Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-Istorja tas-Salvazzjoni
hija l-Istorja tal-Pattijiet li Alla għamel mal-bniedem. Permezz ta’ dawn il-pattijiet, Alla mexa
mal-bniedem il-mixja twila tal-maturazzjoni tiegħu, sakemm ġabu f’qagħda li
kien lest jilqa’ l-aqwa Patt, il-Patt Aħħari u Dejjiemi, li għamel miegħu
f’Ibnu Kristu Ġesù.
L-ewwel Patt li Alla
għamel kien ma’ Noè. Il-qawsalla li
tħabbar li l-maltemp għadda kienet is-simbolu ta’ dan il-Patt. Il-bniedem primittiv kien jibża’ mill-ambjent
naturali li kien imdawwar bih. Għalhekk
Alla nqeda bih biex saffa l-bniedem u l-Patt kien wegħda solenni ta’ Alla li
qatt iktar ma kien se jeqred l-umanità bil-meżżi tan-natura.
Wara dan ġie Patt iktar
importanti: dak ma’ Abraham. B’dan
il-Patt Alla ried jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb: jiżra l-Fidi fuq din l-art. Abraham kien bniedem fallut għax, fi żmien
meta l-ulied kienu kollox għax kienu jaqbżu għalik billi l-pulizija ma kinitx
teżisti, hu ma kellux ulied għax martu kienet ħawlija. Alla sab lil Abraham
f’din il-qagħda, jew aħjar poġġih fdin il-qagħda, u wegħdu mhux biss iben imma
art ukoll. Xejn minn dan ma kien jiġri
kieku Abraham m’emminx lil Alla. L-istess
Marija. xejn minn dak imwiegħed lilha ma
kien jiġri kieku Hi m’emnitx li Alla kien kapaċi jwettaq dak li moħħha ma kienx
kapaċi jifhem. L-istess int, għax anke
miegħek Alla jrid jagħmel Patt... anzi diġa għamlu fil-Magħmudija. Talli Abraham emmen li dak li hu mpossibbli
skont in-natura Alla jista’ jagħmlu, Alla beda jikkunsidrah bħala ġust u
ntrabat li jagħtih mhux biss iben, imma kotra ta’ ġnus! Ara kemm togħġbu din lil Alla li bniedem
jemmen li Hu kapaċi jwettaq dak li għan-natura hu mpossibbli! Infatti, dawk kollha li jemmnu fil-Misteru
tal-Għid ta’ Kristu huma kollha wlied Abraham għax bħal Abraham dawn jemmnu li
l-Missier kapaċi jagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn: li l-midneb isir ġust
mhux bil-kapaċità tiegħu imma bil-merti ta’ l-Iben li l-Missier abbandunaH
bħala offerta ta’ tpattija.
Patt dejjem hu ftehima
bejn tnejn. Kemm fl-ewwel u kemm
fit-tieni, Alla kien il-protagonista, dak li ħadem, li ħeles, li salva. Imma kemm Noè u kemm Abraham riedu jagħmlu
qabża ta’ Fidi. Dan hu li kien mitlub
minnhom. Li kieku m’għamlux il-parti
tagħhom, il-Patt kien jaqa’. Noè emmen
lil Alla, u min jaf kemm daħqu bih in-nies korrotti ta’ żmienu meta rawh jibni
l-arka u jġemma annimali ta’ kull tip!
Abraham ukoll emmen ’l Alla u telaq minn artu u ħalla warajh lil
qrabatu, lis-sigurtajiet tiegħu, u l-ħajja ta’ qabel. U min jaf x’qaltlu martu li ma kellhiex
l-istess esperjenza ta’ Alla li kellu hu!
It-tielet Patt ukoll kien
jistrieħ fuq il-ħidma u l-inizjattiva ta’ Alla u l-“Iva!” kollha Fidi
tal-bniedem. Dan hu l-Patt ta’ Mosè,
il-Patt tas-Sinaj, bejn il-Mulej u l-poplu ta’ Iżrael, li kien għadu kif
inħeles mill-jasar. Alla ntrabat li
jagħtihom l-Art li kien wiegħed lil Abraham missierhom u li kellu jiddefendihom
kontra l-ġnus ġirien li kienu aqwa minnhom.
Imma Hu stenna l-“Iva!” ta’ Iżrael, il-Fidi tiegħu li kellha twasslu
biex jobdi l-Liġi tas-Sinaj, l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja.
Quddiem il-Liġi, Iżrael
falla; u bħal Iżrael ifalli kull bniedem, bla eċċezzjoni. Kemm hu mportanti li dan nifhmuh, biex
il-kelmiet “itlob għalina midinbin!” li ngħidu sikwiet ma jkunux taparsi. Il-poplu ta’ Iżrael għex storja twla ta’ ksur
tal-Patt u kriżijiet ta’ Fidi u spiċċa biex tilef artu u sab ruħu mferrex fost
il-ġnus. Imma xorta waħda, dan il-poplu
wasal biex welled lill-Verġni Marija, u, permezz tal-Fidi tal-fqajra ta’
Nazaret, welled lill-Qaddis innifsu, lill-Mibgħut, lill-Midluk tal-Mulej,
lill-Mistenni sa mill-ibgħad żminijiet: Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.
