Din
hija il- Liturgija ta' Hadd il-Palm (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Bdejna l-Ġimgħa Mqaddsa li
twassalna biex bħala Knisja ta’ Fidi niċċelebraw xi ħaġa kbira u tal-għaġeb
għall-umanità kollha: ir-rebħa fuq il-Mewt, kull tip ta’ Mewt li tifni
l-bniedem. X’hemm f’Ħajtek li jdejqek,
li jisraqlek il-gost tal-Ħajja, li jnissik tant rigali u grazzji li
rċivejt. Tajjeb. Fuq dik il-ħaġa Kristu
ħareġ rebbieħ permezz tal-ubbidjenza u t-trijonf tiegħu fil-Misteru tal-Għid.
Imma jien għadni kif għidt
li hi l-Knisja ta’ Fidi biss li tista’ tiċċelebrah dan għax hu min kiber
fil-Fidi, min ma kienx kuntent bil-Fidi tal-katekiżmu taż-żgħar imma talab għal
aktar Fidi, huwa dan li jista’ jiċċelebra l-Velja glorjuża, il-lejl
tal-iljieli, għax anke hu daq qawmien minn Mewt għal Ħajja, minn dlam għal
Dawl, minn jasar għal Ħelsien. Kollox, kollox, kollox jiddependi mill-Fidi u
l-Fidi hi laqgħa ħajja ma’ Kristu li rebaħ il-Mewt.
Hemm ħafna Nsara li lanqas
biss jaħbtilhom ma’ moħħhom li jiċċelebraw din il-Liturġija qaddisa, ir-reġina tal-liturġiji
kollha. L-Għid hu biss skuża biex iduqu
l-eċċitament u l-istorbju tal-każini ta’ bil-lejl, bid-dwal skuri tagħhom li
jfakkru fid-dlamijiet tal-bniedem il-qadim.
Għax hemm Insara u Insara, sfortunatament. Hija l-Fidi li ġġegħelek tgħajjat u tkanta
mal-Knisja b’qalbek kollha: “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal
dan!” Għax il-Kristjaneżmu hi ġrajja,
esperjenza, laqgħa ma’ Alla. Jew għandek
din jew m’għandekx. Il-Għid hu
l-għarfien tiegħek innifsek; in-niżla tiegħek lejn l-għarfien tal-bniedem
il-qadim tiegħek, innamrat ma’ dak kollu li mhux Alla; il-ħerba li din
in-natura midinba għamlet minn Ħajjitna; mibegħda safja u qaddisa għal din
il-qagħda ta’ jasar; u stennija mbierka li, min jaf, għandu mnejn li f’dan
il-lejl Kristu se jgħarraq lil dan il-bniedem fl-ilmijiet u fl-aħħar
il-Magħmudija tagħna tilħaq il-milja tagħha.
X’ma tkantax il-Knisja: “Dan huwa l-Lejl li fih Kristu qered il-Mewt u
qam rebbieħ fuq is-setgħa tal-ħażen!”
Dan huwa l-Lejl li lilna
jlibbisna bl-ilbies irjali ta’ ulied is-Sultan. Imma kemm swejnielu lil Alla
din l-adozzjoni, din il-bidla fin-natura!
Kemm il-Missier, kemm l-Iben u kemm l-Ispirtu s-Santu li hu l-Imħabba
ta’ bejniethom, sofrew il-prezz qares tal-fidwa ta’ kull bniedem. Għal ħafna, din is-sofferenza kienet
għalxejn. Hemm min ma jemminx fiha. Hemm min, imbagħad, jemmen fit-tbatijiet ta’
Kristu imma xorta jibqa’ jtambar u jemmen li hu jrid ikun biex isalva ruħu u
hekk iwarrab is-Salib ta’ Kristu miċ-ċentru tas-salvazzjoni. Għall-kuntrarju,
l-Għid iħabbar ir-rebħa fuq il-Mewt li l-ebda bniedem ma seta’ qatt jakkwista
hu bl-isforzi tiegħu jew bl-intenzjonijiet tajba kollha tiegħu. Dawn jgħidulek: le, Kristu hu mportanti, dak
li rebaħ għalina hu mportanti, għax Hu jgħinna fid-dgħufija tagħna u fin-nuqqas
ta’ ħila tagħna.
