Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd tal-Ghid ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kristu ġie fid-dinja biex
isalva d-dinja. Hu wettaq din
il-Missjoni enormi billi ġarrab f’ġismu l-Misteru tal-Għid li bih Hu ġab
fix-xejn l-ikbar għadu tal-bniedem li hi l-Mewt ta’ dejjem. Meta l-Missier qajmu mill-Mewt Hu għamlu
Spirtu ta’ Ħajja ta’ Dejjem li jinagħta lil dawk kollha li jemmnu fiH. Minn issa ’l quddiem is-salvazzjoni
tal-bniedem ma tiddependix iktar
mill-isforzi tiegħu kemm hu kapaċi jobdi l-Liġi. Fuq il-Liġi kien ibbażat il-Patt tat-Testment
l-Antik li kien falla għal kollox għax l-ebda bniedem ma nstab kapaċi li jobdi
l-Liġi tal-Qdusija. Il-bniedem kien hemm bżonn li tinbidillu qalbu u din
il-ħaġa hu Alla biss li kapaċi jagħmilha u mhux il-bniedem innifsu.
Dawk kollha li jemmnu fi
Kristu u fil-Mewt u l-Qawmien tiegħU, jinagħtaw Spirtu ġdid, natura ġdida, qalb
ġdida. Fihom jibda jgħammar Dak li rebaħ
il-Mewt, Dak li ma jafx x’inhu dnub u hekk anke huma jsiru ħlejjaq li jgħixu
għal dejjem. Iktar kemm tikber il-Fidi
fina u iktar kemm ngħarfu iktar li l-Għid ta’ Kristu hu l-Għid tagħna, li
l-merti tiegħU huma l-merti tagħna, allura nibdew ngħixu, b’xi mod, il-Ġenna,
il-Ħajja għal dejjem ġa minn hawn. Dawn
huma n-nies li jiffurmaw il-Knisja ta’ Kristu.
Kollox jiddependi mill-Fidi. Fejn qabel il-bniedem prova jobdi l-Liġi u
jsalva biha imma falla, issa bl-Ispirtu ta’ Ġesù ġewwa fih isir kapaċi jgħix
il-Liġi fis-sħuħija tagħha, għax hu Kristu li jgħix fih, hu Kristu li jobdi
l-Liġi fih, hu Kristu li jħobb lil Alla u lill-proxxmu fih. Dan huwa l-Patt il-Ġdid u dejjiemi li
l-Missier minn dejjem kellu f’moħħu li jwettaq magħna b’Ibnu.
Fl-Apokalissi hemm xena
mpressjonanti ħafna fejn jinġieb il-Ktieb tal-Ħajja issiġillat b’seba’
siġilli. Il-ħolqien kollu waqaf sieket
imxennaq li jinfetaħ il-Ktieb li jagħti l-Ħajja ta’ Dejjem lil kulħadd u jeqred
il-Mewt għal dejjem u nerġgħu lura lejn l-oriġini tal-Ġnien tal-Għeden. Iżda, ħaġa tal-għaġeb, ma nstab ħadd
mill-bnedmin jew mill-anġli li kien kapaċi jiftaħ il-Ktieb u jkisser is-siġilli
tiegħu, u l-Appostlu Ġwanni, li kien qed jara din id-deħra, infexx, flimkien
mal-ħolqien kollu, f’bikja kbira u ddisprata.
Imma f’dak il-ħin jidher Ħaruf, dgħajjef imma fl-istess ħin b’saħħtu,
b’għonqu mħanxar għax kien maqtul imma fl-istess ħin kien ħaj. U dan il-Ħaruf inagħtalu l-Ktieb li jagħti
l-Ħajja u Hu fetħu! Kristu fetaħ il-bieb
tal-Ħajja għalina! Il-Mewt hi mirbuħa,
hallelujah!
Mhux kulħadd jemmen
f’dan. Dan hu ċar. Imma l-Missier għażel għalih Ġemgħa qaddisa
ta’ nies li jikbru fil-Fidi, li huma mejta bil-għatx għal għarfien dejjem akbar
ta’ dan il-Misteru tal-Ħaruf. Hu
għażilhom biex jagħmilhom Knisja, Ġemgħa li temmen. Hu żejjinha lil din il-Knisja b’Fidi li
ddawwalha għal dejjem, u din il-Fidi hi Grazzja, rigal b’xejn bla mhu mistħoqq. Hu jagħżel nies dgħajfa, forsi agħar
mill-oħrajn, biex fihom tidher il-qawwa tiegħU u tiegħU biss, u jimlihom
bl-Ispirtu tiegħu ta’ Ħajja għal dejjem.
Issa dan jagħmlu mhux
b’risq tagħhom biss. Alla jrid isalva
lid-dinja kollha. Hu jpoġġi l-Knisja
f’nofs dinja mejta, biex permezz tal-Knisja li hi l-Ġisem ta’ Kristu, d-dinja
ssalva, tieħu l-Ħajja, tieħu togħma tajba, tiġi mdawla. Kristu għadu jgħix fid-dinja fil-Ġisem
mistiku tiegħu li hu l-Knisja. Fejn hemm
il-Knisja hemm Kristu. Fejn hemm Ġemgħa
ta’ nies li kibru fil-Fidi u li l-Magħmudija tagħhom ma baqgħetx biss rit li
rċivew meta kienu trabi imma mmaturat fil-qjies li ried il-Missier, hemm
jgħammar Kristu, huma Kristu. In-Nisrani
matur fil-Fidi huwa Kristu bi Grazzja, b’rigal.
