Din
hija il- Liturgija tat-Tielet Hadd tal-Ghid ( 2019 ) (2019) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Għidna ħafna f’dawn
il-ġimgħat fuq id-dgħufija tal-Appostli li Kristu għażel għal miegħU, li hi
l-istess dgħufija tagħna. Għidna li din
id-dgħufija mhix dnub, għax hi natura li writtniha mingħand Adam u li baqgħet
tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Din in-natura hija “d-Dnub Oriġinali” li għalkemm jinħafer jibqa’ xorta
jimmarkana, jipparaliżżana, jikkondizzjonana.
Hija n-natura li l-Bibbja ssejħilha “il-bniedem il-qadim” li hu
essenzjali li jinqered, imut fl-ilmijiet tal-Magħmudija biex minfloku jitwieled
u jissawwar “il-Bniedem il-Ġdid” b’natura totalment differenti, natura ta’ Alla
nnifsu, xbiha ta’ Kristu.
Għalhekk, il-Magħmudija hi
Miraklu enormi ta’ Alla f’kull bniedem li jħalli lil Alla jaħdem fih. Hi l-Miraklu Morali; hi l-Għid tal-Mulej li
jiġi ngastat fina u jagħmilna nixbħuH;
il-Magħmudija hi Mewt u Qawmien mill-Mewt.
Għidna li dan ma jsirx f’ħakka t’għajn waqt li jinagħta s-Sagrament,
imma jinżera’ fina u jeħtieġ jitrawwem permezz tal-ħafna għajnuniet li Ommna
l-Knisja tagħtina. Wara kollox, din
il-bidla hi mqabbla ħafna mal-qagħda tagħna fil-ġuf tal-Knisja. Kull bniedem li jagħraf il-potenzjal enormi
tal-Magħmudija tiegħu, il-“Big Bang” li hemm miżrugħa fih, jinsab fil-ġuf
tal-Knisja, fejn jikber, bħalma kiber Ġesù fil-ġuf ta’ Marija, sabiex meta
tasal il-milja taż-żmien ikun jista’ jagħti xhieda għall-Imħabba li l-Missier
għandu għal kull bniedem.
Din l-Imħabba li hemm
bżonn tikber fina għandha isem: l-Ispirtu s-Santu. Kemm hi ħaġa ħelwa u sabiħa li wieħed
jixxennaq li jikber l-Ispirtu s-Santu ġewwa fih! Ikun qed jixxennaq li jsir Imħabba, Ħuġġieġa
taqbad ta’ Mħabba. X’hemm ħażin
fl-Imħabba? X’hemm li jdejqek? X’hemm li jbeżżgħek? Għall-kuntrarju, l-egoiżmu hu dlam, hu
tensjoni, hu theddid, hu li tinagħlaq ġewwa fik bla relazzjoni vera ma’ ħadd,
waqt li taħseb li l-affetti tiegħek, il-ġibdiet tiegħek huma Mħabba meta mhuma
xejn minn dan ħlief emozzjonijiet. L-egoiżmu
jħobb biss lil min iħobbu, lil min jibnih, lil min ma jdejqux. Din mhix Imħabba. Imma huwa lejn l-egoiżmu li
n-natura qadima tagħna tinġibed min-natura tagħha stess.
L-Aħbar enormi tal-Qawmien
mill-Mewt ta’ Kristu ma bidlittx lill-Appostli.
Imliethom tassew b’ferħ kbir, u b’għaġeb lejn din il-ġrajja li huma
kienu qed jgħixu ma’ Kristu. Imma dan
l-istagħġib ma kienx biżżejjed biex ikeċċi ’l barra n-natura tal-bniedem
il-qadim li kienu jġorru ġewwa fihom.
Il-marka ta’ din in-natura egoista hi l-biża’, u huma baqgħu imbeżżgħin
anke wara li raw lil Kristu ħaj, għax xorta baqgħu imsakkrin ġewwa, jibżgħu
jitħalltu man-nies minħabba l-konsegwenzi.
Baqgħu nies ikkundizzjonati mill-kalkoli, bħalna, bħalna, bħalna!
