Din
hija il- Liturgija tat-Tieni Hadd tal-Ghid ( 2019 ) (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Dan hu żmien liturġiku
sabiħ għall-Knisja. Hija terġa’ tgħix
dawk il-mumenti sbieħ, xeni qawwija, tal-avvenimenti li seħħew wara l-Qawmien
ta’ Kristu. Xeni meraviljużi bħal meta
n-nisa kienu l-ewwel li saru jafu bir-rebħa ta’ Kristu fuq l-ikbar għadu
tal-bniedem: il-Mewt. Il-laqgħa ta’
Kristu glorjuż mal-Madalena li għarfitu mill-mod kif għajtilha: “Marjam!” id-dehriet ta’ Kristu lill-appostli maqfulin
ġewwa ċ-Ċenaklu. Il-mixja li l-Mulej
għamel mad-dixxipli ta’ Għemmaws fejn saħnilhom qalbhom bil-mod kif fissrilhom
l-Iskrittura u huma, fl-aħħar, għarfuh mill-qsim tal-ħobż, ġest Ewkaristiku
qawwi. Fuq ix-xtajta tal-Għadira wara
lejl li fih ma qabdu xejn u Ġwanni għarfU u Pietru ntefa’ l-baħar biex jasal
ħdejH malajr. U l-laqgħa ma’ Tumas, li
hu l-Vanġelu li l-Knisja tħabbrilna llum.
Huwa żmien, dan, li fih
ngħixu l-freskezza tat-tħabbira tal-Aħbar it-Tajba. Kristu qam mill-mewt! Hu qam tassew, Halleluja! B’dawn il-kelmiet, l-Insara tal-Lvant jagħtu
l-paċi lil xulxin matul dan iż-żmien tal-Għid.
Żgur fuq li żgur li din kienet esperjenza tal-ġenn għall-ewwel
dixxipli! Huma rawH ħaj! Hu wrihom il-pjagi tiegħU! Setgħu
imissuH! Rawh jiekol! Ħares lejhom, tbissmilhom u fuq kollox tahom
il-Paċi tiegħU, is-Sliem, ix-Shalom.
“Shalom alehem!” “Is-Sliem għalikom!”
Dawn kienu l-ewwel kelmiet li semgħu minn għandu. Huma li kellhom kuxjenza mtaqqla bid-dnub
tal-ħarba u l-abbandun tagħhom. Kienu
ħallewh waħdu. Saru jafu biċ-ċaħda ta’
Pietru, imma ħadd ma ġġudikah għax kollha kienu qegħdin tajjeb! Kollha kellhom id-dnub tagħhom
f’idejhom. Imma Hu serraħhom billi
qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kien
għadu l-Ħabib, wara kollox!
Lil dawn in-nies aħna
nistgħu nifhmuhom. Aħna dgħajfin
bħalhom. Il-bniedem il-qadim li jgħammar
fina jagħtina insigurtà enormi u biża’ minn kull sitwazzjoni li theddidna
fil-Ħajja. Anke aħna ma niġġudikawhomx
għax nafu kemm-il darba ċħadna lil Ġesù għax bżajna għal wiċċna, stħajna
minnU!!! Jien stħajt minnU! Stħajt insemmi l-Isem ta’ Ġesù! Għax forsi
din il-ħaġa jistennewha minn xi qassis, imma minni, lajk... Hu li tgħabba b’tant miżerja u umiljazzjoni
għalija, kellu joqgħod iħares sieket għax jien stħajt insemmiH!
Dan il-bniedem il-qadim li
hu mejjet ma jistax jitkellem fuq il-Ħajja li ma jafx x’inhi. Din hija n-natura ta’ Adam li għaddiet minnu
għal uliedu, għal ulied uliedu sakemm laħqet lil missirijietna u ommijietna, u
sibna morda biha aħna wkoll. Hawn mhux
qed nitkellmu fuq ħtija morali imma fuq jasar li jintiret. Le, aħna ma nistgħux niġġudikaw lill-appostli
u d-dixxipli għax l-istess natura tagħhom qegħda tikkundizzjona lilna. Din in-natura qadima, li fuqha jitniehed San
Pawl fl-Ittra lir-Rumani, qisha faxex imdawrin magħna li ma jħalluniex nagħmlu
li rridu. “Nixtieq nagħmel it-tajjeb,
imma nsib ruħi nagħmel il-ħażin.” (ara Rum. 7, 21).
Imma quddiem dan il-jasar
tal-bniedem, Alla ma baqax b’idejH marbuta imma ssagrifika ruħu għal kollox
billi bagħat lil Ibnu biex jgħix il-Misteru Glorjuż tal-Għid: il-Passjoni,
il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tiegħU.
Mhux Kristu biss u waħdu għadda minn din l-eperjenza imma t-Trinità
Mqaddsa... anke l-Missier... anke l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier, fl-Imħabba tiegħu għal Ibnu, li
hi l-Ispirtu s-Santu, bata dak li bata Ibnu, għax Hu ma ħafirhilux imma tah u
abbandunah f’idejn l-għedewwa b’risq dawn l-għedewwa.
