Tuesday, 23 April 2019
           
Home arrow Home
IL-HAMES HADD TAR-RANDAN 2019 L-GHID = MOGHDIJA MILL-MEWT GHALL-HAJJA... GHALIK PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 06 April 2019

Din hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tar-Randan (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_u_l_mara_adultera.jpg

 

Ir-Randan għaddej ġmielu u ninsabu noqorbu lejn l-iktar ġimgħa liturġika mportanti għall-Knisja Kattolika u anke għall-Knejjes kollha Nsara. Hija ġimgħa mimlija sentimenti, emozzjonijiet u ċelebrazzjonijiet li jqanqlu fina nostalġija għal Alla, għal Ħajja aħjar... dispjaċir li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ahhh, setgħet kienet aħjar. Iżda... u dan hu mportanti... waqt li nimmeditaw dak kollu li swejnielu lil Kristu, dak kollu li Hu għamel għalina, id-dippressjoni fil-Ġnien, it-tbatijiet fiżiċi, l-umiljazzjonijiet, l-agunija u l-Mewt, imma wkoll il-Qawmien għal Ħajja ħielsa mill-irbit tal-Mewt, tajjeb li nistaqsu l-mistoqsija fundamentali: Imma jien fejn nidħol f’dan kollu?  Jekk lil Kristu jien swejtlu tant, Hu x’akkwista għalija fil-prattika? 

 

Wieħed jista’ jwieġeb għal dan b’xi teorija, jew b’dak li jgħid il-Katekiżmu, imma din mhix Fidi iżda tagħlim jew tagħrif.  Fil-fond, fil-fond, għaliex Kristu kellu jmut għalik? Xi tgħidlek il-Fidi li hi Grazzja li mhux kulħadd għandu.  Jew il-Ġimgħa Mqaddsa se tibqa’ fuq livel ta’ kultura, drawwiet, folklore, pageants... ħwejjeġ li qatt ma bidlu l-qalb ta’ ħadd.  Min hu int, min jien jien, biex Alla nnifsu kellu jiġi hawn u jħalli li jitgħolla ’l fuq bejn sema u art, imsammar ma’ salib, biex ikun offerta b’risq tagħna ħalli aħna niskappaw mill-Mewt u nidħlu f’Ħajja dejjiema minn issa stess, jekk nemmnu?  F’liema qagħda ninsabu aħna, mela; f’liema qagħda jinsab kull bniedem biex il-Missier ippjana din it-traġedja tal-Imħabba sa minn qabel ma ħalaq kollox?

 

Ir-Randan jiġi biex xi ftit aħna nidħlu ’l ġewwa fl-għarfien tagħna nfusna, imma kemm hu diffiċli dan!  Anzi, biex naqtgħuha fil-qasir, hu mpossibbli li jien u int ngħarfu aħna min aħna fil-verità, jekk ma tkunx għall-pura Grazzja ta’ Alla.  U jekk jien ma nafx jien min jien, jew aħjar, jekk jien għandi ngann fuq jien min jien, għandi stampa qarrieqa fuqi nnifsi għax dejjem pruvajt inħożż “very good” wara l-imġieba tiegħi, dejjem iddefendejt l-għemejjel tiegħi, dejjem rajt id-dnub ta’ ħaddieħor u rari baxxejt rasi bil-mistħija quddiem id-dnub tiegħi... jekk jien daqshekk għama, kif se nasal biex qatt nidħol fil-Misteru ta’ Kristu msallab għalija u mqajjem mill-Mewt b’risq tiegħi?  U ngħiduha kif inhi, jekk jien ma nagħrafx x’għamel Alla f’Imħabbtu għalija, inkun ġejt fid-dinja għalxejn, anke jekk għandi familja, anke jekk dejjem ħdimt, anke jekk għamilt x’għamilt.  Xejn ma jiswa, jekk fl-aħħar mumenti ta’ Ħajti ninduna li qatt ma fhimt dak li għalih ħalaqni Alla. Alla ħalaqni biex ngħix għal dejjem u mhix il-familja li tagħtini Ħajja għal dejjem, lanqas uliedi, lanqas il-karriera, lanqas il-ħbieb u l-fama, u lanqas is-saħħa u l-mediċina.  Hu l-għarfien tal-isplużjoni epokali tal-Misteru Glorjuż tal-Għid ta’ Kristu, u li jien insib ruħi fih bil-Fidi, hu dan biss li jdaħħalni f’qagħda li l-Mewt ma tkunx tista’ tmiss miegħi, jiġri li jrid minn ġismi.  L-affarijiet l-oħra, tajbin kemm huma tajbin, jispiċċaw u jgħaddu.  Il-familja tgħaddi, is-suċċessi jgħaddu, il-fama tajba tgħaddi.  Ħaġa tibqa’ għal dejjem: il-Fidi tiegħek li tkaxkrek lejn rebħa fuq il-Mewt.

