Sunday, 21 July 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2019) ALLA JIDHOL F’PATT MAGHNA
IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2019) ALLA JIDHOL F’PATT MAGHNA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 30 March 2019

Din hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

lessons-parables-hope-restoration-story-prodical-sonr2c1.jpg

 

L-Istorja tas-Salvazzjoni hija l-Istorja tal-Pattijiet li Alla għamel mal-bniedem.  Permezz ta’ dawn il-pattijiet, Alla mexa mal-bniedem il-mixja twila tal-maturazzjoni tiegħu, sakemm ġabu f’qagħda li kien lest jilqa’ l-aqwa Patt, il-Patt Aħħari u Dejjiemi, li għamel miegħu f’Ibnu Kristu Ġesù.

 

L-ewwel Patt li Alla għamel kien ma’ Noè.  Il-qawsalla li tħabbar li l-maltemp għadda kienet is-simbolu ta’ dan il-Patt.  Il-bniedem primittiv kien jibża’ mill-ambjent naturali li kien imdawwar bih.  Għalhekk Alla nqeda bih biex saffa l-bniedem u l-Patt kien wegħda solenni ta’ Alla li qatt iktar ma kien se jeqred l-umanità bil-meżżi tan-natura.

 

Wara dan ġie Patt iktar importanti: dak ma’ Abraham.  B’dan il-Patt Alla ried jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb: jiżra l-Fidi fuq din l-art.  Abraham kien bniedem fallut għax, fi żmien meta l-ulied kienu kollox għax kienu jaqbżu għalik billi l-pulizija ma kinitx teżisti, hu ma kellux ulied għax martu kienet ħawlija. Alla sab lil Abraham f’din il-qagħda, jew aħjar poġġih fdin il-qagħda, u wegħdu mhux biss iben imma art ukoll.  Xejn minn dan ma kien jiġri kieku Abraham m’emminx lil Alla.  L-istess Marija.  xejn minn dak imwiegħed lilha ma kien jiġri kieku Hi m’emnitx li Alla kien kapaċi jwettaq dak li moħħha ma kienx kapaċi jifhem.  L-istess int, għax anke miegħek Alla jrid jagħmel Patt... anzi diġa għamlu fil-Magħmudija.  Talli Abraham emmen li dak li hu mpossibbli skont in-natura Alla jista’ jagħmlu, Alla beda jikkunsidrah bħala ġust u ntrabat li jagħtih mhux biss iben, imma kotra ta’ ġnus!  Ara kemm togħġbu din lil Alla li bniedem jemmen li Hu kapaċi jwettaq dak li għan-natura hu mpossibbli!  Infatti, dawk kollha li jemmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu huma kollha wlied Abraham għax bħal Abraham dawn jemmnu li l-Missier kapaċi jagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn: li l-midneb isir ġust mhux bil-kapaċità tiegħu imma bil-merti ta’ l-Iben li l-Missier abbandunaH bħala offerta ta’ tpattija.

 

Patt dejjem hu ftehima bejn tnejn.  Kemm fl-ewwel u kemm fit-tieni, Alla kien il-protagonista, dak li ħadem, li ħeles, li salva.  Imma kemm Noè u kemm Abraham riedu jagħmlu qabża ta’ Fidi.  Dan hu li kien mitlub minnhom.  Li kieku m’għamlux il-parti tagħhom, il-Patt kien jaqa’.  Noè emmen lil Alla, u min jaf kemm daħqu bih in-nies korrotti ta’ żmienu meta rawh jibni l-arka u jġemma annimali ta’ kull tip!  Abraham ukoll emmen ’l Alla u telaq minn artu u ħalla warajh lil qrabatu, lis-sigurtajiet tiegħu, u l-ħajja ta’ qabel.  U min jaf x’qaltlu martu li ma kellhiex l-istess esperjenza ta’ Alla li kellu hu!

 

It-tielet Patt ukoll kien jistrieħ fuq il-ħidma u l-inizjattiva ta’ Alla u l-“Iva!” kollha Fidi tal-bniedem.  Dan hu l-Patt ta’ Mosè, il-Patt tas-Sinaj, bejn il-Mulej u l-poplu ta’ Iżrael, li kien għadu kif inħeles mill-jasar.  Alla ntrabat li jagħtihom l-Art li kien wiegħed lil Abraham missierhom u li kellu jiddefendihom kontra l-ġnus ġirien li kienu aqwa minnhom.  Imma Hu stenna l-“Iva!” ta’ Iżrael, il-Fidi tiegħu li kellha twasslu biex jobdi l-Liġi tas-Sinaj, l-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja.

 

Quddiem il-Liġi, Iżrael falla; u bħal Iżrael ifalli kull bniedem, bla eċċezzjoni.  Kemm hu mportanti li dan nifhmuh, biex il-kelmiet “itlob għalina midinbin!” li ngħidu sikwiet ma jkunux taparsi.  Il-poplu ta’ Iżrael għex storja twla ta’ ksur tal-Patt u kriżijiet ta’ Fidi u spiċċa biex tilef artu u sab ruħu mferrex fost il-ġnus.  Imma xorta waħda, dan il-poplu wasal biex welled lill-Verġni Marija, u, permezz tal-Fidi tal-fqajra ta’ Nazaret, welled lill-Qaddis innifsu, lill-Mibgħut, lill-Midluk tal-Mulej, lill-Mistenni sa mill-ibgħad żminijiet: Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj.

