Wednesday, 26 June 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-GHID IL-KBIR TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET (2019) IR-REBHA TAD-DAWL FUQ ID-DLAM.
L-GHID IL-KBIR TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET (2019) IR-REBHA TAD-DAWL FUQ ID-DLAM. PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 April 2019

Din hija il- Liturgija ta'  L-GĦID IL-KBIR TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET (2019) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

resurrection-of-christ-1.jpg

 

Wasalna, bi Grazzja, biex niċċelebraw l-Għid il-Kbir tal-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej tagħna.  Bħalma għidna diversi drabi, il-Misteru tal-Għid mhux biss il-Qawmien ta’ Kristu imma hu l-ġabra flimkien tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej.  Għax m’hemmx Qawmien mingħajr Mewt, bħalma m’hemmx Dawl mingħajr id-Dlam, m’hemmx Jum mingħajr il-Lejl.  Anzi l-Ġimgħa Mqaddsa kollha tagħmel parti mill-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u fil-bidu tagħha, fil-Vanġelu ta’ San Ġwann, insibu lil Ġesù jitniehed bit-tensjoni umana li bdiet iddallamlu ruħu meta qal: “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda.  U x’naqbad ngħid?  Missier, eħlisni minn din is-siegħa?  Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.”  (Ġw. 12, 27).

 

Hu mportanti li nsostnu dan għax l-Għid sħiħ ta’ Kristu jitfa’ Dawl qawwi fuq tant Għidijiet żgħar li kull bniedem jgħix: tant tensjonijiet, tbatija, inkwiet, inġustizzji, moħqrija... li kollha jibqgħu imdallmin u ta’ skandlu jekk ma jkunux imdawlin mill-esperjenza ta’ Alla nnifsu f’Ġesù l-Imgħallem tagħna.  Kristu jidħol fil-Mewt li twerwer lill-bniedem biex jurina li l-Mewt hi gidba li żeragħha f’moħħ il-bniedem l-għadu tiegħu.  Hu ġie mibgħut mill-Missier biex jidħol fil-Mewt, kull tip ta’ Mewt, mhux dik fiżika biss, biex jixhed lill-bniedem agħma li l-Mewt qatt u qatt ma hi l-aħħar kelma.  Il-lejl qatt mhu l-aħħar kelma.  Id-dlam qatt mhu l-aħħar kelma.  Il-Mewt hi biss mogħdija għal Qawmien u dan tixhdu l-Istorja tagħna.  Minn kemm esperjenzi li dehru negattivi u ta’ twegħir għaddejna f’Ħajjitna.  Kollha heddewna u mlewna b’tensjoni, imma minn kollha ħariġna l-Mulej.  Anke n-natura tixhed li l-lejl jieħu lejn iż-żerniq; ix-xitwa lejn ir-rebbiegħa, id-dlam jimbotta biex jinxtegħel dawl, ħabba tal-qamħ li tmut taħt il-ħamrija, tnibbet frott ġdid u kotran.  Il-Ħajja tirbaħ fuq il-Mewt.  Dan hu d-Dawl Nisrani.  Din hi l-Fidi ta’ dawk li jemmnu li Ġesù ġie lura miċ-ċimiterju u li l-Ħajja li nieda fuq l-art tegħleb il-konsegwenzi anke tal-Mewt ta’ ġisimna.

 

L-Għid hu l-ikbar festa tal-Knisja, anzi, hu il-Festa tal-Knisja, u l-ġemgħa tal-Fidi tant tgħix dan il-mument b’intensità li l-Hallelujah tal-Għid jibqa’ jidwi matul is-sena kollha, fil-Liturġiji kollha tal-Knisja, u l-kalendarju jwieġeb għal dan billi kull sebat ijiem, f’Jum il-Ħadd, jimmarka mill-ġdid l-Għid tal-Mulej Ġesù.  Il-Ħadd huwa waqfa mix-xogħol biex aħna li nemmnu nerġgħu ngħixu bħala Memorjal dejjiemi l-Opra enormi u stupenda li Kristu wettaq biex jagħtina ħelsien u jagħmel li nkunu nistgħu nimxu fuq il-baħar tal-inkwiet u l-hemm.