 

Imma, biex nerġgħu lura għal dak li konna qed ngħidu, biex nemmnu f’dak li għamel Kristu għalina, l-ewwelnett irridu ngħarfu aħna min aħna.  Jekk Kristu ġie biex ifejjaqna minn marda mortali u qalila, irridu X-Ray li jgħidilna x’inhi l-marda tagħna.  U din il-marda għandha isem: id-Dnub.  Imma llum ma tista’ tkellem lil ħadd fuq id-Dnub.  Satana qed imexxi ’l quddiem attakk imxajtan fuq l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu u dan l-attakk hu l-kultura dominanti tal-pajjiżi tal-punent li laħqet ukoll lil pajjiżna.  Din il-kultura tidħaq bid-dnub.  Id-dnub illum jgħidulu drittijiet tal-bniedem.  Il-bniedem modern jgħid li għandu dritt li jagħżel hu x’inhu tajjeb u x’mhux.  Din hi l-kuxjenża l-ġdida.  Id-dnub għeb miċ-ċirkulazzjoni għax int tista’ tagħmel li trid u m’hemmx għalfejn tinkwieta fuq dan.  Jekk il-ġuf tal-omm stess, dak il-post qaddis fejn titnissel il-Ħajja, sar lok għall-forka tal-Mewt bl-abort, x’jibqa’ iktar?  Jekk l-intern l-aktar intimu ta’ dik li tħobbu l-iktar, sar għat-tarbija post orribbli ta’ tqattiħ ta’ laħmu, x’tista’ tgħid aktar?  Kif tista’ titkellem fuq Dnub ma’ din il-ġenerazzjoni meta l-kuxjenza ta’ kulħadd qed tibbies u saret blata samma.

 

U jekk id-dnub ma jeżistix, għax anke l-Omm għandha d-dritt li tobgħod u toqtol lil binha li ma jista’ jirreżistiha jew jaħrabha, allura tassew li Kristu miet għalxejn u mpossibbli tifhem is-sagrifiċċju tiegħU.  Għax Kristu ġie biex jeqred id-dnub b’Mewtu, imma dan min jifhmu jekk mhux dak li  għaraf tassew li d-dnub joqtol.  Is-soċjetà tal-lum irremettiet lil Kristu għax dak li Kristu ċeda ħajtu biex jeqred u jħassar, għad-dinja hu sabiħ, hu dritt, hu ħelsien.  Id-Dnub sar xi ħaġa li wieħed jiftaħar biha.

 

Id-dinja bliehet.  Id-Dnub joqtlok minn ġewwa u dan ħadd ma għadu jgħarfu.  Hemm Mewt fiżika u hemm Mewt ontika, skont il-psikoloġija.  Ġieli tkellimna fuq din il-Mewt ontika.  Hija l-vojt, id-dieqa, id-dippressjoni, in-nuqqas ta’ sliem, il-biża’, it-tħassib... dak kollu li joqtlok fuq livell eżistenzjali, mhux fiżikament, imma moralment, mentalment, għidilha li trid.  Kelma toqtlok, aħna ngħidu.  Tkun ħaj fiżikament, imma mejjet.  Taħdem, tiekol, torqod, tilgħab, tredden, saħansitra tidħak... imma tkun mejjet.  Hawn min jilbes tilja maskri biex jaħbi l-fatt li hu bniedem mejjet.  Għal Kristu jeżistu żewġ tipi ta’ nies fid-dinja, u dan niltaqgħu miegħu fil-Vanġelu: dawk Ħajjin u dawk mejtin.  Jekk tosserva triq twila u wiesa’ f’belt kbira, maħnuqa bin-nies, Kristu jgħidlek li ħafna huma mejta, oħrajn huma Ħajja.  M’hemmx triq tan-nofs.