 

U hawn niġu għall-aħħar Patt, il-Patt li għalih kienet qed tipponta l-Istorja kollha tas-Salvazzjoni.  Alla kien jaf li l-bniedem, bin-natura mwaqqa’ tiegħu ma kienx kapaċi jżomm il-Patt tal-Liġi.  Imma l-bniedem dan ma kienx jafu.  Kristu ħabbat wiċċu ma’ din il-problema, u għadu jħabbat wiċċu magħha sal-lum.  Għaliex tant nies isibuha tant diffiċċli li  jidħlu fil-ferħ enormi tal-Aħbar it-Tajba?  Għax jaħsbu li s-salvazzjoni jridu jaħdmuha huma u jispiċċaw b’tilja gdiedem.  Kopja tagħhom huwa l-iben il-kbir tal-Vanġelu tal-lum.  Il-bniedem ħaseb li Alla tah Liġi biex jobdiha, meta Alla ta l-Liġi lill-bniedem biex hu jinduna li mhux kapaċi jobdiha u hekk jikkonvinċi ruħu li hu midneb u mitluf.  U jekk hu midneb u mitluf, allura x’se jiġri.  Jekk jien midneb... jekk int midneb... jekk aħna midinbin u maqtugħin mill-Ħajja vera, x’se jiġri minna, allura?  U hawn jidher jiddi fid-Dawl meraviljuż tiegħu l-Patt li l-Missier sa minn ġol-Ġnien tal-Għeden kien ħabbar:  il-Missier bagħat lil Ibnu biex jieħu fuqu l-ħtija tiegħi u tiegħek u tad-dinja kollha, biex aħna li aħna midinbin, nidhru ġusti quddiemu.  Mhux għax aħna ġusti minna nfusna, imma għax nitlibbsu bil-merti glorjużi tiegħu.  Aħna nitlibbsu bl-Ubbidjenza ta’ Kristu’; nitlibbsu bl-Imħabba ta’ Kristu; nitlibbsu bis-Sabar ta’ Kristu; nitlibbsu, bla ma jistħoqqilna, bin-natura stess ta’ Kristu!  Dan hu t-trijonf tal-Magħmudija.  Mhux biss Magħmudija li rċivejna r-rit tagħha meta konna trabi, imma Magħmudija li kibret magħna u laħqet il-milja tagħha, mhux bl-isforzi tagħna imma bi Grazzja.

 

Allura x’irridu nagħmlu aħna?  Bħal Noè, bħal Abraham, bħall-Verġni Marija... irridu nemmnu f’din il-ġenerożità li ma titwemminx ta’ Alla.  X’għamel il-ħalliel, maġenb Kristu, li sab ruħu fis-Saltna?  Liema opri?  Hu emmen!  Hu emmen li fi Kristu anke l-ikbar dnubiet, l-ikbar għadd ta’ dnubiet, huma kollha maħsula fid-Demm Glorjuż tiegħu. Hu emmen u salva.  Twieled mill-ġdid, kif se jgħid San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin.  Dan hu l-ferħ tal-Kristjaneżmu.  Għal din l-iskoperta ta’ Kristu ġie maħluq l-univers. Biex jinfetħulek għajnejk u tara l-Grazzja ġejt maħluq int.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tar-Raba’ Ħadd tar-Randan.

 

L-Ewwel Qari: Ġożwè 5, 9a-12

 

F’dak iż-żmien : Il-Mulej qal lil Ġożwè: Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb ta' l-Eġittu.”

  

Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f'Gilgal. Hemm, fil-witat ta' Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija ta' l-erbatax tax-xahar.  U sewwasew l-għada ta' l-Għid, huma kielu mill-frott ta' l-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.  

 

Minn dak in-nhar, wara li kielu mill-frott ta' l-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta' Kangħan.

 

Salm Responsorjali: Salm 34

 

Ritornell: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

 Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

 

It-Tieni Qari: 2 Korintin 5, 17-21

 

Ħuti: Meta wieħed jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu u tana l-ministeru ta' din il-ħbiberija tal-bnedmin ma' Alla.  Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta' Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta' dnubiethom, u fdalna  l-ministeru ta' din il-ħbiberija.  

 

Aħna nagħmluha ta' ambaxxaturi ta' Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f'ġieħ Kristu: "Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu."  Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla.

 

Evanġelju: Luqa 15, 1-3,  11-32.

 

F’dak iż-żmien: Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.  U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom!"  U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

 

 "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.  Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid.  Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra. 

 

 Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.  U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer.  Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.  Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!  Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;  ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.'  Qam, u telaq għal għand missieru.

 

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.  'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.'  Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh!  Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,  għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.

 

"Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin.  Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien.  'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.'  Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.  'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi!  Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!'  'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.' "

Last Updated ( Saturday, 06 April 2019 )
 
< Prev   Next >