U meta qajmu mill-imwiet,
Kristu sar l-ewwel bniedem (id-divinità kienet moħbija taħt l-umanità tiegħu)
li rebaħ lill-Mewt. Imma dan mhux biżżejjed. X’jiswa għalija li Hu rebaħ il-Mewt jekk jien
għadni marbut fil-kalkoli u l-beżgħat u t-tħassib tagħha? Imma lil Ġesù, l-Missier għamlu Spirtu ta’
Ħajja ta’ Dejjem li jinagħta lil kull bniedem li jemmen tassew fiH.
Din hi l-meravilja
tal-Missjoni Messjanika ta’ Kristu. Dak
li rebaħ hu sar ir-rebħ tagħna. Il-merti
tiegħu saru l-merti tagħna. L-ubbidjenza
tiegħu saret l-ubbidjenza tagħna. U
iktar kemm nikbru f’dan it-twemmin iktar ninbidlu fiH u l-Mewt taħrab minn
quddiemna bħalma ħarbet minn quddiemu.
Ħa jidfnu lil dan il-ġisem materjali u msejken, imma int u jien ninbidlu
f’Ħajja Ġdida, u dan nibdew inħossuh ġa
minn hawn għax l-Ispirtu nnifsu jagħti xhieda li aħna nies ġodda.
Kif insiru nies ġodda? Billi nitwieldu mill-ġdid, qal Kristu lil
Nikodemu. Kif nitwieldu mill-ġdid? Mill-Magħmudija. Imma int tgħidli li int tgħammidt meta kont
żgħir u llum kbirt u xorta ma ġġeddidtx, xorta għadek maħkum mill-ġibdiet
tad-dinja, xorta m’intix fidil lejn Kristu, xorta ma tafx eżatt għaliex miet
Kristu fil-prattika, fejn tidħol int.
Dan hu punt importanti
ħafna. Inħarsu lejn il-Vanġelu tal-lum.
Is-soltu niffokaw fuq Tumas li m’emminx u ried jara biex jemmen. Imma sħabu ma kinux aħjar minnu. Huma lkoll
kienu ċappa tafal fuq ir-rota tal-fuħħari li hu Alla. Minn kull ċappa tafal, Alla ried jagħmel
biċċa arti mill-isbaħ. L-istess
magħna. Imma dan it-tafal kien kollu
żrar u ried inaqqih imbagħad jibda jdawwar ir-rota biex jagħtih forma li
jixtieq Hu. Dan kollu huwa l-esperjenzi,
il-ġrajjiet li ngħaddu minnhom imħalltin mal-Kelma ta’ Alla li nisimgħu u
mas-Sagramenti li nirċievu. Alla jinsab
jifformana kif ifforma lill-appostli.
L-istess triq. L-istess mod. L-istess proċess.
Ma xtaqtx li nitkellmu wisq
fuq Tumas għax hemm ħaġa oħra li tissorprendi: kif l-oħrajn li kien ġa ltaqgħu
mal-Mulej ħaj u rebbieħ fuq il-Mewt, xorta baqgħu l-istess! Huma ferħu tassew, b’ferħ tal-ġenn, imma
baqgħu imdawrin bil-biża’ tal-mewt; baqgħu bl-istess natura tal-bniedem il-qadim
li twieldu bih. Il-Mewt u l-Qawmien ta’
Kristu ma affettwawhom xejn. Baqgħu
l-istess nies li kienu kapaċi jerġgħu jitradixxu lil Kristu darba oħra.
Kif nafuh dan? Għax il-Vanġelu tal-lum jitkellem fuq
l-istaneg. Dawk l-imberkin staneg! Il-Mulej tagħhom kien rebaħ il-Mewt, imma
huma kienu mgeddsin ġewwa fejn ma jarahom ħadd, bil-bieb magħluq u msakkar
sewwa bl-istaneg! Għaliex? Għax għandu mnejn li l-Lhud jiġu għalihom u
joqtlu lilhom issa... Ekku l-bniedem
il-qadim li dejjem jibża’ mill-Mewt, biża’ li jagħmlu egoista, jaħseb fih
innifsu l-ewwel. Li kieku Kristu ma
kellux il-qawwa li jgħaddi mill-ħitan u jegħleb l-istaneg, kieku kien isib
il-bieb magħluq f’wiċċu.
X’kellhom bżonn
l-appostli? X’kellhom bżonn biex
jinbdilu? Kellhom bżonn bidla serja għax
dawn il-qabda beżżiegħa ma kienu qatt se jaħarqu ħajjithom jiġru minn pajjiż
għall-ieħor iqabbdu n-nar tal-Aħbar it-Tajba fost il-pagani! Kellhom bżonn jitwieldu mill-ġdid
mill-Ispirtu. Meta nbidlu? Fil-Pentekoste. F’Għid il-Ħamsin, festa oħra enormi
għall-Knisja. Il-birthday tal-Knisja. Lil Kristu ma rawhx iżjed fiżikament, imma
huma ġew invaduti bil-Qawwa qaddisa tal-Ispirtu s-Santu, u kien dan li
għamilhom nies ġodda li ma jikkalkulawx u li lkoll lagħbu ħajjithom għal
Kristu.