 

Min huma l-mejtin?  Dawk li jgħixu skont il-ġisem.  Min huma l-Ħajjin?  Dawk li kienu mejtin imma twieldu mill-ġdid għal Ħajja Ġdida bil-Fidi f’dak li Kristu għamel għalihom fuq is-salib.  Din hi l-verità.  Id-dinja tgħidlek li hawn ħafna veritajiet.  Huma l-mejtin li jemmnuha din għax ma jemmnux li teżisti verità, jew jeżisti Alla, jew teżisti Ħajja differenti minn dik tal-pjaċiri u suċċessi u kumditajiet.  Għall-mejtin jeżisti biss il-ġisem.  Imma Kristu ta ġismu f’idejn l-għadu biex jagħmel bih li jrid għax kien jaf li bħall-ħabba tal-qamħ, mill-mewt tal-ġisem toħroġ il-Ħajja vera.

 

Il-kultura moderna tagħmel minna nies egoisti u l-eroj tagħha huma dawk li jirbħu d-drittijiet għalihom infushom, ħafna drabi b’dannu għal ħaddieħor.  Bil-qawwa kollha, l-Kritjaneżmu jxandar li mhux hemm qegħda l-Ħajja, mhux hemm qiegħed il-Ħelsien, mhux hemm qiegħed il-Ferħ li kull bniedem ifittex mill-bidu sat-tmiem ta’ Ħajtu.  Il-ferħ u l-ħelsien huma meta int ikollok Spirtu li jinagħta lill-ieħor, hu min hu.  Dan ħadd mhu kapaċi jagħmlu bin-natura li għandna, imma l-Missier qajjem lil Ibnu mill-Mewt biex għamlu Spirtu rebbieħ fuq dak kollu li lilna joqtolna u dan l-Ispirtu jinagħta lill-bnedmin li jemmnu fiH.  B’tali mod li, bħal San Pawl, kull Nisrani jkun jista’ jgħid li mhux hu qed jgħix imma Kristu qed jgħix fih.  Din mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn merfugħa biss għal xi tużżana nies.  Le!  Dan hu l-Ispirtu s-Santu li ż-żerriegħa tiegħu diġa ndifnet fina fil-Magħmudija u li qed jitħannen u jitniehed biex jikber ġewwa fina.

 

Kull min m’għandux dan l-Ispirtu huwa mejjet.  Il-Ħajjin huma dawk li tant huma mfejqa mill-ġrieħi ta’ ġewwa li jistgħu jinsew lilhom infushom u jinagħtaw għall-ieħor. Għalhekk l-Għid jiġi: biex iġorrna mill-Mewt għal Ħajja... mhux lil Kristu biss imma anke lilna li għadna ngħixu fid-dlam tan-natura qadima li biha twelidna.  Min rebħilna din il-possibiltà?  Min rebħilna l-merti li bihom kapaċi nsira allat, b’natura divina ġewwa fina li ma tmut qatt?  Kristu għamlu dan bil-Misteru tal-Għid tiegħu.  Huwa għalhekk li l-Knisja, biż-żelu kollu li għandha, tiċċelebra liturġiji mill-isbaħ matul din il-ġimgħa mqaddsa.

 

L-Ewwel Qari

 

L-ewwel qari jippreżentalna lil Eżekjel li kien għadu kif ra f’ħolma waħda mix-xeni l-aktar qawwija tat-Testment il-Qadim.  Jara wied mimli għadam.  Ekku l-mejtin tad-dinja tal-lum.  Din hija xena profetika, u hija profetika għax isseħħ f’kull żmien.  Imma Alla jħobb il-mejtin daqskemm iħobb lill-Ħajjin.  Anzi, huwa għall-mejtin li miet Kristu sabiex l-għadam tagħhom imxerred fil-wied, jersaq lejn xulxin u jieħu l-Ħajja.  M’hemmx għalfejn il-bniedem jibqa’ fil-mewt tal-egoiżmu, dejjem jaħseb fih innifsu qisu ċ-ċentru tal-univers, dejjem imħasseb, magħluq ġol-fosdqa bħad-dudu tal-ħarir.  Wasal għalih il-waqt li jċarrat il-qoxra u jtir ’il barra, farfett sabiħ, ħieles, mogħni bi ġwienaħ biex jgħix Ħajja Ġdida.