 

U l-mument l-iktar importanti tal-Għid huwa l-Velja tiegħu li ssir matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd.  Il-Konċilju u tant studjużi tal-istorja liturġika skoprew li l-Knisja minn dejjem kienet tiċċelebra l-Għid matul il-lejl, bħala Iżrael kien jiċċelebrah, u kif Kristu ċċelebrah fl-aħħar Ċena.  Matul is-snin tilfet ħafna mill-importanza tagħha tant li waqt li l-Ġimgħa l-Kbira dejjem baqgħet tkun iċċelebrata bil-kbir, kien hemm żmien meta l-Għid kien jiġi ċċelebrat is-Sibt filgħodu!  Tal-għaġeb kif bil-mod il-mod il-bniedem idaħħal użanzi li jbegħduh minn dak li hu bażiku, ċentrali, importanti.  L-Isqof tagħna stess għadu kif qal f’Ħadd il-Palm li mlejna l-Ġimgħa Mqaddsa b’ħafna folkore u drawwiet li iktar jaljenawna milli jikkonċentrawna fuq dak li hu l-qofol ta’ dan il-Misteru.

 

F’dawn l-aħħar snin il-Knisja lokali qed tagħmel sforzi kbar biex nerġgħu lura lejn dak li hu d-Dawl enormi tal-Velja tal-Għid li, kif għidna, tgħattiet b’tant velijiet li tappnu d-Dawl tagħha.  Ma jistax ikun hemm Nisrani li ma jkunx preżenti lejn din iċ-ċelebrazzjoni li, wara kollox, titkellem il-ħin kollu fuq Ħajtu u mhux fuq l-esperjenza ta’ Kristu biss.  Issa hija l-Knisja li tgħix l-Għid, u l-Knisja hija jien u int.

 

Il-lejl hu mimli simboli li għandhom ikellmuna b’qawwa.  Kollox jibda biċ-ċelebrazzjoni tan-Nar qaddis li minnu jinxtegħel il-Blandun sabiħ li hu sinjal ta’ Kristu.  Il-knisja tkun midfuna fid-dlam u dan id-dlam hu sinjal importanti wkoll.  Huwa l-qagħda li sikwit insibu ruħna aħna fiha.  Fid-dlam int ma tara lil ħadd, lanqas lil ta’ ħdejk, imma tħoss in-nifs tiegħek dieħel u ħiereġ.  Meta nkunu għaddejjin minn xi kriżi, ninagħlqu fina nfusna u, umanament, ma jkollna moħħ ħadd u m’għandniex saħħa naħsbu fuq l-inkwiet ta’ ħaddieħor, aħseb u ara ngħinuh.  Kemm drabi nħossuna ċ-ċentru tal-univers, bi ħsibijietna totalment iffokati fuqna nfusna.  Din hi mewt, għax il-Ħajja hi, u din hi sorpriża enormi, il-Ħajja hi li tagħder lill-ieħor u tgħinu b’saħħtek kollha.

 

Imma ekku, d-dlam tal-lejl jinkiser b’Dawl inemnem, id-Dawl tal-Blandun!  Ġo ġnien barra s-swar ta’ Ġerusalemm blata nqalbet ’il barra mill-bokka ta’ qabar u Bniedem, il-Bniedem ħareġ glorjuż mimli Ħajja Ġdida li ma tintemmx u minn din il-Ħajja kellhom jiddakkru tant miljuni ta’ nies li emmnu u rċivew l-istess Spirtu.  Hekk il-Blandun ma jibqax waħdu imma minnu jinxtegħlu mijiet ta’ xema’ żgħar u d-Dawl tal-Fidi jdawwal il-bini tal-knisja.  Min tassew jifhem dan is-sinjal iħossu jimtela’ bil-ferħ quddiem din ix-xena meraviljuża.  Ara kif id-dlam tal-Ħajja, tal-inkwiet, tal-mard, tal-Mewt jintrebaħ mid-Dawl tal-Fidi.  Fid-dlam jidher id-Dawl li jħarrab id-dlam.  Dan jiġri fil-Ħajja ta’ min tassew jemmen li kollox fih sens meta hu mdawwal bid-Dawl ta’ Kristu mqajjem fuq kull tip ta’ Mewt.

