Din
hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd tal-Ghid ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Żmien il-Għid hu Żmien
“il-Kerigma”, l-Aħbar it-Tajba. Liema
Aħbar? Li l-Mewt inbelgħet
fir-rebħa! Hallelujah! Hi Aħbar li titwemmen minn ftit, u dawn
jemmnuha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
In-natura mwaqqa’ tagħna, kkundizzjonata mid-“Dnub ta’ Adam”, minnha
nnifisha, bis-saħħa tagħha biss ma tista’ qatt temmen li l-Mewt intrebħet
tassew, ma tistax temmen din “il-Big Bang” spiritwali li twassal għal Ħolqien
Ġdid, ħlejqa ġdida. Imma dawk li
jinagħtaw mill-Ispirtu li jemmnu tassew li minn issa ’l quddiem l-ebda Mewt mhi
se toqtolhom, dawn jitwieldu mill-ġdid, għat-tieni darba, mill-Ispirtu s-Santu.
L-ewwel twelid kien
mill-omm u l-missier naturali tagħna u l-ħlejqa li twieldet mill-ġisem kellha
natura ġa mejta għax ġa bdiet tmut. Imma
dawk li jitwieldu t-tieni darba, jitwieldu issa mill-Ispirtu, b’natura divina,
u għalhekk huma Wlied Alla. Din
in-natura ġdida ma tibżax iktar mill-Mewt u għalhekk mhix iktar egoista. Hi din in-natura ġdida biss (ara Ġw. 3, meta Kristu jitkellem fuq dan
ma’ Nikodemu) li kapaċi tħobb lill-għadu.
Din hi l-Qdusija. Din hi l-Ħajja
vera, il-Ħajja ta’ Dejjem. Din hi
l-Ġenna li tibda minn hawn imma li tilħaq il-milja tagħha wara l-mewt fiżika.
Min hu kapaċi jwettaq dan
il-miraklu, din il-bidla stupenda fil-qalb tiegħu? Hu nnifsu?
Le! Mhux int li ssalva lilek
innifsek għax int ma tistax terġa’ tidħol ġo ġuf ommok u twelled lilek innifsek
darb’oħra. Ħafna nies li għandhom
intenzjoni tajba jaqtgħu qalbhom għax jerfgħu fuqhom il-piż li refa’ Alla
minflokhom u għalihom. Dan iwassal
għall-kontradizzjoni kbira u nistgħu ngħidulu skandlu li tara Nsara bil-geddum,
għajjiena spiritwalment u kemm kemm ma
jgħirux għal dawk li tawha għad-dinja u jixxalaw u jidħku! In-Nisrani, li għaraf l-Imħabba ta’ Alla u
s-Salvazzjoni li rċieva bi Grazzja b’merti ta’ Kristu, hu l-waħdieni li hu
tassew ħieles, ferħan, minli gratitudni u Mħabba.
Kristu tela fuq
il-Kalvarju u ġarr miegħu in-natura l-qadima tagħna u sammarha miegħu fuq
is-Salib. Tant iħobbna Alla li abbanduna
lil Ibnu mlibbes in-natura mejta u midinba tagħna li biha twelidna, u din
in-natura ħaditu lejn Mewt krudila. Imma
ma’ Kristu miet il-bniedem il-qadim tagħna u mal-Qawmien tiegħu qamet ukoll
għal kull wieħed minna natura ġdida. Din
hija bomba fl-Istorja Umana. Din hi
l-Aħbar ċentrali u l-iktar importanti li qatt ixxandret.
X’inhu mitlub minna,
allura? Li nemmnu din l-Aħbar; li nemmnu
fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, (il-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħU). Imma saħansitra li wieħed jemmen, kif ġa
għidna, hu Grazzja, rigal minn Alla!
l-Appostli emmnu bi Grazzja nhar Għid il-Ħamsin; Pawlu emmen bi Grazzja
fit-triq ta’ Damasku, u l-bqija. Din
hija t-triq tas-salvazzjoni, tat-twelid ġdid: nemmnu f’dak li kisbilna Kristu u
tahulna b’xejn, u hekk insiru bnedmin ġodda kapaċi ngħixu l-mod ta’ Ħajja li
jridna Hu. Liema mod ta’ Ħajja? Fl-għaqda ta’ bejnietna u fl-Imħabba
saħansitra lejn l-għadu. Min jasal hawn
ikun ħaj għal dejjem u San Ġwann l-Evanġelista jasal biex jgħid li għal bniedem
bħal dan mhemmx Ħaqq għax diġa għadda mill-Mewt għall-Ħajja, diġa jinsab
fil-Ġenna ġa minn hawn!