Imma iktar minn importanti,
Kristu hu l-protagonist, hu Dak li jaħtafna minn idejna u joħroġna mill-qabar
tagħna u jagħtina Ħajja Ġdida bi Grazzja mhix mistħoqqa, jgħid u jgħid San
Pawl. Bħall-Ħalliel it-tajjeb wara
kollox. Kulma hu mitlub minna hu li
nemmnu u nemmnu tabilaqq f’din l-għotja bla prezz ta’ Kristu għalija, għalik u
għal kull wieħed minna.
Jien, lil Kristu, lil Alla,
swejtlu kenosi tal-biża’. “Kenosi” hi
kelma Griega li kienet tintuża ħafna fil-Knisja tal-bidu. Tfisser “niżla”; tneżżiħ mid-drittijiet u
mill-glorji; umiljazzjoni; minn raġel fl-aħjar tiegħu issir tifel ċkejken bla
stima, li jobdi, u li joqgħod fejn iqegħduh. Kristu kien Alla iżda tgħabba
b’laham bħal tagħna, b’natura miġbuda lejn id-dnub bħal tagħna, sar ilsir
bħalna, anzi agħar minna, ’l isfel iktar minna.
San Pawl għandu Innu kbir dwar il-Kenosi ta’ Kristu li se nisimgħuh
fit-Tiieni Qari.
Forsi qatt ma tajna kas,
imma dan kollu hu miġbur fil-Magħmudija tagħna.
Anzi l-Velja tal-Għid hi xbiha tal-Magħmudija, bħalma l-Magħmudija hi
kopja tal-Għid. L-Għid mhux jum wieħed
biss, iżda ġimgħa sħiħa. L-Għid huwa
niżla ’l isfel, kenosi profonda sal-qiegħ tat-tbatija li hi frott id-dnub. Hemm issaltan il-Mewt, kemm dik fiżika kif
ukoll dik ontika, jiġifieri tant tipi ta’ mwiet li huma l-inkwiet u l-beżgħat
tal-Ħajja. Imma hemm isfel, meta kollox
jidher mitluf, isseħħ l-isplużjoni epokali tal-Qawmien. Din hi l-esperjenza tal-Għid. Mogħdija mill-vistu għall-Festa.
Dan kollu iseħħ taħt xbihat
fil-Battisteru. In-Nisrani l-ġdid
jitniżżel ġol-ilmijiet fejn għerqu ż-żwiemel u r-rikkieba tal-Fargħun, hemm
tmut in-natura li biha jkun twieled, u minn hemm, minn ġol-qiegħan, jittella’
’l fuq, hekk kif Kristu ttella’ mill-Missier, Bniedem Ġdid b’natura ġdida, natura
li kapaċi tagħel ir-Rieda tal-Missier.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum tenfasiżża ħafna din il-Kenosi, in-niżla ta’ Kristu. Illum nistgħu insejħulu wkoll Ħadd
il-Passjoni tal-Mulej għax il-Knisja tipproklama mal-knejjes tad-dinja kollha u
f’kull post fejn jiltaqgħu l-Insara, il-Passjoni tal-Mulej. Dan ir-rakkont joħroġ mill-fomm u jidwi
mal-erbat irjieħ tad-dinja, biex id-dinja ma tinsa qatt l-aktar mument
importanti tal-Istorja.
L-Ewwel Qari
Hu xieraq li matul din
il-Ġimgħa nisimgħu iktar minn darba siltiet mill-erba’ poeżiji ta’ Isaija dwar
il-Qaddej ta’ Jahweh. Isaija kiteb sekli
qabel Kristu dwar dan il-Qaddej misterjuż li hu bħal Ħaruf, ubbidjenti għal
kollox quddiem l-Istorja li Alla tah.