 

Il-qari mill-Iskrittura hu abbundanti f’dan il-lejl u hu Kelma tassew profetika għax il-ħin kollu jkellimna fuq l-Istorja tagħna.  Illum tlifna s-smigħa.  Sirna poplu li għalih hu diffiċli jisma’.  Mhux li kien li l-Mulej, f’dan il-Lejl Qaddis, jagħtina r-rigal tas-smigħ waqt il-proklamazzjoni tal-Qari.  Kollu jitkellem fuq qagħdiet ta’ dlam u jasar... jgħaddi l-Mulej u jġorr miegħu lil dawk li huma fidili lejH; iġorrhom lejn id-Dawl u l-Ħelsien.

 

Imbagħad hemm is-Sagrament tal-Magħmudija li hi ċentrali għal dan il-Lejl.  Il-Magħmudija mhi xejn ħlief l-Għid ta’ Kristu ingastat fl-ispirtu tal-imgħammed.  Dan jidher ferm aktar ċar meta l-Magħmudija ssir bl-immersjoni.  Il-Magħmudija, u dan għidnih ħafna ħafna drabi, hi Sagrament enormi li, jaħasra, hu moħbi minn għajnejna għax għaddejna minn żmien twil ta’ dekadenza liturġika u hemm għana kbir li tlifnih u hu diffiċli terġa tirkoprih.  Bħalma Iżrael niżel ġol-Baħar tal-Qasab li nferaq quddiem imma għerreq l-għedewwa tiegħu, hekk jiġri fil-Magħmdudija.  Il-kandidat li jista’ jkun tarbija jew adult, jitniżżel taħt l-ilmijiet biex hemm tinqatel in-natura midinba u għadu ta’ Alla li biha twieled u jitgħolla ’l fuq bniedem imwieled mill-ġdid, b’natura skont Alla, kapaċi jwettaq ir-Rieda tiegħu.  Din hija l-Mogħdija tal-Mulej!  Dan li qed ngħidu, u ħafna iktar ukoll, jinżera f’dak il-mument tar-rit tas-Sagrament, jinżera bħala żerriegħa fina li hemm bżonn nikkurawha biex tikber u ssir siġra li tagħti frott għall-Ħajja ta’ Dejjem.

 

Ngħaddu biex nikkummentaw xi ftit fuq tlieta mill-qari abbundanti, disa’ qari b’kollox, li jiffurmaw parti mil-Liturġija tal-Kelma.

 

It-Tieni Qari

 

Wara li nkunu smajna r-rakkont meraviljuż tal-Ħolqien ta’ kollox ngħaddu għat-Tieni Qari.  Imma qabel xejn, tolqotni l-frażi li tirrepeti ruħha fl-Ewwel Qari: “Dalam u sebaħ”.  L-ewwel dalam u mbagħad sebaħ l-ewwel jum, it-tieni jum, eċċ.  Infatti għal-Lhud il-jum ibda filgħaxija ma’ nżul ix-xemx u l-ewwel ikun hemm il-lejl u wara d-dawl ta’ bin-nhar.  Il-Knisja baqgħet iżżomm din is-sistema fil-Liturġija tagħha; festa tibda minn filgħaxija tal-ġurnata ta’ qabel ma’ nżul ix-xemx.  Importanti dan għax turi li f’Ħajjitna dejjem hekk: l-ewwel il-bniedem jidħol f’dalma tal-ispirtu qabel ma jiddi fuqu d-Dawl tal-ħelsien mill-inkwiet li jkun qed ikiddu.  L-ewwel id-dlam, imbagħad id-Dawl.  L-ewwel il-lejl, imbagħad il-Jum.