 

Dan il-Qari huwa profezija tal-Aħbar it-Tajba li hi Kristu.  Kristu qered il-Mewt tassew u ħariġna mill-qabar tagħna u issa nistgħu ngħixu Ħajja f’qjies ġdid.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 12-14.

 

F’dak iż-żmien: il-Mulej qallil Eżekjel: “Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael.  Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

 

Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."

 

Salm Responsorjali

 

Salm 130 huwa s-Salm tal-bniedem li jaf min hu, induna min hu, għaraf il-marda qerrieda li hi d-dnub u li tgħammar fih.  Min huma l-qaddisin?  Huma dawk li jafu li huma midinbin, imma fi Kristu huma ġew imlibbsa qdusija u magħmulin ġusti mhux bis-saħħa tagħhom imma bis-saħħa tal-Għid ta’ Kristu.  Huma jafu min kienu u jafu li kulma għandhom inagħtalhom b’xejn, gratis. 

 

Is-Salmista qed jgħix esperjenza ta’ mewt.  Qed jgħix fl-eżilju, mbiegħed minn Ġerusalemm u l-Art imwegħda lil missirijietu.  L-ezilju huwa figura ta’ Ħajja mbegħda minn Alla.  Imma fil-qalb ta’ dan l-itturnufnat, hemm nostalġija għal Alla, għal ritorn lura; nostalġija li tbikkik, li tfakkrek fi żmien innoċenti u isbaħ.  Dan hu li Alla jrid minna.  Ħerqa għal ritorn lejH.  Għatx għal Alla.  U ekku l-eżiljat iġarrab l-esperjenza tal-Għid.  Alla jaħtaf lill-poplu mill-eżilju u jġorru lura lejn Artu.  Dan hu l-Għid tal-Mulej.  Mogħdija mid-dlam għad-Dawl, mill-biki għad-daħq, mil-luttu għall-festa, mill-krib għaż-żfin. 

 

Kulħadd beda jgħid: “Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!” (v. 3).  In-Nisrani li jduq tassew lil Kristu, jġiegħel lid-dinja tgħir għalih.  Id-dinja tgħir għal min fieq minn ġewwa, għal min m’għadux marbut bil-ktajjen tal-egoiżmu, għal min iħossu maħbub minn Alla tiegħu.  Dawn huma affarijiet li d-dinja ma tixtrihomx bil-flus.  Dak li tati d-dinja huma solitudni, insigurtà, “aħseb għal rasek għax tlaqqatha”.. 

 

Is-Salm jgħid: “Hu u sejjer, imur jibki, iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.  Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ, bil-qatgħet f’idejh.”  (v. 8).  Din hi diskrizzjoni eżatta tal-Għid.  L-Għid mhux biss qawmien mill-Mewt, imma l-ewwel hemm daħla fil-Mewt għax trid tkun mejjet biex tqum mill-Mewt.  Kristu għex dan is-Salm fit-totalità tiegħu.  Kien hu li mar jibki jiżra lil-ġismu l-għażiż taħt l-art, biex dawk kollha li huma mejta minħabba l-mard tad-dnub iqumu miegħu għal-Ħajja Ġdid. 

 

Salm 130

 

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:

isma', Sidi, il-leħen tiegħi!

Ħa jkunu widnejk miftuħa,

jiena u nitolbok bil-ħniena.

 

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,

Sidi, min jista' jżomm sħiħ?

Imma għandek hemm il-maħfra,

biex hekk inqimuk fil-biża' tiegħek.

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f'kelmtu tittama.

Tistenna ruħi lil Sidi,

aktar milli l-għassiesa s-sebħ.

 

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,

jistenna Iżrael lill-Mulej!

Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,

u l-fidwa għandu bil-kotra.

Hu li jifdi lil Iżrael

minn ħtijietu kollha.