U hawn niġu għall-aħħar
Patt, il-Patt li għalih kienet qed tipponta l-Istorja kollha
tas-Salvazzjoni. Alla kien jaf li
l-bniedem, bin-natura mwaqqa’ tiegħu ma kienx kapaċi jżomm il-Patt
tal-Liġi. Imma l-bniedem dan ma kienx
jafu. Kristu ħabbat wiċċu ma’ din
il-problema, u għadu jħabbat wiċċu magħha sal-lum. Għaliex tant nies isibuha tant diffiċċli
li jidħlu fil-ferħ enormi tal-Aħbar
it-Tajba? Għax jaħsbu li s-salvazzjoni
jridu jaħdmuha huma u jispiċċaw b’tilja gdiedem. Kopja tagħhom huwa l-iben il-kbir tal-Vanġelu
tal-lum. Il-bniedem ħaseb li Alla tah
Liġi biex jobdiha, meta Alla ta l-Liġi lill-bniedem biex hu jinduna li mhux kapaċi
jobdiha u hekk jikkonvinċi ruħu li hu midneb u mitluf. U jekk hu midneb u mitluf, allura x’se
jiġri. Jekk jien midneb... jekk int
midneb... jekk aħna midinbin u maqtugħin mill-Ħajja vera, x’se jiġri minna,
allura? U hawn jidher jiddi fid-Dawl meraviljuż
tiegħu l-Patt li l-Missier sa minn ġol-Ġnien tal-Għeden kien ħabbar: il-Missier bagħat lil Ibnu biex jieħu fuqu
l-ħtija tiegħi u tiegħek u tad-dinja kollha, biex aħna li aħna midinbin, nidhru
ġusti quddiemu. Mhux għax aħna ġusti
minna nfusna, imma għax nitlibbsu bil-merti glorjużi tiegħu. Aħna nitlibbsu bl-Ubbidjenza ta’ Kristu’;
nitlibbsu bl-Imħabba ta’ Kristu; nitlibbsu bis-Sabar ta’ Kristu; nitlibbsu, bla
ma jistħoqqilna, bin-natura stess ta’ Kristu!
Dan hu t-trijonf tal-Magħmudija.
Mhux biss Magħmudija li rċivejna r-rit tagħha meta konna trabi, imma
Magħmudija li kibret magħna u laħqet il-milja tagħha, mhux bl-isforzi tagħna
imma bi Grazzja.
Allura x’irridu nagħmlu
aħna? Bħal Noè, bħal Abraham,
bħall-Verġni Marija... irridu nemmnu f’din il-ġenerożità li ma titwemminx ta’
Alla. X’għamel il-ħalliel, maġenb
Kristu, li sab ruħu fis-Saltna? Liema
opri? Hu emmen! Hu emmen li fi Kristu anke l-ikbar dnubiet,
l-ikbar għadd ta’ dnubiet, huma kollha maħsula fid-Demm Glorjuż tiegħu. Hu
emmen u salva. Twieled mill-ġdid, kif se
jgħid San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin.
Dan hu l-ferħ tal-Kristjaneżmu.
Għal din l-iskoperta ta’ Kristu ġie maħluq l-univers. Biex jinfetħulek
għajnejk u tara l-Grazzja ġejt maħluq int.
Il-Liturġija tal-Kelma
tar-Raba’ Ħadd tar-Randan.
L-Ewwel Qari: Ġożwè 5, 9a-12
F’dak iż-żmien :
Il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb
ta' l-Eġittu.”
Ulied Iżrael waqqfu l-kamp
tagħhom f'Gilgal. Hemm, fil-witat ta' Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija ta'
l-erbatax tax-xahar. U
sewwasew l-għada ta' l-Għid, huma kielu mill-frott ta' l-art: ħobż ażżmu u qamħ
inkaljat.
Minn dak in-nhar, wara li
kielu mill-frott ta' l-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar
manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta'
Kangħan.
Salm Responsorjali: Salm 34
Ritornell: Duqu u taraw kemm hu tajjeb
il-Mulej.
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża' tiegħi ħelisni.
Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.
It-Tieni Qari: 2 Korintin 5,
17-21
Ħuti: Meta
wieħed jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal
il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu
u tana l-ministeru ta' din il-ħbiberija tal-bnedmin ma' Alla. Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta' Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta'
dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta' din il-ħbiberija.
Aħna nagħmluha ta'
ambaxxaturi ta' Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna,
nitolbu fuq li nitolbu f'ġieħ Kristu: "Ħallu lil Alla jħabbibkom
miegħu." Dak li
ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih
ġustizzja ta' Alla.
Evanġelju: Luqa 15, 1-3, 11-32.
F’dak iż-żmien: Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi
ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu
jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol
magħhom!" U Ġesù
qabad u qalilhom din il-parabbola:
"Kien hemm
raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier,
agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid. Ma
kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn
pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra.
Meta ħela kull ma
kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu
fil-bżonn. U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu
fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu
mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien
jagħtih. Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma'
missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut
bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt
kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ
ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.' Qam, u telaq għal
għand missieru.
Iżda kif kien għadu
fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u
biesu. 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;
ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' Iżda l-missier qal
lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu
ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u
oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa'
qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.
"Mela ibnu l-kbir
kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u
żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak
x'kien. 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol
l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' Hu inkorla, u ma riedx
jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 'Ara,' qal lil
missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku
qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! Mbagħad
jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol
l-imsemmen!' 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma
hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax
dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.' "
|