 

It-Tieni qari jitkellem fuq Abraham.  Il-Fidi hi Mixja u Abraham hu Missierna fil-Fidi.  Hu kiber fil-Fidi bi proċess, b’mixja ta’ Ħajja li għaddietu minn ħafna sitwazzjonijiet li kollha għenuh jinduna li Alla jeżisti, li hu Missieru, u li kollox jispiċċa tajjeb għax Alla hu Mħabba.  Imma l-Fidi tikber b’ħafna provi u aħna lkoll nibżgħu mill-provi.  Kif għidna: l-ewwel id-dlam, imbagħad id-Dawl.  U huwa Alla nnifsu li jdaħħalna fid-Dlam, imma b’intenzjoni pożittiva, biex nikbru fil-Fidi u nidraw nemmnu li m’hemmx Dlam hekk qawwi li ma jiġix imdawwal mill-intervent tal-Imħabba li hi Alla.

 

F’dan is-sens l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex jidħol fid-Dlam tat-tiġrib, biex jissaħħaħ u jimmatura.  Abraham kien ilu miexi fil-Fidi imma kien għadu ma laħaqx il-milja tagħha.  Mhux faċli tpoġġi lil Alla l-ewwel u qabel kollox.  Abraham kien iħobb lil Alla imma issa kellu lil Iżakk ibnu, l-iben li dejjem xtaq u hawn il-Fidi tiegħu ixxenglet ftit għax Iżakk sar iċ-ċentru ta’ Ħajtu.  Bla ma kien jaf Abraham kien dallam kollox għax il-Ħajja dejjiema ma tiġix minn ibnek jew martek, jew flusek, jew saħħtek, imma minn Alla u minnu biss.  U Alla ma riedx li ħabibu jitqarraq.  U qallu biex imur  joqtol lil ibnu bħala sagrifiċċju lil Alla!  Dan jiskandaliżża lil ħafna li ma jifhmux u ma jinteressahomx il-proċess tal-Fidi li Alla jgħaddi minnu lill-magħżulin tiegħu.

 

Abraham jidħol fil-lejl tal-ġenn. Il-Ġetsemani tiegħu. Li kieku qagħad fejn kien, bħalma bdiet twissih ir-raġuni, kieku llum, fuq ħamest elef sena wara, m’aħniex nitkellmu fuq dan il-bniedem.  Kieku kien jintesa ma’ mewtu.  Wara kollox hu kien għex u ġab tifel fid-dinja... bħal tant u tant oħrajn.  Imma Alla ma jissaportix lil Abraham iċekken lil Ħajtu għall-qies ta’ tifel, imma ried li fih jitwettqu l-wegħdiet li kien għamillu.  Alla kellu Pjan bil-wisq iktar għani u kbir għalih.  U dan jgħodd għalina lkoll għax anke aħna rridu nċekknu ħajjitna għal ftit frugħat tad-dinja u jekk jista’ jkun ma nidħlu fl-ebda lejl mudlam ta’ prova li tista’ tiftħilna orizzonti ġodda fl-Istorja tagħna.

 

Abraham fada f’Alla u l-għada telaq ma’ ibnu.  U San Pawl jgħid:  “Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus.”  (Rum. 4, 18).  U l-Ittra lil-Lhud tgħidilna li “Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.”  (Lhud 11,19). 

 

X’ħin Abraham għolla s-sikina fuq ibnu, il-Fidi fuq din l-art laħqet quċċata li qatt ma kienet intlaħqet qabel, u rari ħafna wara.  Din kienet il-Passjoni ta’ Abraham.  Imma dan hu mument Paskwali, tal-Għid, għax il-Mewt żgur li ma kinitx l-aħħar Kelma.  Abraham niżel ma’ ibnu ’l isfel ferħan se jtir, jgħanni u jkanta l-Hallelujah. Hu tassew li kien ra l-Jum ta’ Ġesù Kristu li hu Twelid Ġdid, mogħdija mill-Mewt għall-Ħajja, għax hu inbidel f’raġel ta’ Fidi waqt li ibnu ġie lura minn tarf il-qabar.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  22, 1-18.