 

It-Tieni Qari

 

Kull meta aħna ninvestu f’ġisimna, naħdmu għal ġisimna, nogħġbu lil ġisimna, inkunu qed nilagħbu logħba ġa mitlufa għax ġisimna qed imut kuljum.  Min ħsiebu f’ġismu u fl-egoiżmu tiegħu hu miżżewweġ mal-Mewt, u issa jew imbagħad kollox se jsir trab u rmied.  Ħarsu lejn il-kulturi tal-punent.  Kif tista’ tistagħġeb li lanqas biss għadhom kapaċi jġibu tfal fid-dinja, ibda minn pajjiżna.  Tlifna l-fertilità tagħna.  Ma jridux li s-suwed jinvadu l-Ewropa!  Allaħares ma jkunux huma sa mitt sena oħra, għax kontinent sħiħ isir deżert.  Ġnus sħaħ għad jisparixxu għax tbellhu wara d-drittijiet, meta l-Ħajja hi n-naħa l-oħra.  “Dawk li  jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla” (v. 8), jgħid San Pawl.  Jekk Alla hu l-Ħajja, kif tista’ togħġbu l-kultura tal-Mewt?

 

Imma hi possibbli Ħajja differenti minn dik materjali, mill-Ħajja li taraha b’għajnejk u tmissha b’idejk?  Il-Kelma ta’ Alla se tgħid: “Intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom.”  (v. 9).  Kif inkun naf li jien għandi l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fija?  Għandek għedewwa minħabba Kristu?  Għamilt għedewwa għax iddefendejt lil Kristu u l-Knisja tiegħu?  Għax il-Kelma tgħid: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.  Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha.”  (Ġw. 15, 18-19).  Mela, jekk b’xi mod int ippersegwitat għax qed tipprova timxi wara Kristu, u sikwit il-persekuzzjoni tibda minn tad-dar, allura fik qed jikber l-Ispirtu ta’ Dak li d-dinja bagħaditu qabel.

 

Aħna mdorrijin nitolbu għal ħafna grazzji, imma l-Grazzja l-kbira li żgur nitolbu li kieku għandna għajnejn biex jaraw hi li fina jikber l-Ispirtu s-Santu li hu Mħabba.  Dan hu l-fejqan ta’ kollox.  Dan hu s-sens tal-Ħajja.  Għax għandi nibża’ mill-Imħabba?  Għax għandi nibża’ li l-Imħabba ta’ Kristu tinvadini u tieħu l-kontrol ta’ Ħajti?  Għax m’għandix nifqa’ l-bieb ta’ ruħi biex jidħol Kristu u jagħmel li jrid bija, bħalma kien iħobb jgħid San Ġwanni Pawlu II liż-żgħażagħ?  X’għandi x’nitlef jekk nagħżel l-Imħabba?

 

Imma l-verità hi li l-biża’ jaħkimna u ma’ Alla rridu nibqgħu nikkalkulaw.  Dan għaliex għad hemm in-natura l-qadima, dik li twelidna biha, li ġejja minn Adam li ċappasha bid-dnub.  Aħna nitwieldu morda, u l-ewwel ħaġa li għamilna malli dħalna fid-dinja kienet li bdejna nwerżqu biex nerdgħu, biex nieħdu, biex ngħixu.

 

Kristu jgħidilna li rridu nitwieldu mill-ġdid.  Għalfejn dan?  Biex hu jkun jista’ jagħtina natura ġdida differenti minn dik ta’ Adam missierna.  Dan kollu hu mfisser fil-Magħmudija.  Inżilna ġol-ilma biex hemm tegħreq in-natura l-qadima.  Indfinna ma’ Kristu.  Fil-qabar, jien u int, in-natura midinba tagħna, kienet miegħu, għax Hu qatilha fuq is-salib.  Li kieku il-Magħmudija kellha tikber fina u ma tibqax żerriegħa midfuna fina taħt tant terrapien, kieku kienet tkun ħaġa ħafifa niġru għal wara Kristu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 8-11.

 

Ħuti: dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih  l-Ispirtu ta' Kristu, dan m'huwiex tiegħu.  

 

Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Evanġelju

 

Kristu huwa dak li jġorrna mill-Mewt għall-Ħajja.  Dan hu l-Għid.  Niċċelebraw l-Għid biex ngħixuh ma’ Kristu u miegħu ninġarru mill-Mewt għal Ħajja Ġdida.  Fil-Vanġelu se niltaqgħu mal-Adultera.  Kienet waħda mill-mejtin.  Anke dawk li akkużawha, nies tal-Knisja kemm tridhom, kienu mejtin.  Min jaf x’kiteb fl-art Kristu?!  Dawk li jemmnu fil-Liġi u jgħidu l-ħin kollu: “Għax hekk suppost!” dawn żgur se jkunu skandaliżżati minn Kristu.  Il-Liġi ma ssalvax lill-bniedem.  Tafu għaliex?  Għax is-suppost ħadd mhu kapaċi jwettqu.  Għalhekk ġie Kristu u tgħabba bil-meskinità u l-miżerja tagħna u għamilhom glorjużi. 

