Saturday, 25 May 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2019) L-GHID: ZMIEN TA’ AHBAR TAJBA
IR-RABA’ HADD TAL-GHID (2019) L-GHID: ZMIEN TA’ AHBAR TAJBA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 May 2019

Din hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd tal-Ghid ( 2019 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 gesu_raghaj_tajjeb.png

 

Żmien il-Għid hu Żmien “il-Kerigma”, l-Aħbar it-Tajba.  Liema Aħbar?  Li l-Mewt inbelgħet fir-rebħa!  Hallelujah!  Hi Aħbar li titwemmen minn ftit, u dawn jemmnuha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  In-natura mwaqqa’ tagħna, kkundizzjonata mid-“Dnub ta’ Adam”, minnha nnifisha, bis-saħħa tagħha biss ma tista’ qatt temmen li l-Mewt intrebħet tassew, ma tistax temmen din “il-Big Bang” spiritwali li twassal għal Ħolqien Ġdid, ħlejqa ġdida.  Imma dawk li jinagħtaw mill-Ispirtu li jemmnu tassew li minn issa ’l quddiem l-ebda Mewt mhi se toqtolhom, dawn jitwieldu mill-ġdid, għat-tieni darba, mill-Ispirtu s-Santu.

 

L-ewwel twelid kien mill-omm u l-missier naturali tagħna u l-ħlejqa li twieldet mill-ġisem kellha natura ġa mejta għax ġa bdiet tmut.  Imma dawk li jitwieldu t-tieni darba, jitwieldu issa mill-Ispirtu, b’natura divina, u għalhekk huma Wlied Alla.  Din in-natura ġdida ma tibżax iktar mill-Mewt u għalhekk mhix iktar egoista.  Hi din in-natura ġdida biss (ara Ġw. 3, meta Kristu jitkellem fuq dan ma’ Nikodemu) li kapaċi tħobb lill-għadu.  Din hi l-Qdusija.  Din hi l-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem.  Din hi l-Ġenna li tibda minn hawn imma li tilħaq il-milja tagħha wara l-mewt fiżika.

 

Min hu kapaċi jwettaq dan il-miraklu, din il-bidla stupenda fil-qalb tiegħu?  Hu nnifsu?  Le!  Mhux int li ssalva lilek innifsek għax int ma tistax terġa’ tidħol ġo ġuf ommok u twelled lilek innifsek darb’oħra.  Ħafna nies li għandhom intenzjoni tajba jaqtgħu qalbhom għax jerfgħu fuqhom il-piż li refa’ Alla minflokhom u għalihom.  Dan iwassal għall-kontradizzjoni kbira u nistgħu ngħidulu skandlu li tara Nsara bil-geddum, għajjiena spiritwalment u kemm kemm ma  jgħirux għal dawk li tawha għad-dinja u jixxalaw u jidħku!  In-Nisrani, li għaraf l-Imħabba ta’ Alla u s-Salvazzjoni li rċieva bi Grazzja b’merti ta’ Kristu, hu l-waħdieni li hu tassew ħieles, ferħan, minli gratitudni u Mħabba.

 

Kristu tela fuq il-Kalvarju u ġarr miegħu in-natura l-qadima tagħna u sammarha miegħu fuq is-Salib.  Tant iħobbna Alla li abbanduna lil Ibnu mlibbes in-natura mejta u midinba tagħna li biha twelidna, u din in-natura ħaditu lejn Mewt krudila.  Imma ma’ Kristu miet il-bniedem il-qadim tagħna u mal-Qawmien tiegħu qamet ukoll għal kull wieħed minna natura ġdida.  Din hija bomba fl-Istorja Umana.  Din hi l-Aħbar ċentrali u l-iktar importanti li qatt ixxandret.

 

X’inhu mitlub minna, allura?  Li nemmnu din l-Aħbar; li nemmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, (il-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħU).  Imma saħansitra li wieħed jemmen, kif ġa għidna, hu Grazzja, rigal minn Alla!  l-Appostli emmnu bi Grazzja nhar Għid il-Ħamsin; Pawlu emmen bi Grazzja fit-triq ta’ Damasku, u l-bqija.  Din hija t-triq tas-salvazzjoni, tat-twelid ġdid: nemmnu f’dak li kisbilna Kristu u tahulna b’xejn, u hekk insiru bnedmin ġodda kapaċi ngħixu l-mod ta’ Ħajja li jridna Hu.  Liema mod ta’ Ħajja?  Fl-għaqda ta’ bejnietna u fl-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Min jasal hawn ikun ħaj għal dejjem u San Ġwann l-Evanġelista jasal biex jgħid li għal bniedem bħal dan mhemmx Ħaqq għax diġa għadda mill-Mewt għall-Ħajja, diġa jinsab fil-Ġenna ġa minn hawn!