Il-Vanġelu tal-lum anke
jenfasiżża l-qtigħ il-qalb u l-vojt li kellhom dawn in-nies li kienu qed jgħixu
l-akbar ġrajja li qatt ġrat. Pietru,
l-ewwel wieħed, jiddeċiedi li jmur lura lejn il-ħajja ta’ qabel ma ltaqa’ ma’
Ġesù. “Sejjer nistad.” qal lil sħabu, u
huma marru miegħu għax bħalu ħassewhom waħedhom, imħawda, inkwetati fuq il-futur. Kienu ħarbu minn Ġerusalemm u reġgħu lura
l-Galilija, pajjiżhom, lura lejn il-ħajja ta’ qabel, lejn il-kwiet ta’ qabel li
kienu tilfu meta telqu kollox biex marru wara Ġesù. Tliet snin ġiri. Tliet snin li ntemmu fil-vojt. Is-sajda ħawlija li kellhom matul il-lejl
mudlam kienet xbiha tal-Ħajja bla sens li kienu qed jgħixu.
Kristu kien jaf minn xhiex
kienu se jgħaddu u kien jaf x’kellhom bżonn dawn in-nies li hu kien ħabb
b’qalbu kollha, nies li kienu ritratt preċiż tagħna lkoll, ta’ kull
bniedem. Qalilhom: “Imma intom ibqgħu
il-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.” (Lq.
24, 49). Kemm kellhom bżonn din
il-Qawwa! Kemm għandna bżonn aħna din
il-Qawwa! Xi Grazzja kbira hi din
il-Qawwa! Tafu li jekk nitolbuhielu lil
Alla, din tkun l-unika Talba li għandha garanzija li tinstema żgur għax darba
Ġesù qal: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom
ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti Spirtu Qaddis lil dawk
li jitolbuhulu!” (Lq. 11, 13).
U din il-Qawwa hi
l-Imħabba. Liema Mħabba? L-Imħabba li Alla għandu għalina. L-Imħabba li Alla biss għandu imma li Hu jrid
ixerridha fuq dawk kollha li jemmnu f’Ibnu.
Din l-Imħabba hi l-Ispirtu s-Santu.
Tiġi għandna bil-mod il-mod fil-qjies li l-Magħmudija tikber fina. Jiddgħajjef il-bniedemil-qadim sa ma jmut u
jitwieled il-Bniedem il-Ġdid immarkat minn din l-Imħabba li kapaċi tħobb
saħansitra lill-għadu. Mhux bis-saħħa
tagħna jseħħ dan! Ħafna għamlu
mill-Imħabba kmandament. Le! L-Imħabba
qatt ma tista’ tkun ordnata, bil-fors, Liġi.
Dan ifisser tmur kontra n-natura tal-Imħabba għax l-Imħabba jew hi
mill-qalb, ħielsa, jew mhi Mħabba xejn.
L-Imħabba tiġi minn Alla bħala Grazzja u hi l-frott tal-qerda
tal-bniedem il-qadim u t-twelid tal-ġdid.
Dan hu li għandna bżonn aħna.
Dan hu li kellhom bżonn
l-Appostli. Ġesù kien qalilhom: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma
għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi
Hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha.” (Ġw.
16, 12-13). Il-Verità hija din il-Grazzja
li int tinagħta natura ġdida li tħobb bħal Kristu, mhux għax hekk suppost, għax
hekk tgħid il-Liġi ta’ Alla, imma għax tħossok imbuttat minn Dak li għandek
ġewwa fik. U l-prova li tixhidlek li
l-Ispirtu s-Santu sar matur fik hu li int ma tibqax tibża’ tħobb, tibża’
tirriskja, tibża’ tinagħta, tibża’ li ma tkunx aċċettat. Meta jiġi l-Ispirtu ta’ Kristu, il-biża’
jaħrab. “L-Imħabba ssir sħiħa fina, meta
ħna nqawwu qalbna għal Jum il-ħaqq, għax saħansitra f’din id-dinja aħna sirna
bħalu. Fl-Imħabba ma hemmx biża’;
l-Imħabba tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam
mal-kastig. Min jibża’ għadu ma sabx
il-milja tal-Imħabba. Aħna nħobbu għax
hu ħabbna l-ewwel.” (1 Ġw. 4, 17-19). Dan
il-kliem meraviljuż, ispirat mill-Ispirtu s-Santu, Ġwanni l-Evanġelista kitbu
fl-Ewwel Ittra tiegħu.
L-Appostli nbidlu għal
kollox meta rċivew din in-natura ġdida, dan l-Ispirtu ta’ Qawwa li hi l-Imħabba
vera, fil-Pentekoste, nhar l-Għid il-Ħamsin.