 

U wara dawn il-ġrajja Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!”  U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta' Morija, u hemm offrih b'sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”

 

U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu, u lil Iżakk. Qatta' l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn il-post li qallu bih Alla.

 

Fit-tielet jum Abraham rafa' għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod.  U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom.”  U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f'idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien.

 

U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” u dak wieġbu: “Hawn jien, ibni.” U Iżakk wieġbu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”  U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni.” U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.

 

U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab.  U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.  U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu:  “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża' minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”

 

 U Abraham rafa' għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh b'sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu.  U Abraham semma dak il-post: “Jahweh-jire, jiġifieri, il-Mulej jipprovdi,” kif għadu jingħad sa llum: “Fuq il-muntanja Jahweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”

 

U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet  u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej - la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,  jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f'xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu.  U jitbierku b'nislek il-ġnus kollha ta' l-art talli smajt minn kelmti.”

 

It-Tielet Qari

 

Il-bniedem hu ħlejqa reliġjuża minn-natura tiegħu, anke jekk ħafna drabi jixħet din l-enerġija reliġjuża f’allat vojta u fiergħa li tagħtih id-dinja.  Hu jkun qed jittallab il-ferħ u l-Ħajja minn affarijiet li jintemmu bħalu.

 

Imma anke meta r-reliġjożità naturali hi użata tajjeb, mhix biżżejjed; hi sservi lill-bniedem biex idawwar wiċċu lejn Alla, imma xorta jasal żmien li fih irid jimmatura fil-Fidi u jinża r-reliġjożità skont in-natura biex jilbes il-libsa tal-Fidi li hi Grazzja, rigal li mhu mistħoqq minn ħadd.

 

Il-problema tar-reliġjożità, u din il-problema nħossuha lkoll, hi li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-Istorja tas-Salvazzjoni minflok Alla.  ir-reliġjożità tippretendi likollox jiddependi mill-bniedem, minn kemm hu kapaċi jkun bravu u jobdi u ma jidnibx.  B’dan ir-raġunar, ftit minn jikkwalifikaw għas-Saltna ta’ Alla, ibda mill-ewwel wieħed li daħal fiha, il-Ħalliel it-Tajjeb.  Mhux li l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu tgħidilna biex nidinbu kemm irridu!  Kristu ġie biex jeqred id-dnub mid-dinja u huma dawk li jistrieħu fuq il-merti tiegħu, u fuq il-merti tiegħu biss, huma dawk li jirċievu l-Ispirtu tiegħu u l-kapaċità li ma jidinbux.  Imma dawk li jemmnu li huma jridu jkunu, u li jistrieħu fuqhom infushom, bħall-Fariżej wara kollox, jinfixlu quddiem il-mistoqsija: “Mela Kristu għalfejn bata tant?  X’ġie jagħmel fid-dinja?”  Għax jekk il-bniedem kapaċi, bit-tjieba tiegħu, jimmerita l-Ġenna, allura dak li jkun se jidħol fi kriżi quddiem is-Salib ta’ Kristu. 

 

Hawn qed nitkellmu fuq il-qofol tal-Kristjaneżmu, tafux; fuq xi tfisser l-Aħbar it-Tajba, il-Vanġelu.  San Pawl jitkellem il-ħin kollu fuq dan, imma min-natura tagħna, (għalhekk ir-reliġjożità naturali li semmejna), aħna l-ħin kollu nduru lejn x’nistgħu nagħmlu aħna, lejn x’ma għamilniex, u hekk naqgħu f’moraliżmi li jaqtgħulna qalbna.  Il-Knisja tistedinna biex nistrieħu fuq il-merti ta’ Kristu iktar milli fuq dawk tagħna, u din hija xi ħaġa rivoluzjonarja.  Għax hu fuq dan li għad inkunu ġġudikati: fuq kemm striħajna fuqu u mhux fuqna nfusna.  Il-bniedem hu salv saħansitra minn hawn meta għandu lil Kristu fiċ-ċentru tal-Istorja ta’ Ħajtu, Kristu u l-Misteru tal-Għid li hu ġarrab b’risq tagħna u minflokna.