Imma l-poplu kollu ħasbu mxajtan, bniedem li ħaqqu l-Mewt għaliex hu
kien qal lill-poplu l-verità li kien sema’ mingħand Alla. Huma ħassew kliemu iniggiżhom, joqtolhom u
mtlew b’korla u mibegħda kontrih. Ħaqqruh
u hu qagħad għalihom bla ma fetaħ fommu.
Huma ħasbu li kienu qed jagħmlu r-Rieda ta’ Alla li jqaċċtuh minn art
il-ħajjin, u hekk għamlu. Huma ferħu lil xulxin għal dan l-għemil feroċi
tagħhom.
Ma ndunawx, igħid
il-profeta, ma ndunawx li Hu kien qed ibati u jmut minflokhom. Fuqu kien hemm it-toqol tad-dnubiet tagħhom u
bla ma ndunaw kienu qed iwettqu eżatt ir-rit antik tal-Yom Kippur, Jum
il-Maħfra, meta kienu jġibu bodbod, iqegħduh fin-nofs u l-qassis ipoġġi jdejh
fuq rasu waqt li jintona talba biex id-dnubiet kollha li l-poplu kien wettaq
jinżlu fuq dan l-imsejken bodbod, u kienu joqtluh biex hekk jinqatlu d-dnubiet
kollha miegħu. Dan ir-rit kien ordnat
minn Mosè għax qallu Alla biex jagħmlu.
Imma Mosè ma kienx jaf li
kellu jasal il-waqt li jinżel Alla nnifsu minflok il-bodbod biex jagħti fidwa u
salvazzjoni vera lil dawk li kien qed joqtluh.
Huma kaxkru magħhom lill-Ħaruf, li mar magħhom, innoċenti u ubbidjenti,
biex imut għalihom ħalli d-dnub tagħhom ma jirnexxilux itellifhom mill-Ħajja
ta’ Dejjem.
Mhux ta’ b’xejn li Romano
il-Melodi, kittieb l-innijiet fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, jimmaġina, f’innu
minnhom, lil Omm Ġesù, li bħal nagħġa hi tħares imbeżża’ lejn dawk li ħatfulha
il-Ħaruf ċkejken tagħha għall-qatla, u hi tiġri għal warajhom u tistaqsi
mifnija min-niket: “Fejn se jeħduk iben tiegħi?
Kif se tispiċċa hekk malajr il-ħajja tiegħek? Kellimni, tibqax għaddej nitolbok, bla ma
tkellimni, iben tiegħi!”
U hu jweġibha: “Għaliex
tibki, għaliex tibki Omm tiegħi?
Forsi m’għandix insofri? Forsi m’għandix immut? U mbagħad kif se nsalva lil Adam? Kif se tkun tista’ tara lil Eva li tiġi lura
għall-Ħajja?”
Imma dan il-Qaddej, li hu
Ġesù, għandu fiduċja fil-Missier. U ċekken lilu nnifsu u sar żgħir bħal tfajjel
ta’ erba’ snin, li jiġri x’jiġri madwaru, jibqa’ jafda għax maġenbu hemm
Missieru.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija. 50, 4-7
Ritornell: Alla tiegħi, Alla tiegħi,
għaliex tlaqtni?
Sidi l-Mulej tani lsien ta' wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b'xi kelma.