 

Dawk li jemmnu fil-Liġi jgħidulek li mhux suppost li jkun hawn id-dnub fid-dinja.  Dan kif Alla li jagħmel kollox sewwa jippermetti d-dnuib jinbet kullimkien bħall-ħaxix ħażin?  Ħafna tilfu l-Fidi f’Alla minħabba dan.  Imma tafu xi tkanta l-Knisja fil-lejl tal-Għid fil-kant glorjuż tal-“Exultet”?  Tkanta kliem tal-għaġeb: “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!  Xi ħtija hienja!”  Li kieku ma kienx għad-dnub, Alla ma kienx ikollu ċans juri kemm hi kbira Mħabbtu għalina.  Għax imbierka aħna jekk nindunaw li Alla jħobbna sal-mewt fuq is-salib mhux meta nkunu bravi u mingħalina tajbin, imma anke meta nidinbu, meta aħna għedewwa tiegħU.  Mhux għax iridna nkomplu nidinbu, bħalma se naraw fil-Vanġelu, għax ħadd daqsu ma jaf kemm profonda hi l-mewt li jsofru l-midinbin.  Imma l-għaxqa ta’ Alla hi li jġorr lill-midinbin/mejtin lejn il-Ħajja u hekk iwettaq l-Għid magħhom.  B’dan, Alla jifraħ iktar milli feraħ bil-ħolqien fl-ewwel għodwa.

 

Hekk feraħ Kristu, meta qam dritt u ra l-mara waħedha quddiemu.  “Ħadd minnhom ma kkundannak?  Mela anqas jien ma nikkundannak.” (Ġw. 8, 10-11).  Kemm jieħu gost jgħidhom dawn il-Kelmiet lilna! Imma jgħidilna wkoll, mhux bi kmand iżda bi tnehida, biex ma nidinbux iktar, biex ma mmutux iktar, biex ma nżidux ġrieħi interni iktar. 

 

Jekk irridu nkunu nafu x’inhu l-Għid, inħarsu lejn din il-mara.  Hi kienet mejta minn ġewwa, u kważi mejta bit-tħaġġir f’ġisimha.  Quddiem Kristu kienet qisha dak l-għadam li ra Eżekjel, għadam niexef bla ħajja fil-wied. Kristu jitqanqal quddiem l-uġigħ estrem tal-bniedem.  Hu mhux biss jaħfer, anzi, Hu jagħti Ħajtu għalina.  Ġa taha u li kieku kien possibbli jerġa jagħtiha.  Dik il-mara għexet l-Għid għax telqet minn hemm mibdula.  Kienet mejta, imma issa kienet Ħajja.  Kienet imwerwra, imma issa kienet mimlija eżultanza. Skopriet lil Alla.  Għall-ewwel darba ndunat li xi ħadd ħabbha. 

 

Din il-mara hi figura tal-Knisja.  Min hi l-Knisja?  Hi l-ġemgħa ta’ nies li daqu l-mewt, li kellhom daharhom mal-ħajt, imma ġie Kristu u ħatafhom minn idejhom u qalilhom: “Intom ejjew miegħi!  Oħorġu minn hawn!  Ejjew għixu għal dejjem miegħi!”

 

Qari mil-Evanġelju ta’ San Ġwann.  8, 1-11.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.  Imma l-għada qabel is-sebħ raġa' mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. 

 

Mbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs  u qalulu: "Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju.  Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?" Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b'sebgħu fit-trab.  Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: "Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla."  U raġa' tbaxxa jikteb fit-trab.  Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa' waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.  

 

Qam dritt u qalilha: "Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?"  "Ħadd, Sinjur," qaltlu. "Mela anqas jien ma nikkundannak," qalilha Ġesù. "Mur, u mil-llum 'il quddiem tidnibx iżjed."

 

Last Updated ( Saturday, 06 April 2019 )
 
< Prev   Next >