 

Iżrael ħareġ mill-Eġittu mhux bil-ħila tiegħu iżda bil-Qawwa Glorjuża ta’ Alla.  Iżrael huwa aħna, u lkoll nafu x’inhu l-Eġittu, il-bniedem il-qadim tagħna miġbud lejn id-dnub, li jiżbalja ħafna ħafna, li hemm limitu uman għall-kapaċità li jħobb.  Aħna wkoll imsawtin fil-jasar tagħna, imsawtin mix-xjaten misterjużi li jbeżżgħuna bil-biża’ tal-Mewt, kemm fiżika, imma iktar dik ontika, jiġifieri dawk il-ħafna mwiet psikoloġiċi li niltaqgħu magħhom kuljum li jġegħluna nkunu egoisti biex niddefendu ruħna. 

 

Bħalma Iżrael ma kellu l-ebda saħħa, fiżika jew morali, li, mhux biss jaħrab mill-jasar, imma lanqas biss li jittama li xi darba jeħles, hekk ukoll aħna.  Nagħmlu ħafna proponimenti kieku, u jekk xi darba nżommu xi wieħed, nispiċċaw agħar minn qabel għax niġġudikaw lil min  ma tqanżaħx bħalna.  Fil-fatt ħafna mill-ħajja spiritwali tagħna qisha logħba tas-“Snakes and Ladders”: nitilgħu ftit biex nerġgħu naqgħu ’l isfel ftit wara!

 

X’inhi l-Aħbar it-Tajba f’dan kollu?  Li kien Alla li ħa l-inizjattiva biex bagħat lil Mosè għand il-poplu biex iġagħlu joħlom li, wara kollox, teżisti triq lejn il-ħelsien.  Kien Alla li rattab ir-reżistenza enormi tal-Eġittu bl-għaxar pesti li bagħatlu.  Kien Alla, u  Alla waħdu li feraq il-Baħar kif se nisimgħu fil-qari.

 

Huwa Alla li fil-paralisi tagħna li minnha ma nistgħux inqumu, mhux għax aħna ħżiena iżda għax aħna bla saħħa, bagħatilna lil Mosè tagħna, anzi lil Xi Ħadd ferm ikbar minn Mosè, lil Ibnu stess, biex, kif jitpinġa fl-ikoni tal-Lvant, jaħtafna mill-polz ta’ jdejna u joħroġna mill-qabar eżistenzjali tagħna.  Importanti din.  Għaliex jaħtafna mill-polz u mhux minn idejna?  Għax sikwit, lanqas biss għandna l-ħila nerfgħu idejna lejH biex jaħtafna.  Huwa Hu, Kristu l-Mulej, rebbieħ fuq il-Mewt, li jitbaxxa lejn l-art biex jaqbadna u jġorrna miegħu, kif għamel ma’ Iżrael.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  14, 15 – 15, 1.

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu.  U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, mbagħad, jaqsmu fin-niexef f'nofs il-baħar.  U ara, jiena nwebbes il-qalb ta' l-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.  U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.”  

 

U mbagħad l-anġlu ta' Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta' Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta' sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined ta' l-Eġizzjani u t-tined ta' Iżrael.  Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom seta' jersaq wieħed lejn l-ieħor.  Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa' lura l-baħar b'riħ qawwi mil-lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.