Ta' kull filgħodu jqajjimli 'l widinti,
biex nisma' bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq,
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Salm Responsorjali
Fil-qiegħ nett Kristu
jitlob lil Missieru: “Eli, Eli, lema sabachtani? Alla tiegħi, Alla tiegħi, lili, għaliex
tlaqtni?” Huma l-ewwel versi ta’ Salm 22
li Ġesù lissen fuq is-Salib hekk kif ħass il-Mewt toqrob sew. Huwa Salm
Messjaniku għax hu profetiku dwar it-tbatijiet ta’ Ġesù, tant li jiddiskrivi
b’mod li jgħaġġbek xi wħud mis-sofferenzi ta’ Ġesù. F’din il-Liturġija se jinqara ftit minnu għax
hu pjuttost Salm twil daqsxejn, imma għalkemm jiddiskrivi t-tbatija tal-Qaddej
ta’ Alla, xorta jibqa’ Salm Paskwali, Salm tal-Għid, għax jispiċċa b’mod
meraviljuż mimli Tama, anzi mimli Ferħ għax il-Qaddej li qed ibati jħoss li
jagħmlulu x’jagħmlulu n-nies, ħadd ma kien jista’ għalih għax Missieru kien
miegħU.
Għandna x’naħsbu li
għalkemm Kristu għajjat l-ewwel vers ta’ dan is-Salm, hu spiċċa biex kompla
jitlob is-Salm kollu, u għalhekk spiċċa jfaħħar lil Alla u jkantalu għax dewqu,
bit-Tama ħajja, xi ftit mit-trijonf tal-Qawmien li kien riesaq. Anzi s-Salm jispiċċa biex jgħid fl-aħħar vers
li dan kollu, il-Misteru tal-Għid kollu, id-dippressjoni fil-Ġnien, il-Passjoni
kollha moħqrija, is-Salib u l-Mewt, kif ukoll il-Qawmien li kien ġej, dan kollu
għamlu l-Mulej, il-Missier! Fil-mumenti
tal-agunija tiegħu, Ġesù jiġi mdawwal kompletament u jinduna li s-Salib kien
it-Tron tiegħu, li l-merti eterni tal-ubbidjenza tiegħu kienu se jitlibbsu
bihom miljuni ta’ aħwa li kellhom jemmnu fih.
Għal Kristu msallab, dan kien is-Sliem.
Salm 22
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
"F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista' ngħodd għadmi kollu.
Ħwejġi jaqsmu bejniethom;
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni!
Nxandar ismek lil ħuti;
nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.
It-Tieni Qari
Diġa semmejna li llum San
Pawl se jagħtina Innu li jiddiskrivi n-niżla ta’ Kristu li hu l-Qaddej ta’
Alla. Kif se taraw, dan hu Innu Paskwali, tal-Għid, għax fih hemm niżla’
sal-qiegħ nett, imma mbagħad hemm qawmien, rebħa li qajla titwemmen. Kristu kien qed jirrappreżenta l-bniedem
f’dan kollu. L-Istorja tiegħu bħala Ġesù ta’ Nazaret, kienet
eżatti dik tal-bniedem li fil-bidu kien ħaġa waħda ma’ Alla, sid l-univers,
kbir fl-innoċenza tiegħu, mimli gratitudni lejn min sawru. Imma bid-dnub, il-bniedem għamel kenosi; ġie
maħtuf ’l isfel qisu ġo xi “black ħole” eżistenzjali, sar ilsir tan-natura
mwaqqa’ tiegħu li tbeżżgħu, tagħmlu egoista, inkapaċi li jħobb bla
kalkoli. Kristu niżel warajh
ifittxu.
L-Insara tal-Orjent
għandhom innu sabiħ dwar dan li fost l-oħrajn jgħid li Kristu niżel mill-għoli
biex ifittex lil Adam u meta ma sabux fuq l-art, niżel iktar ’l isfel sa ma
sabu fix-Xegħol minn fejn ħarġu ’l barra lejn il-Ħajja li kien tilef. U hekk il-Qawmien u t-Trijonf ta’ Kristu jsir
il-Qawmien u t-Trijonf ta’ Adam, ta’ kull bniedem.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
lill-Filippin. 2, 6-11
Hu li għad li kellu
n-natura ta' Alla, ma qagħadx
ifittex tiegħu li hu daqs
Alla,
iżda xejjen lilu
nnifsu
billi ħa n-natura ta'
lsir;
sar jixbah lill-bnedmin,
u deher minn barra bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi
obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh
sas-smewwiet
u żejjnu bl-Isem li hu fuq
kull isem,
biex fl-isem ta' Ġesù
- fis-sema, fl-art u f'qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
"Ġesù Kristu hu
l-Mulej,
għall-glorja ta' Alla
l-Missier."