Din hija l-meravilja
tal-Kristjaneżmu!! Id-dinja ma tistax
tifhmu. Id-dinja tasal biex tifhem
ir-reliġjoniiet l-oħra imma lill-Kristjaneżmu le. Għax ir-reliġjonijiet l-oħra kollha huma
“naturali”, bbażżati fuq in-natura l-qadima li biha twelidna. M’hemmx fihom twelid ġdid għal natura ġdida. Huma kollha mfassla mill-bniedem fuq sett ta’
liġijiet li l-bniedem suppost li hu kapaċi jobdi. Iktar kemm jobdi, iktar għandu ċans jieħu
r-rigal mingħand Alla.
Imma l-Verità hi l-Aħbar
ta’ Kristu! Hu ġie għal dawk li ma
jifilħux jobdu l-Liġi biex obdiha Hu minflokhom biex rebaħ għalihom merti li ma
kinux tagħhom imma tiegħu. Dan hu l-għaġeb. Il-Ħalliel (“it-Tajjeb”!), li ma kien tajjeb
xejn u ma kellu l-ebda merti biex isalva, dar lejn Kristu bil-Fidi. Inagħtalu, bi Grazzja, li b’istint misterjuż
jagħraf li f’dan il-ħabsi mdendel miegħu kien hemm Alla! X’Miraklu Morali! Hu dar lejH u emmen u talbu s-salvazzjoni
“gratis”, b’xejn, u inagħtatlu! Din hi
l-kbira. Inagħtatlu! Dan hu skandlu għar-reliġjonijiet kollha li
jisħqu li l-bniedem għandu jitħabat, jitqażaħ, jissagrifika ruħu biex jogħġob
lil Alla u hekk jidħol mill-bieb ta’ dejjem.
Hi skandlu wkoll għax-xjaten li x’ħin ikunu qed jgħorku jdejhom għax
irnexxilhom jindannaw bniedem, jaraw ix-xibka titqatta’ u hu jeħles bħal
għasfur għax emmen fil-merti ta’ Kristu u ta Glorja lil Alla li miet biex
il-midneb jgħix għal dejjem.
Il-Liturġija tal-Kelma
tar-Raba’ Ħadd tal-Għid
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 13, 14, 43-52.
F’dak iż-żmien: Pawlu u Barnaba, minn Perge baqgħu sejrin
sa ma waslu f'Antjokja ta' Pisidja. F'jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu
bilqiegħda.
U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna,
kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma' Pawlu u ma' Barnaba, u
dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta' Alla.
Is-Sibt ta' wara, tista'
tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma' l-kelma tal-Mulej. Il-Lhud,
meta raw il-folol, mtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u
jidgħulu. Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: "Hekk
kien meħtieġ, li l-kelma ta' Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom
qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta' dejjem, aħna
se nduru fuq il-pagani. Għax hekk ordnalna l-Mulej,
’Jien għamiltek dawl tal-ġnus,
biex twassal
is-salvazzjoni sa truf l-art.’ ”
Il-pagani, meta semgħu
dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu
magħżula għall-ħajja ta' dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej
baqgħet tixtered ma' l-art kollha. Imma l-Lhud xewwxu n-nisa twajba
u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajjmu persekuzzjoni kontra Pawlu u
Barnaba u keċċewhom 'il barra minn arthom. Huma farfru għal fuqhom
it-trab minn ma' riġlejhom u marru Ikonju. Iżda d-dixxipli mtlew
bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.
Salm Responsorjali: Salm 100
Ritornell: Hallelujah, Hallelujah,
Hallelujah!
Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta'
l-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa
tiegħu.
Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu!
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tjieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.
7, 9, 14b-17.
Jiena Ġwanni ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma
jista' jgħoddha, minn kull ġens u tribù,
minn kull poplu u lsien, weqfin
quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin
ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f'idejhom.
Mbagħad qalli: "Dawn huma dawk li ġejjin
mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm
tal-Ħaruf.
Għalhekk jinsabu
quddiem it-tron
ta' Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu;
u dak li qiegħed fuq it-tron
jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu.
Ma jbatux aktar ġuħ,
anqas għatx ma jagħmel bihom aktar;
ix-xemx ma taħkimhomx,
u anqas ebda għomma,
ladarba l-Ħaruf, li
hemm f'nofs it-tron,
ikun ir-ragħaj tagħhom;
u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet ta' l-għejun
tal-ħajja. U Alla
jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom."
Evanġelju: Ġwanni 10, 27-30.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal:
“In-nagħaġ tiegħi
jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U
jiena nagħtihom il-ħajja ta' dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma
jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u
ħadd ma jista' jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna
ħaġa waħda."
|