  

U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f'nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.  L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f'nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.  Fis-sahra ta' filgħodu, il-Mulej minn gol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined ta' l-Eġizzjani, u ħarbathom.  U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajjtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa' lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.”  U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma' sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f'nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba ta' l-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa' minnhom.  U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f'nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

 

Dak in-nhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. [Eż:14:31] Ra Iżrael kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta' driegħu. U beża' l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f'Mosè, il-qaddej tiegħu.

 

 

U mbagħad Mosè, flimkien ma' wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu:

 

Is-Seba’ Qari:

 

U l-għanja li għannew l-Iżraelin quddiem l-għaġeb li raw b’għajnejhom kienet il-Kantiku ta’ Mosè: Hu ġarraf ġewwa l-baħar liż-żwiemel u r-rikkieba.  Imaġina s-saħħa taż-żwiemel u l-qilla fferoċjata tar-rikkieba li mitluq f’idejhom kien Iżrael; Iżrael tant dgħajjef imma tant b’saħħtu b’Alla!  “Ngħanni lill-Mulej” kanta Iżrael, “għax tkabbar bis-sħiħ!”  (Eżod. 15, 1).  U l-Mulej jitkabbar u jirbaħ iktar Glorja kull meta jsalva bniedem minn idejn l-għadu.  “Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom fil-baħar; l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu f’Baħar il-Qasab għarraqhom!”  (Eżod. 15, 4).  Araw x’ħaġa tal-għaġeb:  dan kollu qed jitkellem fuqi u fuqek.  Din hi l-Magħmudija li rċivejna meta konna trabi!  Se jkellimna San Pawl fuq dan fil-Qari li ġej.  Il-mogħdija ta’ Iżrael minn ġol-ilmijiet tal-Mewt hija l-mogħdija li aħna nwettqu permezz tal-Magħmudija tagħna.  Fl-ilmijiet qaddisa, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tal-Battisteru, ġew imgħarrqa x-xjaten tagħna, inqered l-Eġittu, inqerdet in-natura mħassra li tnissilna biha f’ġuf ommna, u ħriġna minn hemm bħala ulied adottivi ta’ Alla, ħielsa mill-ħakma tal-ħażen.  “Belagħhom l-irdum, bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.”  (Eżod. 15, 5).

 

Imma inti tista’ tgħidli: “Isma’, jien irċivejtha l-Magħmudija, veru, imma ma nħossnix daqshekk ħieles, tafx!  Donnu li l-Eġittu u l-bniedem il-qadim li twelidt bih għadu mkaħħal miegħi.”  Kuraġġ!  Għax tassew li din ir-rebħa ta’ Kristu inżergħet fina.  Hemm qegħda bħal bomba ttektek li trid tisplodi u ttajjar l-għadu minn ġo fina.  Imma l-Magħmudija hi proċess li jtul ħajjitna kollha.  Ir-rit qaddis tal-Magħmudija kien biss il-bidu.  Illum stess, l-ilmijiet tagħha qed jitqanqlu biex jikbru fina u jitwieled minnhom dejjem iktar il-Bniedem il-Ġdid li jixbah lil Kristu.  dan hu l-Miraklu l-Kbir li l-Missier irid iwettaq fina permezz tal-Ispirtu s-Santu.

 

Meta Iżrael daħal fil-qiegħ tal-Baħar, kien qisu dieħel fil-Mewt, fid-difna ġol-ilmijiet.  Imma minn hemm ħareġ iktar Ħaj minn qatt qabel waqt li dawk li bagħduh baqgħu midfuna fih.  Din hi l-Magħmudija li s-sinjali tagħha jidhru iktar ċari meta ssir bl-immersjoni. San Pawl se jgħid: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?  Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.”  (Rum. 6, 3-4). 

 

Ara kif l-Għid hu l-Magħmudija, u l-Magħmudija hija l-Għid.  Fit-tnejn imut bniedem u jitwieled ieħor glorjuż mimli qawwa.

 

 

 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  6, 3-11.

 

Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?  Ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

 

Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f'mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.  Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub.  Min imut, jeħles mid-dnub.  Jekk aħna mitna ma' Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma' Kristu.  