Evanġelju
F’dan il-jum liturġiku li hu tant importanti
għall-Insara, il-Knisja tipproklama “l-Passju”, ir-rakkont tal-Passjoni u
l-Mewt tal-Mulej tagħna. Din is-sena l-Passju hu meħud mill-Vanġelu ta’ San
Luqa u aħna għażilna parti minnu, dik li għandha x’taqsam mat-tbatija kbira ta’
Kristu ġewwa l-Ort tal-Ġetsemani.
Tkellimna ħafna fuq
il-Kenosi, in-niżla li ġarrab Kristu, mill-Glorja ta’ Alla sal-Mewt ħarxa fuq
is-Salib, Hu li kien l-għajn tal-Ħajja għall-Ħolqien kollu. Id-Dawl li jdawwal l-univers ġie megħlub
mid-dlam, ħalla lilu nnifsu jkun maħtuf ġod-dlam għax kien qed iseħħ Pjan
Misterjuż tal-Missier, maħsub minn qabel ma nħalqet id-dinja.
Irridu nżommu f’moħħna li d-divinità
ta’ Kristu kienet bħal moħbija taħt ir-rejaltà soffokanti tal-laħam bħal tagħna
li Alla libes f’Ġesù ta’ Nazaret, bin Marija.
Għalih bħala bniedem, il-Fidi, il-fiduċja fil-Missier kienet l-unika
Tama li magħha kien iggranfat. Iktar
kemm kiber fl-ambjent protett ta’ dar Marija u Ġużeppi, iktar beda jinfetaħ
quddiemu u jiċċara l-Pjan enormi tal-Missier għalih u li fuqu kien jitkellem
it-Testment l-Antik u l-esperjenza ta’ Iżrael kollha.
Dan il-Pjan kien jitlaq
mill-punt terribbli li r-razza umana, il-bnedmin kollha kienu mitlufa, miktuba
għall-qerda għax il-Ħajja għal Dejjem kellha isem: “il-Qdusija” u n-natura
tal-ġens tal-bniedem kienet mardet għall-mewt bid-dnub ta’ Adam. Hawn ma kinitx tidħol il-Maħfra u mhix
Maħfra! Il-bniedem kien miet. Mhix kwistjoni morali din, imma eżistenzjali
ħafna. Kull bniedem, meta jitnissel
f’ġuf ommu, jirċievi n-natura umana li f’Adam saret mortali, tmut. Fil-ħolqien daħlet xi ħaġa li għall-ewwel
kienet stramba imma li għalina saret ħaġa waħda mal-eżistenza tagħna:
“iż-żmien”. Issa kien hemm bidu u tmiem,
meta qabel kollox kien bla tmiem, maħluq mill-Imħabba eterna li hi Alla. Iż-żmien iwerwer lill-bniedem u jġagħlu
jiddefendi ruħu bid-dnub. Sab ruħu
fiċ-ċirku vizzjuż: id-dnub qatel il-bniedem, u l-biża’ tal-Mewt jimbuttaħ biex
jidneb iktar, bħalma se nisimgħu li ġralu Pietru, miskin. Quddiem il-biża’ aħna lkoll niċħdu lil Kristu
u nidinbu.
F’din il-qagħda ta’ jasar,
Alla dejjem ħafer dnub il-bniedem, l-għażliet żbaljati li, ngħiduha kif inhi,
kien impossibbli għalih li ma jagħmilx.
Għalhekk li quddiem Alla hu ikrah immens l-ġudizzju li ngħaddu fuq
xulxin. Imma l-Maħfra ma kinitx
biżżejjed biex issalva lill-bniedem.