Mhux għax kien jistħoqqlu jew kien aħjar mill-pagani, imma Alla għamlu
xbiha ta’ Kristu b’risq il-pagani biex kulħadd ikun imdawwal b’xi mod u hekk
isalva.
Din hi l-Missjoni
tal-Knisja. Mhux li tkun istituzzjoni
setagħna, mimliha privileġġi. Lanqas li kulħadd ikun membru tagħha. Kristu sejħilha l-melħ tal-art u d-dawl
tad-dinja. Fil-borma, ftit huwa l-melħ,
imma mingħajru tarmi l-borma b’kollox għax tkun bla togħma. Fil-kamra, ftit spazju hu okkupat min-nar jew
mill-bozza li ddawwal, imma l-kamra kollha tiddi minħabba fiha. M’hemmx bżonn ta’ Knisja “kbira” fin-numru,
imma tassew għandna bżonn ta’ Knisja “kbira” fil-Fidi li minnha joħroġ Dawl
qawwi ta’ xhieda u tkun melħ li ma qatax.
Anzi, iktar kemm tkun ċkejkna u umli iktar qawwi d-dawl tagħha, u iktar
kemm titfa’ melħ bil-qjies, iktar taqdi l-borma.
Issa, kif tmellaħ jew
iddawwal lid-dinja l-Knisja? Billi tati
sinjali li fiha tassew hemm Kristu ħaj u li l-membri tagħha tassew ircivew
il-Ħajja għal dejjem ġewwa fihom. Għax hawn
qed nitkellmu fuq ħwejjeġ serji. Jekk
ngħidu li nemmnu fil-Ħajja għal dejjem, dan wieħed irid jurih b’għemilu! U liema huma dawn is-sinjali li d-dinja
tixxennaq li tara. Huma tnejn: l-Għaqda
ta’ bejn l-aħwa u l-Imħabba lejn il-proxxmu fil-qjies tas-salib, jiġifieri
l-Imħabba lejn l-għadu.
L-Għaqda u l-Imħabba għal
kulħadd huma virtujiet li l-ebda bniedem bin-natura mwaqqa’ tiegħu ma jista’
jipproduċi u meta d-dinja tarahom f’ġemgħa ta’ nies, hi tgħid: “Hawn tassew li
jinsab Alla!” Jekk tnejn min-nies huma
ħaġa waħda bejniethom u jħobbu lill-għadu tagħhom, dan hu ovvju u ċar li mhux
biċċa xogħol tagħhom imma hu Alla li ħadem fihom bi Kristu. Id-dinja hi mimlija b’nies imjassra
mill-bniedem il-qadim li jibża’ mill-mewt u li hu egoist. Dawn jiddefendu lilhom infushom il-ħin kollu
u m’għandhomx saħħa jinagħtaw għax il-mewt li timmarkahom ma tħallihomx. Sinjal ta’ dan hu l-kriżi taż-żwieġ u
l-familja. Minflok l-Għaqda naraw
il-firda għax wieħed jara rival fl-ieħor.
Biex tfieq u tikkonverti minn din it-tensjoni kollha, d-dinja trid tara. Trid tara sinjali. U Alla jrid juriha sinjali li tassew il-mewt
ġiet mirbuħa minn Kristu. Hu għalhekk li
Kristu jixxennaq li f’dinja msejkna bħal tagħna jidher dawl qawwi, melħ li
jagħti togħma, u dawn l-affarijiet huma li jagħmlu l-Knisja.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-Ħames Ħadd tal-Għid
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 14, 21-27.
F’dak iż-żmien: Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu
l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom,
jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta' Alla. Għamlulhom
ukoll presbiteri f'kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f'idejn il-Mulej,
li fih kienu emmnu.
Mbagħad għaddew minn Pisidja u ġew
fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f'Perġe, niżlu
Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu
bagħtuhom u rrikkmandawhom f'idejn il-grazzja ta' Alla għax-xogħol li
temmew.
Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u
qagħdu jgħarrfuhom b'dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ
il-bieb tal-fidi għall-pagani.
Salm Responsorjali: Salm 145
Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tjieba.
Twajjeb ma' kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kull ma għamel.
Kull ma għamilt iroddlok ħajr,Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu.
Biex jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek.
Qari mill-Kteib
tal-Apokalissi ta’ San Ġwann. 21, 1-5a
Jiena Ġwanni, rajt sema
ġdid u art ġdida, għax is-sema ta' qabel u l-art ta' qabel għabu, u ma kienx
hemm iżjed baħar. U l-Belt
il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla,
imħejjija bħal għarusa mżejjna għall-għarus tagħha.
U smajt leħen qawwi ġej
mit-tron jgħid: "Din hi l-għamara ta' Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar
magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull
demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew
tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta' qabel."
Mbagħad dak li hu
bilqiegħda fuq it-tron qal: "Ara, se nġedded kollox."
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Ġwann. 13, 31-33a, 34-35.
Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: "Bin il-bniedem huwa
gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa
gglorifikat permezz ta' Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad
jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah.
Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil
xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli
tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom."
|