 

Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu.  Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla.  Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

 

Evanġelju

 

Il-Kristjaneżmu jħabbar ħaġa waħda lid-dinja: l-Aħbar it-Tajba li Alla qajjem lill-Ibnu Ġesù Kristu mill-mewt u għamlu Spirtu li jinagħta lil dawk kollha li jemmnu fiH.  Dan hu l-Ispirtu ta’ Wieħed li rebaħ il-Mewt, u dawk kollha li jirċevuh titnissel fihom din ir-rebħa meraviljuża fuq il-Mewt.  Għax l-Omm tal-problemi kollha li għandu l-bniedem hi waħda: il-Mewt.  Id-Dnub tal-bidu fired lill-bniedem minn Alla għax daħħallu f’moħħu suspett dwar l-Imħabba u l-Fedeltà ta’ Alla lejn il-bniedem.  Din hi Mewt.

 

Id-Dnub hu qawwa enormi u reali ħafna fis-subkonxju tagħna, tant li jġiegħelna ma nafdawx kif ġieb u laħaq.  Iktar kemm tikber fina l-Fidi iktar nafdaw f’Alla bħala l-Missier tagħna, imma din mhix ħaġa naturali għalina. In-natura tagħna hi mmarkata minn rejaltà li tissuperana: il-Mewt. Tant hi mportanti din ir-rejaltà li l-Iskrittura l-ħin kollu titkellem fuq Ħajja jew Mewt.  Il-Fidi li tisboq il-Mewt hi Grazzja, u mhux kulħadd għandu din il-Grazzja.  Normalment il-bniedem jimxi mal-prinċipju: “Aħseb għal rasek għax ħadd mhu se jaħseb għalik; għax ħadd ma jaħsillek wiċċek biex tidher isbaħ minnu.”

 

L-Aħbar li xerrdu dawk it-tliet nisa kellha l-qawwa tneħħi l-biża’ kollu minn qalb il-bniedem, tneħħilu l-insigurtà kollha, tnixxiflu l-egoiżmu minn ġo fih u miegħu id-Dnub.  Immaġina jkollok garanzija ċara u ċerta li int m’int se tmut qatt għax il-Mewt intrebħet.  Imma din hi l-Fidi tagħna! L-Appostli kienu mimlijin biża’ mill-Mewt.  Kienu msakkrin ġewwa bl-istaneg mal-bibien. L-Aħbar tan-nisa ftit li xejn kellha effett fuqhom.  Baqgħu imdawrin mid-dlam.  Qalu: Dawn iġġennu bl-għali u qed ihewdnu.  M’emmnuhomx.  Irraġunaw bħan-nies tad-dinja.

 

Aħna wkoll “smajna” li Ġesù qam mill-Mewt, imma nibqgħu iggranfati qiesna mġienen ma’ din il-Ħajja u nindhiexu meta nisimgħu bil-Mewt ta’ xi ħadd qrib tagħna.  Kollha l-istess aħna.  Nsibuha bi tqila, bħall-Appostli, li nniżluha li Kristu qered il-Mewt għal dejjem, anke jekk ġisimna, ta’ materja li hu, jibqa’ suġġett għat-taħsir, xjuħija u Mewt.  Imbagħad l-Appostli raw lil Kristu ħaj.  Huma ferħu, imma baqgħu jibżgħu, baqgħu jissuspettaw, baqgħu ġewwa msakkrin.  Kellhom bżonn xi ħaġa oħra ikbar milli wieħed jara b’għajnejh: l-Ispirtu s-Santu; il-Pentekoste. 

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 1-12.

 

Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.  Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,  imma meta daħlu fih,  il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.  

 

U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.  In-nisa, mimlijin bil-biża', baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?  M'huwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,  meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet."  U huma ftakru kliemu.  

 

Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.  Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli.  Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u ma emmnuhomx.  

 

Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.

 

Last Updated ( Saturday, 20 April 2019 )
 
< Prev   Next >