Kienet issaffih mill-għemil kontra l-morali, imma hemm kien jerġa’ jaqa’
għax kellu natura miżżewġa mal-Mewt.
Hawn daħal il-Pjan enormi tal-Missier.
Kien hemm bżonn li l-bniedem jegħleb u jeqred il-kawża tad-dnub li hi
l-Mewt. Il-bniedem kellu bżonn jidħol
fil-Mewt, jitqabad magħha u kif rebħitu hi fil-Ġnien tal-Għeden, jirbaħha hu,
issa.
Imma quddiem din
il-muntanja mmensa, il-profeti u n-nies ġusti kollha bkew u taw fuq sidirhom
għax kienu jafu li l-Mewt kienet tissupera kull maħluq, bhima, pjanta u
bniedem. Wieħed biss kien ikbar
mill-Mewt. Wieħed biss ma setgħax
jinegħleb minnha, u dan kien Alla.
Għalhekk minn dejjem beda jinħadem dan il-Pjan kollu Mħabba li Alla
nnifsu jinżel fuq din il-pjaneta, jilbes ġisem bħal tagħna, biex bħala bniedem
jidħol fil-Mewt u jsir il-velenu tagħha li jeqridha.
Dan kien dak li mbotta lil
Kristu jirrepeti ħafna drabi li hu kien ġie fid-dinja għal siegħa waħda. Dan hu
l-Misteru tal-Għid: il-qerda tal-Mewt biex terġa’ tfeġġ għall-bniedem il-Ħajja
ta’ Dejjem. L-esperjenza twila ta’ Alla
li għex il-ġens Lhudi hija mimlija xbihat, xenarji, sitwazzjonijiet, ġrajjiet
li kienu jippuntaw lejn din l-għotja ta’ Alla, l-għotja finali tiegħU, it-telqa
ta’ Alla nnifsu f’dak li hu l-iktar ikrah, li hu l-Mewt. Kulma ħalaq Alla kien sabiħ u perfett, imma
ma setax ma joħolqux ħieles, u dan il-ħelsien irvinalu kollox għax kollox marad
bil-Mewt, frott l-għażla ħażina tal-ħolqien.
Alla kien jaf li dan kollu kien se jiġri, u meta ħalaq kollox kien jaf
li hu kellu jagħmel Epifanija, Wirja tal-Imħabba tiegħU sal-punt li Hu, li kien
il-Ħajja u l-Ħallieq tal-Ħajja, jinżel sa ġo qabar.
Dan kollu kien qed idur
madwar Kristu-bniedem, Ġesù ta’ Nazaret, Hu u dieħel fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Hawn min jgħid li hawn ġarrab l-ikbar tbatija
tiegħU. Aħna lkoll ngħaddu, b’mod
ċkejken ħafna, minn qagħdiet bħal din.
Tkun riesqa prova kbira ħafna u taqbadna tensjoni tal-biża’
quddiemha, jegħlibna d-dlam. Inħossuna li tlifna l-kontroll ta’
kollox. Il-prova tidher impossibbli li
tintrebaħ. X’ħin tgħaddi din is-siegħa,
imbagħad, u tibda l-prova vera, il-bniedem jirċievi saħħa biex jidħol fiha,
biex jitqabad, iqum fuq tiegħu. Id-dlam
ikun għadda u fis-siegħa tal-prova ħafna drabi nħossuna aħjar minn f’dik
is-siegħa ta’ qabel, ta’ solitudni mmensa, tistenna li jasal il-ħin li jwerwer. L-aktar li batih dan kien Kristu
fil-Ġetsemani, minħabba fina.