Żmien il-Għid hu żmien
il-Magħmudija. Fejn tidħol hawn
il-Magħmudija tagħna? Anke l-Magħmudija
tagħna hija Mewt għall-bniedem il-qadim u Qawmien għall-Bniedem il-Ġdid li jsir
dejjem iktar jixbah lil Kristu. imma
l-Magħmudija hi proċess bħalma t-tqala ta’ Marija kienet proċess. Hemm bżonn nitkarrbu quddiem il-Mulej biex
jagħtina l-Grazzja l-Kbira, il-Grazzja li l-iktar jixtieq jagħtina, li jikbru
l-effett u l-ħakma tal-Magħmudija tagħna fuqna, tant li, bil-mod il-mod,
jiddgħajjef u jmut il-bniedem il-qadim mgħarraq fl-ilma, u mill-istess ilma
jitwieled u jimmatura il-bniedem il-ġdid sakemm inkunu nistgħu nagħmlu l-opri
li l-Missier ġa ħejja għalina.
Minn dan wieħed jista’
jibda jinduna x’meravilja ta’ Grazzja hija l-Magħmudija! Fil-Pentekoste, taru l-istaneg, infetħu beraħ
il-bibien, u dawk li qabel inħbew, issa sabu l-ikbar pjazza ta’ Ġerusalemm u
hemm tkellmu b’awtorità u b’ħeġġa fuq dak kollu li kien ġara u li Alla kien
qajjem lil Ġesu u għamlu Kyrios, Mulej ta’ kull ma jkidd lill-bniedem.
Dan kollu hu miġbur
fil-Magħmudija tagħna! Tasal il-milja taż-żmien
meta anke l-Magħmudija tagħna tagħmel minna nies ġodda! Jekk irridu; għax Alla ma jagħmel xejn
bil-fors. Il-Knisja għandha bżonn nies
ġodda! Nies mimlija żelu! Għadda ż-żmien meta kulħadd kien fil-Knisja,
kulħadd kellu xi ftit fidi. Illum l-Insara
huma f’minoranza f’pajjiżna, imma ftit melħ tajjeb kapaċi jagħti togħma
lill-borma kollha.
Il-Liturġija tal-Kelma
tat-Tieni Ħadd tal-Għid.
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 5, 12-16.
Bis-saħħa ta' l-appostli kienu jsiru ħafna
sinjali u mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru
flimkien fil-portiku ta' Salamun, u ħadd mill-oħrajn ma kien
jissogra jissieħeb magħhom; imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna.
L-għadd ta' dawk li kienu jemmnu fil-Mulej,
kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, hekk li kienu
wkoll iġorru l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex,
xħin jgħaddi Pietru, jaqa' mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom.
In-nies kienu jiġu mill-ibliet ta' madwar
Ġerusalemm, iġorru l-morda u lil dawk li kienu maħkuma mill-ispirti mniġġsa; u
lkoll kienu jitfejjqu.
Salm Responsorjali. S. 118
Ritornell: Faħħru lill-Mulej, għaliex
hu tajjeb!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
Ħa tgħid dar Aron:
"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:
"Għal dejjem it-tjieba tiegħu."
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa ta' l-għaġeb f'għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!
Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!
Mbierek minn ġej f'isem il-Mulej!
Nberkukom minn dar il-Mulej.
Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna.
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.
1, 9-11a, 12-13, 17-19.
Jiena, Ġwanni, ħukom u sieħeb tagħkom
fit-taħbit u fis-saltna u fis-sabar ma' Ġesù, jien sibt ruħi fil-gżira jisimha
Patmos minħabba l-Kelma ta' Alla u x-xhieda ta' Ġesù.
Darba, f'jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ
fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta' tromba, jgħidli: "Kull ma
tara niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba' knejjes, U jiena dort biex nara
min kien qiegħed ikellimni; u, kif dort, rajt seba' kandelabri tad-deheb, u f'nofs il-kandelabri
kien hemm wieħed qisu Iben ta' bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh,
b'sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb; Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet
f'riġlejh. Iżda hu ressaq idu l-leminija fuqi u qalli: "Tibżax; jien hu
l-Ewwel u l-Aħħar, jiena
l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta' dejjem, u għandi
jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta' Post il-Mejtin. Ikteb kull ma tara, kemm il-ħwejjeġ li hawn issa u
kemm dawk li se jiġru 'l quddiem.
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Ġwann. 20, 19-31.
Dak in-nhar fil-għaxija,
fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud,
bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem
għalikom!" Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli
ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad
Ġesù tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom!
Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat
lilkom." Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu
l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu
maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."
Tumas, wieħed mit-Tnax,
jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk
id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu qalilhom:
"Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq
il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx."
Tmint ijiem wara,
id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma
Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem
għalikom!" Mbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara
idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda
emmen." Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla
tiegħi!" Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni! Henjin dawk li
ma rawx u emmnu."
Hemm ħafna sinjali oħra li
Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m'humiex imniżżla f'dan
il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija
l-Iben ta' Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f'ismu.
|