 

Din hija l-meravilja tal-Kristjaneżmu!!  Id-dinja ma tistax tifhmu.  Id-dinja tasal biex tifhem ir-reliġjoniiet l-oħra imma lill-Kristjaneżmu le.  Għax ir-reliġjonijiet l-oħra kollha huma “naturali”, bbażżati fuq in-natura l-qadima li biha twelidna.  M’hemmx fihom twelid ġdid għal natura ġdida.  Huma kollha mfassla mill-bniedem fuq sett ta’ liġijiet li l-bniedem suppost li hu kapaċi jobdi.  Iktar kemm jobdi, iktar għandu ċans jieħu r-rigal mingħand Alla. 

 

Imma l-Verità hi l-Aħbar ta’ Kristu!  Hu ġie għal dawk li ma jifilħux jobdu l-Liġi biex obdiha Hu minflokhom biex rebaħ għalihom merti li ma kinux tagħhom imma tiegħu.  Dan hu l-għaġeb.  Il-Ħalliel (“it-Tajjeb”!), li ma kien tajjeb xejn u ma kellu l-ebda merti biex isalva, dar lejn Kristu bil-Fidi.  Inagħtalu, bi Grazzja, li b’istint misterjuż jagħraf li f’dan il-ħabsi mdendel miegħu kien hemm Alla!  X’Miraklu Morali!  Hu dar lejH u emmen u talbu s-salvazzjoni “gratis”, b’xejn, u inagħtatlu!  Din hi l-kbira.  Inagħtatlu!  Dan hu skandlu għar-reliġjonijiet kollha li jisħqu li l-bniedem għandu jitħabat, jitqażaħ, jissagrifika ruħu biex jogħġob lil Alla u hekk jidħol mill-bieb ta’ dejjem.  Hi skandlu wkoll għax-xjaten li x’ħin ikunu qed jgħorku jdejhom għax irnexxilhom jindannaw bniedem, jaraw ix-xibka titqatta’ u hu jeħles bħal għasfur għax emmen fil-merti ta’ Kristu u ta Glorja lil Alla li miet biex il-midneb jgħix għal dejjem.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tar-Raba’ Ħadd tal-Għid

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  13, 14,  43-52.

 

F’dak iż-żmien: Pawlu u Barnaba, minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f'Antjokja ta' Pisidja. F'jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. 

 

U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma' Pawlu u ma' Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta' Alla.

 

Is-Sibt ta' wara, tista' tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma' l-kelma tal-Mulej.  Il-Lhud, meta raw il-folol, mtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu.  Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: "Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta' Alla titħabbar lilkom  l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta' dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani.  Għax hekk ordnalna l-Mulej,

 

     ’Jien għamiltek dawl tal-ġnus,

     biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’ 

 

Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta' dejjem emmnu.  Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered ma' l-art kollha.  Imma l-Lhud xewwxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajjmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom 'il barra minn arthom.  Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma' riġlejhom u marru Ikonju.  Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu  s-Santu.

 

Salm Responsorjali: Salm 100

 

Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah!

 

Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha ta' l-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b'għana ferrieħi.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

 

Idħlu b'għana ta' ħajr mill-bibien tiegħu,

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

roddulu ħajr u bierku ismu!

 

Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tjieba tiegħu;

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu.

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  7, 9,  14b-17.

 

Jiena Ġwanni ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista' jgħoddha,   minn  kull  ġens  u  tribù, minn  kull poplu u lsien, weqfin

quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f'idejhom.

 

Mbagħad qalli: "Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.

 

     Għalhekk jinsabu quddiem it-tron

     ta' Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu;

     u dak li qiegħed fuq it-tron  

     jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu.

 

     Ma jbatux aktar ġuħ,

     anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; 

     ix-xemx ma taħkimhomx, 

     u anqas ebda għomma,

     ladarba l-Ħaruf, li hemm f'nofs it-tron,

     ikun ir-ragħaj tagħhom; 

     u  hu  jwassalhom  ħdejn  ilmijiet  ta'  l-għejun tal-ħajja.  U  Alla

     jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom."

 

Evanġelju: Ġwanni 10, 27-30.

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.  U jiena nagħtihom il-ħajja ta' dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.  Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista' jaħtafhom minn id il-Missier.  Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda."

 

Last Updated ( Saturday, 11 May 2019 )
 
< Prev   Next >