It-taqbida psikoloġika ta’
Ġesù kienet hekk terribbli anke għax Hu kien ħieles li jaħrab. Kien jaf li l-Mewt kienet madwaru, imma
l-għadu kien għadu ma ġiex, il-bibien tal-Ġnien kienu miftuħa, ħbiebu kienu
għadhom miegħu. Kelma waħda, u kienu
jitilqu b’ħeffa minn hemm u, bħal tant drabi oħra, kien jaħrab u jinħebba. Imma Ġesù, kien ħieles u ma kienx, għax
l-Imħabba enormi li kienet taqbad f’qalbu għal kull bniedem, anke għal kull
għadu, żammitu hemm fejn kien, siegħa, sagħtejn, tlieta.
Imbagħad qam minn fejn
kien. Id-dlam kien għadda. Missieru bagħatlU l-għajnuna. It-tentazzjoni tilfet saħħitha, u Ġesù jqum
fuq tiegħu u, kif jiddiskrivi San Ġwann fir-rakkont tiegħu tal-Passjoni, Hu
jersaq lejn il-Mewt qisu Sultan riesaq glorjuż u ċert mir-rebħa tiegħu.
Hu li ma kellux ħtija, u
ma kienx jaf x’inhu dnub, tgħabba bil-ġdiem tan- natura umana, anzi sar “Dnub”
għalina; kien miksi kollu kemm hu bid-Dnub.
Ratu l-Liġi tal-Qdusija u tbellhet quddiemu għax qatt ma kienet rat
bniedem kollu dnubiet bħal dan u hi għajtet, flimkien mal-kotra:
“Għall-Mewt!” Sa hawn niżel Alla,
għalija u għalik.
Imma dan kollu għandu
jnissel ferħ għalina. Ir-rakkont
tal-Passju għandu jnissel ferħ fina għax hu reklam ħaj tal-Imħabba li kull
bniedem hu maħbub biha minn Dak li ħalqu.
Mela kemm aħna għeżież, kemm aħna mportanti, kemm aħna tassew il-mimmi
t’għajn Dak li jista’ kollox, biex Hu niżel sa qiegħ hekk baxx fejn l-ebda
bniedem qatt ma niżel? X’hemm sabiħ lest
għalina li stħaqqlu tbatija enormi bħal din?
Qari ta’ silta mill-“Passju”
skont San Luqa. 22, 39-62.
Mbagħad ħareġ u mar
bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru
miegħu. Kif wasal hemmhekk qalilhom: "Itolbu li ma tidħlux
fit-tiġrib."
Mbagħad tbiegħed minnhom
daqs tefgħa ta' ġebla, u nxteħet għarkubbtejh jitlob u jgħid:
"Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula
r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi." Deherlu anġlu mis-sema biex
jagħmillu l-qalb, imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob
b'ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa
l-art. Mbagħad
qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta'
qalb. "Kif!" qalilhom "Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma
tidħlux fit-tiġrib!"
Kif kien għadu jitkellem,
waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan
resaq lejn Ġesù biex ibusu. Imma Ġesù qallu: "Bewsa għażilt,
Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?" Dawk ta' madwaru,
meta raw x'kien ġej, qalulu: "Mulej, tridx nagħtu
bis-sejf?" U wieħed minnhom ta daqqa ta' sejf lill-qaddej
tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Imma Ġesù
qal: "Ieqfu! Biżżejjed!" U messlu widintu u fejjqu.
Mbagħad Ġesù qal
lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih:
"Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u
l-bsaten! Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux
idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa
tad-dlamijiet!"
Mbagħad qabdu lil Ġesù u
ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa'
miexi warajhom mill-bogħod. Meta mbagħad qabbdu
n-nar f'nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad
bilqiegħda f'nofshom. Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar,
ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: "Dan ukoll kien
miegħu!" Iżda hu ċaħad u qalilha: "Mara, anqas biss
nafu!" Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: "Int ukoll
wieħed minnhom." Imma Pietru wieġbu: "Le, sieħeb, m'iniex!"
Għaddiet xi siegħa u raġa' kien hemm ieħor li
beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll
mill-Galilija." Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid,
sieħeb." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk
idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma
li l-Mulej kien qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni
tliet darbiet.' U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma.
|