Pietru hu x-xbiha tal-Appostli l-oħra kollha. Hu li beża’ minn tfajla u rama jidgħi u
jisħet biex jiddefendi ruħu meta ċaħad lil Kristu, issa nsibuh l-ewwel wieħed
minnhom fil-pjazza ta’ Ġerusalemm, jixli lin-nies li kellu quddiemu li huma
kienu qatlu lill-Iben ta’ Alla. U
fis-Sinedriju, il-qorti l-kbira tal-Lhud, qalilhom li dak li missirijiethom
kienu ilhom mijiet u mijiet ta’ snin jistennew, kien deher fil-ġenerazzjoni
tagħhom u huma kien qatluh billi dendluh ma’ għuda u tawh mewt misħuta. Fejn hu l-biża’ tiegħek, Piet?! Hu jwieġeb: “Ta’ dan hawn aħna xhieda u
l-Ispirtu s-Santu, li Alla ta lil dawk li jobduh.” (Atti
5, 32).
Il-Liturġija tal-Kelma
tat-Tielet Ħadd tal-Għid
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 5, 27b-32, 40b-41.
F’dak iż-żmien:
Il-qaddejja daħħluhom
u ressquhom quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir qalilhom:
"Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U
araw, issa mlejtu 'l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna
l-ħtija ta' demm dan il-bniedem!" Iżda Pietru, flimkien ma'
l-appostli, wieġeb u qal: "Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli
l-bnedmin. Alla ta' missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh
billi dendiltuh ma' għuda. Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap
u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. U
ta' dan kollu hawn xhieda aħna flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil
dawk li jobduh."
Imbagħad sejħu lill-appostli quddiemhom, u ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta'
Ġesù; mbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju
ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba
l-isem ta' Ġesù.
Salm Responsorjali: Salm 30.
Ritornell: Ħallelujah, Hallelujah,
Hallelujah.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek;
sejjaħtlek, u int fejjaqtni.
Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Fil-għaxija jidħol il-biki,
fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.
Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda;
Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.
5, 11-14.
Jiena, Ġwann, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ
smajt leħen ta’ ħafna anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet
ta' eluf, u eluf ta' eluf, jgħidu b'leħen qawwi:
"Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u
s-saħħa u
l-ġieħ u l-glorja u
t-tifħir."
U fis-sema, fuq l-art,
taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:
"Lil dak li
qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u
l-ġieħ
u l-glorja u
l-ħakma,
għal dejjem ta'
dejjem."
L-erba' Ħlejjaq Ħajjin
bdew iwieġbu: "Amen!" filwaqt li x-Xjuħ inxteħtu jagħtu qima.
Versett tal-Evanġelju: Hallelujah.
Nfu li Kristu qam tassew mil-imwiet.
Int, Sultan rebbieħ, ħenn għalina.
Hallelujah.
Qari mil-Evanġelju ta’ San
Ġwann. 21, 1-19.
F’dak iż-żmien: Ġesù raġa' deher
lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta' Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun
Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija,
ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u
Xmun Pietru qalilhom: "Sejjer nistad." Qalulu: "Ħa niġu miegħek
aħna wkoll." Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu
xejn.
Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù
kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien
Ġesù. Ġesù qalilhom: "Għandkom x'tieklu, ħbieb?"
"Le," weġbuh. Qalilhom: "Waddbu x-xibka n-naħa
tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu." Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux
jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!
Id-dixxiplu li kien iħobb
Ġesù qal lil Pietru: "Il-Mulej dan!" Għalhekk Xmun Pietru, kif sama'
li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta' fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa'
l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq
mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom
ix-xibka bil-ħut. Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad,
bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.
Qalilhom Ġesù: "Newlu
'l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu." Xmun
Pietru tala' fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b'mija u tlieta u
ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom
Ġesù: "Ejjew, kulu." Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, 'Int
min int?', għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad
il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Din kienet ġa t-tielet
darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa,
Ġesù qal lil Xmun Pietru: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn
dawn?" "Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok."
Qallu: "Irgħa l-ħrief tiegħi." Staqsieh għat-tieni darba:
"Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?" "Iva, Mulej," wieġbu,
"int taf li nħobbok." Qallu: "Irgħa n-nagħaġ
tiegħi." Għat-tielet darba staqsieh: "Xmun bin Ġwanni,
tħobbni?" Pietru ħass għafsa ta' qalb għax staqsieh għat-tielet darba,
'Tħobbni?' u qallu: "Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok."
Qallu Ġesù: "Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew
tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid;
imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma
tkunx trid!" Dan
qalu biex ifisser b'liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Mbagħad
Ġesù ssokta jgħidlu: "Ejja warajja."
|