni għandkom.’ ” U
Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: 'Jahweh, Alla
ta' missirijietkom, Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, Alla ta' Ġakobb, bagħatni
għandkom.' Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel
għal nisel.
Salm Responsorjali: Salm 103
Ritornell: Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B'qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;
Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Daqskemm huma s-smewwiet 'il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma' min jibża' minnu.
It-Tieni Qari: 1 Korintin 10,
1-6, 10-12.
Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna
lkoll kienu taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, lkoll kienu mgħammda
f'Mosè fis-sħaba u fil-baħar, lkoll
kielu mill-istess ikel spiritwali, xorbu tassew mill-blata spiritwali li
kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu. Madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll
waqgħu mejta fid-deżert. Dan ġara b'eżempju għalina, biex ma
nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma.
Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud
minnhom, u qeridhom il-qerried. Dan
kollu ġralhom b'eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem
iż-żminijiet. Min
jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.
Evanġelju: Luqa 13, 1-9.
F’dak iż-żmien : Ġew
xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm
tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom:
"Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra
biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll
tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri
ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta'
Ġerusalemm ? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll
tintilfu xorta waħda."
U qalilhom din
il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex
il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu
l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u
qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd
l-art? Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa
ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn
tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.' "
|